[ARA] “F’pajjiżi u ma nitkellimx b’ilsieni … Dan insult!” - Rigu Bovingdon

  • Aww 18, 2018 17:20
  • Miktub minn iNews

    “English please’.  Dawn huma messaġġi li kontinwament qegħdin nisimgħu meta fi tmiem il-ġimgħa jew fi ġranet oħra, wieħed imur jiekol f’xi ristorant. Anke jekk tmur tieħu xi fatra ta’ malajr, iċ-ċans hu li min jiġi biex iservik, ikellmek bil-lingwa Ingliża għax ikun barrani. Dan biex ma nsemmux, kif għandna sitwazzjonijiet fejn it-tfal tagħna telgħin f’ambjent fl-iskejjel u sfortunatament anke fid-djar tagħna, fejn il-kommunikazzjoni qiegħda dejjem aktar tkun bil-lingwa Ingliża milli dik Maltija.   Dan biex ma nsemmux l-użu ħażin tal-ilsien Maltin fuq ix-xandir, fejn spiss u b’mod regolari nisimgħu preżentaturi jużaw kliem bl-Ingliż meta għalih għandna kliem bil-Malti.

    Fl-aħħar jiem tkellimna dwar din ir-realtà ma’ Rigu Bovingdon,  kittieb li jħobb il-Maltin u li kien il-promutur tat-tagħlim tal-Malti fl-Awstralja. 

    Rigu jgħidilna bla tlaqlieq li “‘ilni 65 sena barra. Għaliex mhux kulħadd kapaċi jesprimi ruħu bħali?  Sikwit nisimgħu xi ħadd fuq it-televiżjoni, jistaqsi bil-Malti u jwieġeb bl-Ingliż. Kif tittoleraw dan?  Kif nittolleraw li wejters fir-ristoranti, ħadd minnhom għajr ftit,  ma jafu bil-Malti. Jgħidulek ‘English please’. Dan hu pajjiżi. Allur kif tiġi tgħidli ma nitkellimx b’ilsieni.  Dan hu insult.”

    Nistaqsuh dwar x’futur jara għall-ilsien Malti u jgħidilna li “bħala futur għall-ilsien Malti, ma nistax inbassar. Nista’ nibbaża dak li se ngħid fuq li nara u nisma’ bħala Malti ta’ barra. Nara li minn sena għal sena il-lingwa Maltija sejra lura bħal granċ. Għaliex? Il-marda hi antika u ġejja minn żmien l-Ingliżi u anke qabel u baqgħet tiġġedded fl-amministrazzjonijiet Maltin li ġew wara kollha kemm huma fejn ma tteħdux passi biżżejjed biex is-sistema edukattiva Maltija kemm fi skejjel tal-gvern u privati tittejjeb. Ħafna skejjel privati għadhom sa llum iħarsu bl-ikrah lejn il-lingwa Maltija. Milli nisma’ anke jikkastigaw lil xi tfal jekk jisimgħuhom jitkellmu bejniethom bil-Malti bħallikieku l-Malti xi lingwa pastaża. Lanqas xejn. Għandha lingwa għanja ħafna.  Għanja fis-sens mhux biss f’vokabolajru u letteratura imma l-potenzjal li l-Malti għandu fih is-sistema tal-għeruq u nistgħu nibnu kliem ġdid. Il-lingwa  arrikkixxiet ruħha meta tħalltet mar-rumanz u allura  daħal ukoll dak li ngħidulu l-konkatenazzjoni u din hi meta żżid biċċiet bħal suffissi,  prefissi u infissi fil-kelma biex tespandi it-tifisr. Qed ngħidu bħal sabiħ biex ngħid is-superlattiv ngħid l-aktar sabiħ, imma nista’ ngħid sabiħ ismu u dan hu l-Malti u rumanż flimkien. L-awtoritjaiet u l-knisja permezz ta’ kappillani u qassisin għandhom jaraw kif jagħmlu, speċjalment fil-knejjes,  biex jinkoraġixxu lill-poplu juża l-Malti aħjar u aktar.  Għandhom jaqtgħu l-innijiet bl-Ingliż.  Għaliex tkanta innijiet bl-Ingliż f’parroċċa fejn kulħadd jitkellem bil-Malti? X’sinifikat fih li tagħmel l-innijiet bl-Ingliż? Hemm l-iskejjel tal-gvern imma hemm bżonn li nagħtu ħarsa profonda lilna nfusa u naraw minn fejn ġejja l-marda, li qiegħda tikber, qisha bħal skalda li flok tfieq issir agħar. Iridu jaraw kif jinkoraġixxu lill-poplu iħobb aktar l-ilsien li ilu juża għal dawn il-mijiet ta’ snin u dan ifisser il-ġrajjiet tiegħu, kull ma ħass u l-glorji kollha tla-pajjiż.” 

