''Intnefqu eluf ta flus biex niċċelebraw il-fatt li l-kumpanija mhix tal-Prim Minsitru''

  • Lul 29, 2018 12:23
  • Miktub minn iNews

     

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ tenna li huwa għandu jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar Egrant. 

    Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista NET FM, Dr Delia sejjaħ din l-inkjesta bħala waħda “ta’ interess nazzjonali” u għalhekk saħaq li jekk jibqa’ ma jingħatax kopja, ikun qed jinħoloq żbilanċ politiku. 

    Huwa fakkar li f’dan ir-rigward kien ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali kif ukoll se jkun qed jintavola kawża f’ismu u f’isem il-Partit Nazzjonalista.

    “M’aħniex se nippermettu li l-istituzzjonijiet ikunu maħtufin mill-Gvern. Dan hu każ lampanti fejn l-Avukat Ġenerali qiegħed jippermetti u hu stess iħalli li jinħoloq żbilanċ politiku,” saħaq il-Kap tal-PN. 

    Huwa reġa’ sejjaħ għar-riżenji tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri b’rabta mal-kumpaniji fil-Panama u qal li jekk dawn ma jitilqux, il-Prim Ministru jrid jerfa’ r-responsabbilità hu stess.

    Huwa semma wkoll kif intefqu eluf ta’ flus minn but il-poplu biex ikun iċċelebrat il-fatt li l-kumpanija Egrant ma kinitx la tal-Prim Ministru u lanqas tal-familja tiegħu.

    Mingħajr ma rrefera direttament għad-deċiżjoni li ħa fejn kien talab lil Simon Busuttil biex jerfa’ r-responsabbilità u jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Dr Delia qal li f’dawn l-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista wera li meta jitkellem dwar responsabbilità politika jara kif din għandha tintrefa’ u x’inhuma l-konsegwenzi tagħha. 

    Huwa qal li dak li qed jiġri mhux xi ħaġa politika li qed taffettwa lilna biss iżda wkoll ir-reputazzjoni ta’ Malta. 

    “Saret wisq ħsara. Meta jiġu investituri jħarsu lejn pajjiżna jridu jaraw is-serjetà li dak li jiġri f’pajjiżi normali, f’Malta jsir ukoll. Dan mhux iseħħ. Se nibqgħu nimbuttaw sakemm tintrefa’ r-responsabbilità,” qal Dr Delia. 

    Huwa tkellem ukoll dwar ir-rapport li għamlet l-Awtorità Bankarja Ewropea fejn din elenkat numru ta’ rakkomandazzjonijiet għat-titjib fl-operat fi ħdan l-FIAU u fi kliemu l-Gvern ma għoġbux dan ir-rapport. 

    Qal li: “Mela fejn għoġbu ħareġ jiċċelebra u jifraħ u jgħid li kollox hu sew. Minflok jaċċetta dak ir-rapport, il-Ministru Edward Scicluna imur jattakka u jgħid li dak kien manipulat. Jew se nużaw riga waħda, miżien wieħed, jew inkella verament qed ngħidu li dan il-Gvern fejn jaqbillu jaċċetta u fejn ma jaqbillux ma jaċċettax.”

    Huwa qal ukoll li qed nirriskjaw l-għixien u x-xogħol tal-ħafna meta qed nirriskjaw is-settur tas-servizzi finanzjarji li ilu jinbena sena wara l-oħra. 

    “Jekk jittieħdu passi kontra Malta mill-Qrati Ewropej dwar id-Direttiva tal-Ħasil tal-Flus allura verament inkunu qbadna t-triq tan-niżla u nkunu kkundannajna dan is-settur,” temm jgħid il-Kap tal-PN Adrian Delia. 

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0