‘Meta l-ħrafa tal-pont f’Ġenova saret realtà... Żbalji kontinwi, profeziji injorati

  • Aww 25, 2018 15:15
  • Miktub minn iNews

    Kien ftit qabel nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta li għaddew meta waqt maltempata qawwija, waqgħet parti mill-pont Morandi f’Genova. Il-biċċa li waqgħet kien fiha madwar 80 metru b’diversi karozzi u trakkijiet jinqabdu fiha. Mietu b’kollox 39 persuna fosthom tlett itfal.

    Immedjatament dikjarazzjoni mill-Ministru tal-Infrastruttura, Danilo Toninelli li ddikjara li “jekk hemm persuni responsabbli għal dan, se jkollhom iħallsu”. Minn naħa tiegħu, il-Ministru tall-Intern, Matteo Salvini kien aktar kategoriku u qal li “f’każ bħal dan ma jistax ma jkunx hemm min hu responsabbli”.

    Quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet u quddiem din it-traġedja li ħalliet persuni minn madwar id-dinja imkaħħlin quddiem it-televiżjoni jew l-internet jaraw il-kollass, jista’ jkun hemm responsabbilitajiet li se jibqgħu mistura fi ħdan il-Gvern Taljan. Għaliex qed ngħidu dan? Il-pont Morandi kien inbena fis-snin sittin mill-inġinier Taljan, Riccardo Morandi. Kellu disinn mhux tas-soltu, u dan għax fih intuża ferm u ferm aktar konkrit milli normalment jintużaw fi proġetti bħal dawn. Ovvjament minn ġo l-istess konkrit kien hemm għaddejjin cables tal-ħadid.

    Kien żmien li fih kien hemm kunfidenza tista’ tgħid għamja fil-konkrit rinfurzat. Ilum imma qed tidher realtà differenti, għax it-traffiku żdied u dawn l-istrutturi qdiemu u b’hekk aktar minn qatt qabel qed ikun hemm argumenti dwar is-sigurtà ta’ dawn l-istrutturi.
    Diversi periti fl-Italja, esprimew l-argumenti tagħhom. Fost dawn kien hemm l-arkitett li spjega kif il-konkrit rinfurzat mhux għall-eternità. Bil-vibrazzjonijiet kontinwi kaġunati mit-traffiku u bi xquq fl-istess konkrit, li minnhom tibda tgħaddi l-arja, jistgħu jwasslu għall-kollass.

    Mistoqsija fuq fomm ħafna hi dik ta’ jekk qattx saret manutenzjoni? Filfatt dan il-pont kienet saritlu manutenzjoni estensiva lejn l-aħħar tas-snin disgħin. Dakinhar il-belt ta’ Genova kienet nefqet flus f’manutenzjoni fuq dan il-pont, daqs kemm kien sewa. U anke dakinhar kien hemm min beda jargumenta u juri tħassib fuq l-istabbilità tiegħu.

    Għal ħafna snin il-belt ta’ Genova kellha pjan. Kien issejjaħ il-‘Gronda di Genova’. Din kienet bypass li kellha tieħu u ġġib it-traffiku minn mal-fruntiera Franċiża. Din kienet se tikkonsisti f’mina u permezz ta’ dan il-proġett kellu jonqos it-traffiku minn fuq dan il-pont fosthom it-trakkijiet kbar. Hu stmat li madwar 25 miljun vettura jgħaddu minn fuq dan il-pont kull sena.

    Il-‘Gronda di Genova’ qajmet reazzjoni minn nies tal-lokal. Il-kummerċjanti u l-investituri riduh imma r-residenti opponew.
    Kien hawn li saret dikjarazzjoni li issa qed titqies bħala ‘profetika’. Giovanni Calvini, f’Diċembru tas-sena 2012, li dakinhar kien President tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Taljana f’Ġenova, f’intervista li kien ta’ mal-ġurnal “Il Secolo’, u kien qal li “fi żmien għaxar snin il-pont Morandi se jikkollassa. Meta jiġri dan se jkollha kjuwijiet kbar u se niftakru fl-ismijiet ta’ dawk li qalu le għal proġett ta’ ‘Gronda di Ġenova”.

