Żewġ terzi “kienu sfurzati jaħarbu” u “ma ridux l-Ewropa”… l-impressjoni żbaljata ta’ migranti ekonomiċi

  • Lul 14, 2018 16:30
  • Miktub minn iNews

    Fl-aħħar jiem min jaf kemm smajna li dawk li qed jitilqu mil-Libja huma migranti ekonomiċi.  “Qed jiġu għax-xogħol”.  “Jaħarbu l-faqar. Mela nistgħu naċċettaw l-Afrika kollha hawn?”. “Iridu jgħixu ħajja aħjar. Allaħares jitilqu kollha għax jeħduna”.  “Illum li qed jiġu huma migranti ekonomiċi”.  “Qed jitilqu dirett lejn l-Ewropa minn pajjiżhom”.  Dawn huma assunzjonijiet u dikjarazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem. Imma kemm huma korretti? 

    Dwar dan jintefa’ dubju minn studju li ġie pubblikat minn żewġ akkademiċi,  Simon McMahon u Nando Sigona, liema studju kien jinkludi intervisti ma’ xejn inqas minn 200 immigrant f’Malta u l-Italja. Studju li juri li  66 fil-mija ta’ dawk intervistati taw raġunijiet li jistgħu jiġu deskritti bħala ‘migrazzjoni sfurzata’.   Kien hemm 29 fil-mija li qalu li telqu minn pajjiżhom minħabba l-vjolenza, 25 fil-mija minħabba theddid bil-mewt, 21 fil-mija minħabba tensjonijiet politiċi  u diskriminazzjoni, 12 fil-mija minħabba tensjoni minn milizzji.  Kien hemm imbagħad ftit aktar minn terz, jew 39 fil-mija li qalu li telqu minn pajjiżhom minħabba fatturi ekonomiċi bi 18 fil-mija jgħidu li telqu biex isibu impjieg, 13 fil-mija telqu minħabba faqar u 5 fil-mija telqu minħabba l-korruzzjoni. Kien hemm oħrajn li semmew raġunijiet personali bħala tensjonijiet u ġlied fil-familji fejn kien hemm madwar 10 fil-mija li qalu hekk.  

    Fejn jidħlu ir-rotot, żewġ terzi tal-immigranti intervistati iddikjaraw b’mod ċar li meta ħarbu minn pajjiżhom ma kellhom ebda intenzjoni li jmorru fl-Ewropa.   L-istudju ġie pubblikat fuq il-perjodiku ‘Sociology’.

    Eżaminati l-assunzjonijet dwar l-immigrazzjoni

    L-istudju jgħid li bejn is-sena 2014 u l-aħħar tas-sena 2016 xejn inqas minn 450,000 persuna qasmu  mill-Afrika ta’ Fuq lejn l-Ewropa b’mod partikolari lejn l-Italja.  Skont l-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) f’dan il-perjodu mietu aktar minn 10,000 immigrant.  Quddiem dan, l-istudju jeżamina ir-relazzjoni bejn l-migrazzjoni u l-assunzjonijiet li qed isiru u li fuqhom qed jitfasslu l-policies dwar l-immigrazzjoni.  Waħda mill-assunzjonijiet li tissemma’ b’mod regolari hi dik li dawk li qed jagħmlu l-vjaġġi  mhumiex refuġjati imma migranti ekonomiċi.  Dan l-argument isir għax ħafna pajjiżi li minnhom ġejjin dawn l-immigranti mhemmx gwerrer jew kunflitt u għalhekk l-argument hu li dawn qed jaħarbu l-faqar u biex jgħixu ħajja aħjar.  It-tieni assunzjoni hi dik li l-Ewropa hi d-destinazzjoni finali ta’ dawk l-immigranti.

    L-istudju jgħid li r-riċerka li saret sa issa kenet ibbażata fuq kampjuni żgħar.  L-istudju li sar minn dawn l-akkademiċi  wassal biex ġew intervistati xejn inqas minn 202 immigrant, li qed jgħixu l-Italja u Malta.  Dawk intervistati huma kollha nies li għamlu l-vjaġġi b’dgħajsa mil-Libja fis-sena 2015.