    Itenni li “kulħadd jaf lil Oliver |Friġġieri u lil Dun Karm Psaila. Hemm kittieba kbar oħra. Aqraw u komplu agħtu importanza lil kotba kbar li inkitbu u mhux isem biss.Mhux hawn min bilkemm jaf min kiteb ‘Taħt Tliet Saltniet”, ‘Il-Fidwa tal-Bdiewa’ u “Raġel bil-Għaqal’. Dawk fihom Malti bellezza. Hemmhekk hemm il-pedament u nimxu fuqu. Ma ngħidx li l-awturi tal-lum ma jiktbux sabiħ imma mhux twarrab lil oħrajn il-kbar. Mur għidilhom lill-Grecja ma jistudjawx lil Omeru u Temistokle. Jgħidulek dawk huma it-teżori tagħna. Mela l-Malti hemm bżonn li jħares ħarsa profonda lejh innifsu, jikkritika lilu nnifsu u naraw kif intejbu dan l-ilsien tagħna.”

    Rigu jgħidilna li “fejn tidħol il-lingwa mil-lat ta’ letteratura ilħaqna mal-pajjiżi u lingwi kbar.  Per eżempju l-opri letterarji l-kbar kważi kollha inqalbu għall-Malti. Insemmu id-Divina Commedia, ta’ Shakespeare, il-Bibbja u il-Koran. Kollha inqalbu. Mela il-Malti kapaċi jasal.  Jiddispjaċini li l-futur għal lingwa Maltija ma jidhirx tajjeb ħafna.” 

    Rigu jgħidilna li “l-poplu qed idaħħal ruxxmata kliem mil-lingwa Ingliża. Ħafna drabi bla bżonn, u l-idjoma Maltija li naf min ċkuniti qed tintilef.  Ma’  persuna Maltija użajt il-kelma lewn u din daret fuqi u qaltli xi tfisser dik il-kelma. Għiditlha dik tfisser kulur. Jiddispjaċini ngħid li hawn nies Maltin li qatt ma għexu barra u kienu edukati hawn, imma dawn m’għandhomx għarfien tal-lingwa Maltija. Minn fejn ġejja din il-marda hi profodona u twila. Ġejja mill-klassiżmu u mis-sistema edukattiva. Affarijiet li writna u rridu nirranġawhaom jekk il-lingwa Maltija trid  tibqa’ tgħix. Illum anke lingwa bħall-Ingliż qed tjiffaċċja l-isfidi.  Dan hu  fejn jirrigwarda it-tkissir tal-lingwa.”  

    Nistaqsuh dwar jekk jarax soluzzjoni għal dan u jgħidilna li “diffiċli. Nemmen li l-għaqdiet kollha tal-Malti inkluż il-kunsill u l-Akkademja u l-għaqda poeti flimkien mal-Università għandhom jagħmlu sforz kollettiv biex b’xi mod ireġġgħu lura   dan il-kurrent li qed jaħkem lil Malta b’mod goff u qed jheżżeż il-fundamenti tal-lingwa Maltija.  Nibdew mill-Malti mitkellem.”

    Il-problema qiegħda fil-Malti mitkellem. Hawn Maltin li jew ma jafux bil-Malti jew jitkellmu Malti imkisser. Qed nara ukoll li qed  jitilfu l-bażi semitika tal-Malti, l-għerq u  ma jafux jiffurmaw kliem ġdid. Għalhekk dan il-faqar lingwistiku. Allura x’qed jagħmlu? Imorru dritt għall-kliem mill-Ingliż jew mit-Taljan.   Meta kien hemm il-ġlied f’dik li kienet il-Jugoslavja, editur ta’ gazzetta kien irrefera għal bniedem mill-Bosnija bħala Bosnijakk. Dan meta suppost kiteb Bosnijan. Jien iffaċċjajtu u urejtu kif persuna mill-Italja ngħidulu Taljan u mhux Taljak.”

    Jenfasizza li “l-Akkademja tal-Malti dejjem kellha xi awtorità u konna mexjin għax kienet indrat.  Fi żmien Guze Aquilina, kienu diġa bdew jużaw ċertu kliem Ingliż li kien indara.  Ċertu kliem ma ntuhx ċans jieħu forma Maltija u qed ndaħħluh mill-ewwel. Indaħħlu kliem Ingliż li m’għandniex bżonn. Il-Kunsill tal-Malti qed jagħmel ħafna ġid. Biss qed jikkonċentra fuq il-miktub biss. Irid jikkonċentra ukoll fuq il-Malti mitkellem. Iridu jikkonsultaw lill-Maltin ta’ barra ukoll għax sa issa ħadd ma kkonsultana.  Fl-att li ħoloq il-kunsill hemm żball wieħed li għadu hemm, fejn ingħata l-qawwa assoluta li jgħaddi liġijiet.  Ħadd fid-dinja, l-ebda awtorità, ma jkollhom id-dritt  ta’ kmand b’digriet biex tgħid li mil-lum ‘lhemm,  ibda ikteb hekk u mhux kif kont qabel.  Kellna l-kellna ‘Għarbi’,    imma imbagħad  ‘Għarabja’ neħħewlha  l-‘għ’.  Din qisek qed taqbad mara sabiħa u tneżżagħha mis-sbuħija tagħha. Aħna irridu naħsbu bħala Maltin. Dik il-klawsola fl-att, għandha titneħħa. Dment li tibqa’ hekk, il-ferita se tibqa’ dejjem miftuħa. Hawn ħafna awturi u nies serji li qaluli li mhux se nikteb aktar bil-Malti għax ġejjin b’dawn il-ħmerijiet. Kemm gvern u kemm Oppożizzjoni għandhom jaraw li  mhux ixolji il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti imma li dik il-klawsola għandha titneħħa u l-kunsill jibqa’. Nemmen li għandu jkun kunsill b’ħidma kollettiva. Għandu jkun tal-poplu kollu  u mhux jiltaqa’ bejn erba’ ħitan. It-tieni ħafna nies mhux kapaċi iqumu u jitkellmu.”

