“It-tfal jibżgħu li ma jiġux emmnuti” … Il-psikologa Steffi Borg Bartolo tkellimna dwar l-effetti ta’ abbużi sesswali fuq il-minorenni

  • Aww 17, 2018 08:08
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Meta t-tfal jgħidulkom xi ħaġa isimgħuhom, emmnuhom, ħuduhom għall-għajnuna u mbagħad fittxu support għalikom ukoll għax il-familjari tal-vittmi wkoll jgħaddu minn mumenti ta’ tbatija kbira.” Dan hu l-parir tal-psikologa, Dr Steffi Borg Bartolo, li tagħti lill-ġenituri ta’ minuri vittmi ta’ abbuż sesswali u biex ma jitfgħux il-ħtija ta’ dak kollu li ġara għax ħafna drabi l-ġenituri jagħmlu mill-aħjar li jistgħu u xorta tiġri xi ħaġa kerha bħal din.

    Dr Borg Bartolo tkellmet ma' Inewsmalta fejn tispjega kif kwalunkwe abbuż li jsir fuq it-tfal b’xi mod jew ieħor jagħmel tip ta’ ħsara, kemm dak il-ħin kif ukoll/jew aktar tard fil-ħajja tagħhom. Mhux bilfors iħossu t-tnejn. 

    “Meta qegħdin nitkellmu fuq abbuż sesswali wieħed irid iżomm f’moħħu li diversi affarijiet ġew affettwaw ħażin lit-tfal, inkluż is-sens ta’ sigurtà, l-emozzjonijiet tagħhom u l-abblità li huma jikkontrollaw x’qed jiġri, kif ukoll il-lat fiżiku.” Dan jiġifieri meta nitkellmu dwar abbuż il-ħsara ma ssirx biss fuq livell fiżiku iżda anke psikoloġikament u dan huwa possibbilment l-ikbar ħsara li tkompli taffettwa lill-vittmi għal żmien twil.

    Għallmu, għallmu u għallmu lil uliedkom!

    It-terapista tgħid kif wieħed jista’ jieħu ċertu prekawzjonijiet billi per eżempju, jitkellmu mat-tfal u jgħallmuhom li ħadd ma jista’ jmiss il-private part tagħhom u jekk dan isir, biex jitkellmu magħhom. Il-parir tagħha hu li importanti li d-diskors isir mingħajr ma nqanqlu biża’ fit-tfal bla bżonn, però tajjeb li ġieli jkollna dawn il-konversazzjonijiet ma’ wliedna. 

    “Kunu attenti għal ċerti bidliet fit-tfal bħal fl-irqad, l-ikel, il-burdata jew xi mġieba mhux tas-soltu li ddum ma titlaq.” Dr Steffi temmen li jgħin ħafna li l-ġenituri jitkellmu mat-tfal dwar kif kienet il-ġurnata tagħhom, jgħinuhom iħossuhom komdi biex jitkellmu fuq kwalunkwe suġġett u jekk isemmu xi ħaġa li saret u mhix aċċettabbli għandhom jieħdu azzjoni. Barra minnhekk hu importanti li jsegwu u jaraw x’inhuma jagħmlu meta t-tfal ikunu onlajn.

    It-terapista tgħidilna kif ħafna drabi, speċjalment f’kaz ta’ abbuż sesswali, it-tfal iħossu li dak li qed jiġri hu t-tort tagħhom. Dan għax jew ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif dwar x’aġir m’għandux iseħħ jew għax ikollhom self esteem baxx. Ħafna drabi jiġri hekk għax il-predatur sesswali jġiegħelhom jaħsbu li dan qed isir jew għax huma stess urew sinjali li jixtiquha jew għax kienu tfal ħżiena. “Idaħħlulhom il-ħsieb li jekk jitkellmu ħadd m’hu se jemminhom jew li nkella se jaqilgħu l-inkwiet,” tkompli Dr Borg Bartolo. 