    Minn dawk intervistati kien hemm 87 fil-mija li kienu irġiel, 13 fil-mija li kienu nisa.  Minn dawn kien hemm 42 ġejjin minn Niġerja, 45 mill-Gambja 13 mill-Kosta tal-Ivorju, 14 mill-Mali, 15 mill-Eritrea, 21 mill-Ghana, 10 mis-Senegal, 5 mis-Sirja, 8 mill-Bangladesh, 4 mis-Somalia, 2 mis-Sudan, 2 mill-Etrjopja u mbagħad immigranti minn pajjiżi oħra bħal Marokk, l-Eġittu, Benin, Toto, Burkina Faso, Cameroon, il-Palestina, Tuneżija u l-Pakistan.

    “Diversi motivazzjonijiet għaliex għamlu l-vjaġġ”

    Ir-riċerka li saret uriet li mill-intervisti li saru fost dawn il-200 immigranti, ħareġ kif id-distinzjoni bejn ir-refuġjati u l-immigranti liema distinzjoni tant kienet influwenti fit-tfassil tal-politika Ewropea, ma tirriflettix id-diversità tal-motivazzjonijiet u l-esperjenzi li wasslu lil dawn l-immigranti biex jitilqu minn pajjiżhom.   Ir-riċerka turi li l-assunzjoni li l-immigranti  kollha jitilqu minn pajjiżhom biex jidħlu fl-Ewropa, mhix korretta.  Din turi kemm id-deċiżjoni u t-tfassil ta’ poitika f’dan ir-rigward ma tirriflettix id-dinamika tal-immigrazzjoni lejn il-Mediterran.

    L-istudju jgħid li fl-intervisti staqsejna lill-immigranti  għaliex telqu minn pajjiżhom.  Ir-risposti li ngħatajna kienu juri  diversi motivazzjonijiet għaliex għamlu l-vjaġġ.  Fost dawk kien hemm raġunijiet ta’ sigurtà, politiċi, tħassib personali  u anke raġunijiet ekonomiċi.

    Jirriżulta li 66 fil-mija ta’ dawk intervistati taw raġunijiet li jistgħu jiġu deskritti bħala ‘migrazzjoni sfurzata’.   Kien hemm 29 fil-mija li qalu li telqu minn pajjiżhom minħabba l-vjolenza, 25 fil-mija minħabba theddid bil-mewt, 21 fil-mija minħabba tensjonijiet politiċi  u diskriminazzjoni, 12 fil-mija minħabba tensjoni minn milizzji.  Kien hemm imbagħad ftit aktar minn terz, jew 39 fil-mija li qalu li telqu minn pajjiżhom minħabba fatturi ekonomiċi bi 18 fil-mija jgħidu li telqu biex isibu impjieg, 13 fil-mija telqu minħabba faqar u 5 fil-mija telqu minħabba l-korruzzjoni. Kien hemm oħrajn li semmew raġunijiet personali bħala tensjonijiet u ġlied fil-familji fejn kien hemm madwar 10 fil-mija li qalu hekk.

    L-aktar movitazzjonijiet komuni għaliex persuni telqu minn pajjiżhom huma relatati mas-sigurtà u esperjenzi ta’ vjolenza jew mewt.  Din kienet xi ħaġa mifruxa sew fost dawk intervistati.  Persuni kemm mill-Punent tal-Afrika u anke fl-Afrika Ċentrali, m’għandhomx gwerer f’pajjiżhom.  Dawn iżda isemmu  it-theddid li ken ikollhom minn gruppi vjolenti.  Huma isemmu ukoll każijiet ta’ vjolenza li seħħet waqt protesti politiċi, ġlied fuq l-art.

    “Tlift kollox…ppruvajt niġġieled lil Boko Haram”

    “Jien ippruvajt niġġieled  lill-Musulmani tal-Boko Haram. Kelli naħrab.  Fin-Niġerja jien ma fadalli xejn.  Ħarqulna kollox. Ma kien fadal xejn. Ipprovaw anke joqtluni”, kienet l-esperjenza irrakkontata minn immigrant ta’ 26 sena minn Niġerja.

