Omissjonijiet, nofs veritajiet, u dokumenti ffalsifikati … Jitqajmu dubji serjissimi fuq il-veraċità tal-provi miġbura fil-każ ta’ Neville Gafà

  • Lul 09, 2018 08:11
  • Miktub minn iNews
"

    Hekk kif f’Ottubru li ġej mistenni jitkompla l-każ ta’ libell li l-Uffiċjal tal-Gvern Neville Gafa fetaħ kontra l-ġurnalist tal-Malta Independent David Lindsay, kif ukoll il-kawża li fetaħ Khaled Ibrahim Ben Nasan kontra d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, l-Orizzont kiseb kopja tad-dokument miġbur minn Ivan Grech Mintoff u l-istess Ben Nasan fl-allegazzjonijiet tagħhom kontra Gafa. 

    Fl-introduzzjoni tiegħu, dan id-dokument jgħid li “jikkontjeni sommarju tal-asserzjonijiet, evidenza u xhieda rrelatata  mal-bejgħ illeċitu ta’ Visas Schengen mill-Konsulta Malti ġewwa Tripli, kif ukol il-ħruġ ta’ Visas Mediċi Umanitarji minn persuni ġewwa l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Malti.” 

    Madanakollu, eżami ta’ dan id-dokument msemmi jesebixxi problemi serji fil-valur tal-hekk imsejħa ‘evidenza’ miġbura, fosthom omissjonijiet ta’ fatti, preżentazzjoni ta’ allegazzjonijiet bħala fatti, dikjarazzjonijiet mhux vverifikati jew ibbażati fuq għajdut, argumenti ad hominem mingħajr l-ebda bażi ssostanzjata, u saħansitra anke l-preżentazzjoni ta’ dokumenti mbagħbsa, ffalsifikati u foloz.

    Il-Whistleblower prinċipali jiffaċċja akkużi ta’ frodi u ffalsifikar ta’ provi

    Gafa kien akkużat minn Ben Nasan, l-allegat ‘whistleblower’, li kien qiegħed imexxi xibka ta’ korruzzjoni u kien qiegħed idaħħal ammont sostanzjali ta’ flus fejn tidħol l-għotja ta’ visas mediċi lil persuni Libjani. Madanakollu, wara li saret din l-allegazzjoni, l-istess Ben Nasan ġie mressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ frodi, estorsjoni, kif ukoll l-iffalsifikar ta’ dokumenti u theddid. 

    L-imsemmi Grech Mintoff, preżentatur tat-televiżjoni u l-mexxejj tal-partit Alleanza Bidla, kompla jisħaq fuq dawn id-dokumenti, filwaqt li għamel sensiela ta’ akkużi fil-konfront ta’ Neville Gafa, liema allegazzjonijiet ġew rrapurtati għal darba, darbtejn minn David Lindsay.

    Dokumenti frawdolenti qegħdin jerġgħu jitqiesu bħala evidenza

    Fost l-’evidenza’ miġjuba f’dan id-dokument, l-iktar waħda mogħtija kruċjali għall-każ ta’ Ben Nasan u Grech Mintoff kienu  rċevuti ta’ allegat ħlastijiet li saru fuq ix-xiri ta’ dawn il-visas. Madanakollu, mit-22 ritratti esebiti, filwaqt li jispikka l-isem “Neville” (mingħajr kunjom) flimkien man-numru tal-irċevuti u l-ammonti mogħtija, il-bqija tad-dettalji f’dawn id-dokumenti huma kollha mċajprin. L-ismijiet tal-persuni, flimkien man-numru tal-passaport jew identifikazzjoni tagħhom, kienu mgħottija.

    Dan il-ġurnal isaqsi: X’kienet ir-raġuni li l-ismijiet ta’ dawn in-nies kienu mgħottija? Jekk dawn id-dokumenti diġa ġew mgħoddija lill-Pulizija, u mix-xhieda kriminali li hemm kontra Ben Nasan, qiegħed jirriżulta li dawn l-irċevuti m’humiex veritiera iżda ġew magħmula fradolentament, għaliex reġgħu ġew esebiti hawnhekk bħala evidenza? 