    Din id-dikjarazzjoni kienet qajmet furur u dibattitu kbir. Il-Kunsillier Paolo Putti, kien esprima r-rabja tiegħu għal dak li qal Calvini u ddikjara li jekk issir il-bypass, fi żmien għaxar snin l-investituri kienu se jilmentaw b’dik l-ispiza ta’ xejn inqas minn €5 biljuni. Ma waqafx hemm u ddikjara li l-pont għandu mal-100 sena oħra wieqaf. Kien sostna li “aħna b’saħħitna u Calvini u l-oħrajn dgħajfin.”.
    U jekk forsi tistaqsu dan Putti lil min kien jirrappreżenta, dan kien il-mexxej lokali tal-Moviment 5 Stelle, li hu sħab fil-koalizzjoni ma’ Salvini fil-gvern ġdid Taljan.

    Filfatt il-Moviment 5 Stelle kienu ppressaw ħafna biex il-‘Gronda di Genova’ ma ssirx. F’April tas-sena 2013, il-moviment permezz ta’ kumitat imsejjaħ “No Gronda’ kien għamel dikjarazzjoni fuq is-sit tal-moviment u ddeskrivew it-tħassib li l-pont seta’ jaqa’ bħala ‘ħrafa’. Dikjarazzjoni li tal-Moviment 5 Stelle baqgħu jiftakru u xi jiem wara l-kollass neħħewha. Wieħed ma’ jridx jinsab ukoll li l-Ministru tal-Infrastruttura Toninelli ukoll jifforma parti mill-Moviment 5 Stelle.

    Hu fatt li l-infieq tal-Gvern Taljan fuq it-toroq naqas bi 12 fil-mija fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena. L-Italja għandha waħda mill-inqas rati ta’ infieq fuq it-toroq fl-Ewropa. Wieħed irid jirrimarka li in-nuqqas ta’ manutenzjoni fit-toroq Taljani ma bediex taħt din l-amministrazzjoni. Fl-aħħar tas-sena 2017, xejn inqas minn 5,000 kilometri ta’ toroq provinċajli ingħalqu minħabba li ma baqgħux tajbin biex ikunu użati. U wara l-waqgħa tal-pont, Toninelli sejjaħ għar-riżenja tal-maniġment ta’ Austostrade per l-Italia, il-kumpanija privata li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tat-toroq. Hu tefa’ it-tort fuqhom minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni neċessarja.
    Immedjata ir-risposta ta’ Stefano Marigliani, Direttur ta’ Austostrade del Tronco Genovese, fejn dan iddikjara li l-kumpanija kienet għamlet il-manutenzjoni skont il-kuntratt u meta waqa’ l-pont kienet għaddejja l-manutenzjoni. Fi kliemu stess, fuq il-pont kienu jsiru spezzjonijiet regolari.

    Minn naħa tiegħu, Salvini, tefa’ it-tort fuq l-Unjoni Ewropea u qal li din kienet għamlet żmien topponi l-proġett tal-‘Gronda di Genova’, u kien biss riċentament li dan ġie approvat.

    Ma’ dan, hemm raġunijiet oħra li qed ikunu indikata bħala li wasslu għal kollass. Fost dawn hemm il-fatt li minn fuq dan il-pont żdiedu b’ammont qawwi it-trakkijiet kbar li jgħaddu minn fuqu. Din iż-żieda kienet minħabba żieda fil-prezz tad-diżil. Jidher li ż-żieda ta’ trakkijiet hi ukoll minħabba direttiva Ewropea li tillimita l-ammont ta’ sigħat li x-xufiera ta’ trakkijiet iridu jagħmlu fuq it-toroq.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0