    L-iskejjel tal-Malti fl-Awstralja … x’futur hemm?  

    Nitkellem miegħu dwar l-iskejjel tal-ilsien Malti fl-Awstralja u jgħidilna li “hemm skejjel fi New South Wales, South Australia, f’Victoria, fi Queeensland u Western Ausralia.  Id-domanda minn ulied il-Maltin, qiegħda hemm imma majnat.   Seta’ sar iktar  fis-sittinijiet, sebgħijnijiet u tmeninijiet,   Il-poplu imma kien għadu mhux intonat għal dawn l-affarijiet. Biex tilħaq il-Maltin tal-Awstralja imnalla hemm il-porgrammi Maltin.  Dawn dejjem qed jonqsu. Donnhom iridu jeqirduna bil-mod għax  kommunità żgħira. Aħna m’għandniex djar kummerċjal kbar bħat-Taljani. Il-gvern Taljan  minn dejjem kien jgħinhom. Anki hawn il-futur ma jidhirx sabiħ. Fuq ix-xefaq qed iberraq.   Għad jiġi żmien li l-Malti jintesa’. Ix-xjuħ qed imutu. Jien ma nistax nisforza lil uliedi  jitgħallmu l-Malti. Jekk m’għandhomx ġibda, uinti tisforzahom, inti tkun  qed iġġiegħlhom jobogħduh.  Ħaġa tajba li Mintoff kien daħħal l-Għarbi imma l-ħażina kienet li għamilha ta’ bilfors.  Meta tisforzah il-bniedem jirribella.”

    Għaliex ir-reliġjon, l-istorja u l-ġeografija jiġu mgħallma bl-Ingliż?

    Dwar it-tagħlim jgħidilna li “ma nafx kif inhi s-sistema llum. Imma għaliex suġġett bħar-reliġjon jiġi mgħallem bl-Ingliż? Għaliex anke l- ġeografija u l-istorja qed jiġu mgħallmin bl-Ingliż? Dawn jistgħu jiġu mgħallmin bil-Malti.  Meta jien kont l-università hawn bejn is-sena 1994 u s-sena 1998, ħafna minn sħabi universitarji li qatt ma kienu emigraw, kienu jgħiduli kif taf dan il-Malti kollu. Jien kont ngħidilhom kif intom ma tafux aktar minni. Jien għamilt  65 sena barra u missieri Ingliż. Din turi li hemm xi ħaġa mhix tiffunzjona  fis-sistema edukattiva”.

    Nistaqsuh dwar il-kontroversja marbuta ma’ tagħlim u eżamijiet eħfef tal-Malti għal barranin li jgħixu hawn.  Rigu jisħaq li “l-ewwelnett qabel ma ħareġ il-gvern biha kien hemm kittieba li ħarġu grammatika biex jgħallmu l-Malti lill-barranin.  Hemm Charles Saliba li kiteb għat-Taljani biex jitgħallmu l-Malti. Dan juri li hu  ħass li hemm domanda. Kellek lil Ġuze Aquilina li kiteb biex jgħallem il-Malti lill-Ingliżi u kien hemm oħrajn. X’hemm ħażin li tgħallem il-Malti lill-barranin u jien ngħid anke lil ċertu Maltin li ma jafux il-Malti. U biex tgħallmu lil dawn bilfors trid teħodhom fuq livell differenti.  X’hemm kontrovjsali fiha? Anzi jien ngħid li hi ħaġa tajba.”

    L-appell lill-Maltin

    “Bħala bniedem li ħabb l-ilsien Malti minn tfuliti nittama li l-Malti ma jmutx u jkompli jiffjorixxi. Fuq livelli akkademiċi mexa l-quddiem imma fit-triqat sejjer lura b’pass ta’ ġgant. Xi ħaġa trid  issir, biex il-Malti ikompli u jisseddaq” itemm jgħid Rigu Bovingdon.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0