    Persuna oħra mill-Qarn tal-Afrika, ukoll semmew vjolenza tribali jew minn milizzji bħal dawk tal-Al Shabaab fis-Somalja. 

    “Oriġinarjament jien ridt noħroġ mis-Somalja. Ridt naħrab mill-Al Shabaab biex inkun f’post sigur. Missieri u ħija inqatlu minnhom. Ftit wara inqatel iz-ziju.  Jien iddeċidejt li naħrab”, iddikjara żagħżugħ ta’ 18-il sena mis-Somalja.

    Wieħed minn kull ħamsa ta’ dawk intervistati jitkellmu fuq tensjonijiet politiċi jew diskriminazzjoni bħala ir-raġuni li wasslithom biex jaħarqu minn pajjiżhom.  Immigranti mill-Gambja, Niġerja u l-Pakistan esperjenza wvjolenza minħabba l-affiljazzjoni tagħhom f’xi partit politiku partikolari jew inkella iffaċċjaw  ħabs minn proċessi legali inġusti u korrotti.   It-theddida li wieħed irid iservi fl-armata bilfors u nuqqas ta’ libertà b’mod ġenerali, kienu  ir-raġunijiet ewlenin għaliex ħafna persuni ħarbu u qed jaħarbu mill-Eritrea.

    L-istudju jgħid li “ir-raġunijiet ekonomiċi jissemmew ukoll.   Kien hemm 18 fil-mija li semmew  il-qgħad u l-bżonn li jsibu xogħol.  Fil-Punent tal-Afrika,  hemm għadd ta’ xejriet  ta’ migrazzjoni marbuta max-xogħol  u dan ilu għaddej is-snin. 

    Ir-riċerka uriet li dawk intervistati rarament taw raġuni waħda għaliex telqu minn pajjiżhom.  Huma jindikaw diversi raġunijiet. Persuni minn pajjiżi bħal Gambja jew il-Kosta tal-Ivorju, urew kif il-kriminalità, il-korruzzjoni politika u l-vjolenza irrestrinġew l-abbiltà tagħhom biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, isibu impjieg jew li jkollhom aċċess għal opportunitajiet ekonomiċi.  Jispjegaw kif familja li tkun kapaċi tipprovdi u għajjex lilha nfisha  tista’ tispiċċa vittma ta’ insigurtà jew persekuzzjoni

    “Qatlulu l-ħuħ il-kbir li kien politiku … beża’ u ħarab”

    Immigrant ta’ 18-il sena mill-Bangladesh li ġej minn familja fqira, iddikjara li ħuh il-kbir kien l-unika wieħed li kellu xogħol. Hu kien jgħajjex il-familja.   Ħuh kien politikant imma inqatel minn grupp politiku rivali. Dan wassal biex ħuh iddeċieda li jitlaq mill-pajjiż bl-għan li jsib xogħol u jkun jista’ jgħajjex il-famila.  F’dak iż-żmien l-unika opportunità li kien hemm kienet li tmur il-Libja.  

    Każijiet simili kienu ppreżentati minn immigranti oħra fosthom mill-Eritrea. Immigrant irrakkonta kif hu ħarab minn pajjiżu mar f’kamp tar-refuġjati u minn hemm telaq lejn is-Sudan.  Dan għamlu għax missieru kien spiċċat il-ħabs intortament.   Hu ried ifittex is-sigurtà imma fl-istess ħin ried jaħdem ukoll biex jappoġġja lil familtu.   L-istudju jgħid li “dawn l-eżempji u oħrajn , jenfasizzaw li r-raġunjiet għaliex jitilqu minn pajjiżhom huma ta’ sigurtà, politiċi, raġunijiet personali u anke ekonomiċi.”