    Ċans li l-abbuż jikber…

    Il-problema hija li meta jitkellmu u xi wieħed mill-ġenituri ma jemminhomx, il-pedofelu għandu ċans ikbar li jerġa’ jabbuża u juża l-argument li, ‘ħadd m’hu se jemmen tifel jew tifla fuq kelma tiegħu, jiġifieri fuq dik ta’ adult’. 

    It-terapista tgħidilna kif hi ħaġa verament ta’ solitudni fejn dawn it-tfal iħossu li ma jistgħu jitkellmu ma’ ħadd u jispiċċaw iġorru l-emozzjonijiet kollha waħidhom għal snin twal. Ġieli, però mhux dejjem, biex dawn il-vittmi ta’ abbuż sesswali ma jħossux it-toqol iżjed, jispiċċaw biex ikampaw jagħmlu użu ta’ diversi affarijiet bħal drogi, ħsara fuq persunthom (self harm), xorb u affarijiet oħra. Dan isir biex għal ftit ħin jippruvaw jinsew u jaħarbu minn din it-trawma.

    Hemm diversi raġunijiet għalfejn il-vittmi ma jitkellmux dwar dak li jkunu qegħdin jgħaddu minnu u dan l-istess għala ħafna mill-adulti għadhom ma jħossuhomx komdi biex jitkellmu dwar is-suġġett. Dr Borg Bartolo tispjega li, “ħafna drabi hemm biża’ li ma jiġux emmunti. Ir-riskju li ġenitur ma jemmnekx wara li tkun tkellimt huwa ħafna drabi ferm agħar milli kieku jżommuh sigriet u allura ħafna drabi ma jitkellmux”. 

    Tgħidilna li raġunijiet oħra huma li jista’ jkun hemm biża’ li jekk jitkellmu l-abbuż jiġi agħar, ikunu mhedda bi kliem bħal, ‘ħażin ikun għalik’ jew ‘min se jemmnek lilek?’, iħossuhom li m’għadhomx l-istess u tidħol il-biża’ li jekk jitkellmu n-nies se jħarsu lejhom b’mod differenti.

    It-terapista ssostni li l-effetti ta’ abbuż sesswali fit-tfulija jafu jerġgħu joħorġu f’perjodi differenti fil-ħajja u għalhekk huwa importanti li l-minuri j/tirċievi l-għajnuna professjonali u ħafna appoġġ mingħand il-familja għax dan ħafna drabi jagħmel differenza kbira fuq l-effett li din it-trawma tħalli fuqhom.

    Ngħinuhom jiftħu qalbhom u jifhmu dak li ġralhom 

    Hi tgħidilna li kull persuna li tgħaddi minn trawma, anke f’każi ta’ abbuż sesswali, għandha l-possibbiltà li jkollha ħajja normali speċjalment jekk tingħata l-għajnuna li għandha bżonn. Bħala terapija, meta jkun hemm ħjiel ta’ abbuż sesswali fuq minuri, hemm modi differenti, anke  u skont l-età tat-tfal, fejn anke jinħoloq ambjent biex it-tifel jew tifla jħossuhom komdi li jgħidu dak li jkunu qegħdin jgħaddu minnu jew inkella tinġabar aktar informazzjoni. 

    Dr Borg Bartolo tgħid bħala terapisti jirreferu dawn il-każijiet lill-ħaddiema soċjali min-naħa tal-protezzjoni għall-ħarsien tat-tfal li ħafna drabi però l-konklużjoni ssir mingħand il-ħaddiema soċjali min-naħa tal-protezzjoni għall-ħarsien tat-tfal fejn huma bħala terapisti jirreferulhom dawn il-każijiet. Ġieli l-ħaddiema soċjali jqabbdu psikoloġi mill-Qorti biex jinvestigaw huma aktar fid-dettal. Hi ttemm billi tgħid li, “bħala professjonisti xogħolna m’huwiex ta’ pulizija jew ħaddiema soċjali. L-għan tagħna hu li ngħinu lill-vittma toħroġ li għandha toħroġ meta tkun lesta u li skont l-età, ngħinuha biex tibda tipproċessa dak li ġralha.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0