    Ħafna ma jitilqux biex imorru fl-Ewropa

    L-istudju jirreferi ukoll għal fatt li hemm l-assunzjoni minn dawk li jfasslu l-politika dwar l-immigrazzjoni li tgħid li dawk li jitilqu minn pajjiżi fl-Afrika, jagħmlu bl-għan li jmorru u jaslu l-Ewropa. L-istudju jgħid li ‘mill-intervisti li għamilna l-indikazzjonijiet li ħarġu  jindikaw varjazzjoni ta’ rotot migratorji li jwasslu għaċ-ċentru tal-Mediterran.  Identifikajna xejn inqas minn 36  pajjiż li dawk li tkellmu magħna spiċċaw kienu fihom qabel waslu l-Italja jew Malta.   B’kollox identifikajna 68 rotta li jgħaddu minn dawn il-pajjiżi.  Dawn huma vjaġġi li jieħdu ħafna żmien.  Kienu biss żewġ immigranti intervistati jiġifieri 1 fil-mija  li qalu li rnexxielhom jaslu fl-Ewropa fi żmien xahar mindu telqu minn pajjiżhom.   Kien hemm imbagħad 32 fil-mija li qalu li  ħadu xahar u sitt xhur qabel waslu waqt li 34 fil-mija  ivvjġġaw għal bejn 7 u 18-il xahar.   Kien hemm 34 fil-mija oħra li kienu ilhom li telqu lill-pajjiżhom aktar minn 18-il xahar ilu. 

    Ir-riċerka uriet li minkejja id-diversità fix-xejriet tal-immigrazzjoni, hemm żewġ tipi ġenerali li jiddistingwu ruħhom.  L-ewwel hemm dawk li qed jitqiesu bħala vjaġġi uniti.  Dawn huma vjaġġi minn nies li meta jitilqu minn pajjiżhom dawn jitilqu b’intenzjoni ċara ħafna li jaslu fl-Ewropa. Mir-riċerka ħareġ li hemm 35 fil-mija ta’ dawk intervistati li qalu li riedu jmorru lejn l-Ewropa. Meta mistoqsijin għaliex l-Ewropa u mhux pajjiż ieħor, 61 fil-mija qalu li riedu jtejbu l-livell ta’ għixien tagħhom b’impjieg jew billi jkomplu jistudjaw, waqt li 46 fil-mija qalu li jaħsbu li hu l-uniku post fejn hemm is-sigurtà u l-libertà. Ir-riċerka tgħid li dawn l-impressjonijiet kienu bbażati fuq ftit li xejn tagħrif fuq pajjiżi partikolari, u kollox kien idur fuq dawk li jaħsbu huma li hi l-ħajja fl-Ewropa.

    Mir-riċerka joħroġ li dawn il-vjaġġi uniti mhux dejjem iġibu immigranti direttament lejn l-Ewropa. L-immigranti ġieli jagħmlu  xhur sħaħ jivvjaġġaw  minn pajjiż għall-ieħor.  Minn dawk li telqu bi vjaġġ lejn l-Ewropa, kienu 5.5  fil-mija li waslu fid-destinazzjoni f’inqas minn xahar, waqt li 61 fil-mija li riedu jiġu l-Ewropa  kellhom jistennew bejn sitt xhur sakemm waslu l-Italja. Kien hemm 25 fil-mija  li kellhom jistennew sa sena sakemm waslu u 14 fil-mija kellhom jistennew aktar. L-istudju jgħid li dan ifisser li dawk il-vjaġġi  mhux dejjem huma qosra u diretti u ħafna drabi jistgħu ikunu interrotti minn ħtif ta’ nies, oħrajn li jispiċċaw il-ħabs u ċirkostanzi oħra.  L-istudju jgid li d-deċiżjonijiet li jibqgħu sejrin bil-vjaġġ tkun motivata mill-intenzjoni li jaslu l-Ewropa.

    Ir-riċerka tgħid li imbagħad hemm dawk il-vjaġġi li ma jkunux ‘sħaħ’. Dawn ikunu vjaġġi separati, vjaġġi li d-deċiżjoni dwarhom jittieħdu fi żminijiet u postijiet differenti.  Maġġoranza ta’ dawk intervistati wettqu dawn it-tip ta’ vajġġi.    Filfatt 28 fil-mija ta’ dawk  intervitati qalu li meta telqu minn pajjiżhom  ma kellhom ebda destinazzjoni f’moħħhom fejn iridu jmorru.  Ħafna drabi dawn it-tip ta’ nies ikunu jridu jitilqu minn sitwazzjoni partikolari minħabba periklu u nuqqas ta’ sigurtà.  37 fil-mija  iddikjaraw li meta telqu minn pajjiżhom riedu li jmorru l-Libja u dan għax ħasbu li hemmhekk hemm ix-xogħol.  Jirriżulta li dawn ftit li xejn kellhom tagħrif tas-sitwazzjoni kaotika li hemm il-libja u n-nuqqas ta’ sigurtà.

    Immigrant mill-Ghana ta’ 29 sena  jgħid li “ridt inmur il-Libja.  Hemmhekk sibt ħafna problemi.  Kont naf li hemm kunflitt imma kelli ħabib li qalli li kien lest jgħinni insib impjieg.”

    L-istudju jgħid li l-persistenza li jaraw il-Libja bħala pajjiż li jaslu fih,  hi riflessjoni tas-saħħa u durabilità tan-networks migratorji li kien  hemm sa mis-sena 2000. Fis-sena 2006 kien stmat li bejn 65,000 u 120,000 Afrikani mis-sub Sahara kienu qed jidħlu fil-pajjiżi tal-Maghreb kull sena. 

    Dawn it-tip ta’ vjaġġi jieħdu xhur u snin, fejn l-immigranti ħafna drabi imorru f’pajjiżi qrib u hemmhekk jagħmlu xi żmien jaħdmu, jingħaqdu ma’ ħbieb sakemm isibu xi ħadd li jgħinhom ikomplu bil-vjaġġ. 

    “Qatt ma ridt inmur l-Ewropa”

    Immigrant mill-Gambja ta’ 20 sena jgħid li “qatt ma ridt li nmur l-Ewropa. Imma inti tibqa’ tivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor. Qatt ma tkun taf kemm se jkun iebes il-vjaġġ jew x’kundizzjonijiet se ssib fil-pajjiż li tidħol fih. Fil-bidu l-ħsieb tiegħi kien li ngħix f’pajjiż ieħor Afrikan basta mhux il-Gambja.  Imma bdejt nirrealizza li s-sitwazzjoni fil-pajjż fejn nidħol ma tkunx aħjar minn dik li kont ngħix fil-kampanja. Kien għalhekk li bqajt nivvjaġġa”. 

    Ir-riċerka tgħid b’mod ċar li “mill-informazzjoni li inġabret  jidher li ħafna mill-immigranti li waslu fl-Ewropa, dawn kienu telqu minn pajjiżhom mingħajr ebda ħsieb  jew pjani ċar fuq fejn se tkun id-destinazzjoni fianli tagħhom.  Dawn il-vjaġġi evolvew skont l-esperjenzi li għaddew minnhom u skont informazzjoni li ngħataw waqt il-vjaġġ.  Għalhekk imbagħad il-vjaġġi bil-baħar fil-Mediterran  ma jistgħux jitqiesu bħala l-quċċata tal-vjaġġi li jkunu għamlu dawn l-immigranti jew li ntlaħaq l-għan, imma huma rispons  għal diversi kundizzjonijiet ta’ għixien li l-istess immigranti esperjenzaw fi żmien li għamlu jivvjaġġaw wara li telqu minn pajjiżhom. Fil-Libja  is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni tieħu  sinifikat speċjali, u dan hekk kif il-vjaġġi bid-dgħajjes huma magħrufa ħafna.  Tlett kwarti tal-immigranti intervistati  tkellmu fuq vjolenza kbira fil-Libja.   Dawn jitkellmu mhux biss fuq  vjolenza imma anke fuq gangs armati fit-toroq bħala ‘Asma Boys’ u sidien ta’ postijiet ta’ xogħol li litterament jheddu li jaqblu immigranti u ma jħallsuhomx.  In-nisa immigranti jitkellmu fuq kif ma setgħux jitilqu minn fejn kienu jgħixu b’każijiet ta’ vjolenza fiżika u sesswali. 

    Mara Niġerjana ta’ 25 sena tgħid li “ħaduna f’post iżolat. Konna ngħixu fi stalla. Domt hemm xahar flimkien mal-annimali. Ma stajniex nitilqu.  Kien hemm nisa oħra Niġerjani. L-irġiel li suppost kienu qed jieħdu ħsiebna, stuprawna diversi drabi”.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0