    Wieħed mix-xhieda jinnega kollox - Ingħata visa ħafna qabel l-allegat pagament

    Jirriżulta wkoll li l-ġurnalist David Lindsay kien ippublika dawn l-irċevuti fuq is-sit The Malta Independent, f’artiklu bl-isem ta’ “Receipts show €35,000 in payments made to Neville Gafà by Libyan middleman.” Sussegwentament, wieħed min-nies msemmija f’dawn id-dokumenti kien pprovda affidavit u, fix-xhieda tiegħu nnega b’mod assolut li qatt ħallas xi ammont ta’ flus jew li qatt talab visa lil Ben Nasan jew lil Gafa, waqt li pprovda evidenza li juru li huwa kelllu visas ħafna qabel id-data tal-allegat ħlas imsemmija fl-irċevuti, allura ma tagħmilx sens li huwa ħallas għal xi ħaġa li diġa kellu. 

    Appendiċi 5 tad-dokument jelenka sebgħa individwi li skont l-istess Grech Mintoff “kienu lesti li jixhdu kontra Nevile Gafa,” flimkien ma traskrizzjoni ma’ intervista telefonika li saret minn Grech Mintoff ma’ uħud minn dawn ix-xhieda.  Grech Mintoff ma jsemmix kif huwa rnexxielu jikseb d-dokumenti ta’ identifikazzjoni ta’ dawn l-allegat xhieda. Dan il-ġurnal jistaqsi wkoll : X’kontrolli kien hemm minn Grech Mintoff u minn kull min kien involut fl-intervisti telefoniċi biex tiġi vverifikata l-veraċita u l-identita tal-persuni?

    Ben Hasan jigdeb fuqu nnifsu

    Jidher biċ-ċar li anke fix-xhieda tiegħu stess, l-imsemmi Ben Nasan ma kienx veritier għal kollox fuq bażi personali. Meta huwa kien intervista mill-imsemmi Grech Mintoff, Ben Nasan saħaq li huwa Libjan, u li għandu kollox in ordni bħal kull ċittadin Maltin u Ewropew. 

    Skont informazzjoni mogtħija lil dan il-ġurnal, filwaqt li Ben Nasan għandu passaport Libjan, huwa kellu oriġini Sirjan u huwa ċittadin Sirjan, apparti ‘ċittadinanza’ Libjana, imma dan il-fatt huwa ħbieh fir-rapport tal-Pulizija li kien esebit bħala appendiċi mar-rapport. Jingħad ukoll li huwa qatt ma ngħata ċittadinanza jew passaport Malti, jew minn pajjiż ieħor Ewropew, iżda għandu biss sofferenza biex jibqa Malta minħabba li kien qiegħed jitlob protezzjoni umanitarja, li din għandha drittijiet, doveri u tifsir għal kollox differenti minn dik ta’ ċittadinanza.

    Bagħat messaġġ lilu nnifsu biex jiffalsifika theddid

    Waqt it-traskrizzjoni ta’ din l-imsemmija intervista, deher biċ-ċar li anke Grech Mintoff għamel numru ta’ assunzjonijiet u dikjarajzzjonijiet mgiddba. Il-mexxej tal-Alleanza Bidla kien saħaq li Ben Nasan mhix vera kien ifabbrika t-theddid kontra tiegħu nnfisu, u li din kienett ħrafa vvintata “mill-grupp “Tagħna Lkoll.” 

    Dan l-argument non-sequitur jirriżuta li huwa wieħed fieragħ. L-informazzjoni li Ben Nasan kien uża t-telefown ċellulari tiegħu biex jibgħat theddid lilu nnifsu u jiffalsifika t-theddid ma kinitx mogħtija mill-gazzetti, iżda minn riżultat li kienu għamlu l-Operaturi tas-Servizz tat-Telefonija Malta, fuq talba tal-pulizija investigattiva, u li ta’ din Ben Nasan jinsab għaddej minn proċeduri kriminali dwarhom. 

    L-istess Sirjan għadu s’issa ma tax spegazzjoni għala l-messaġġ ta’ theddid li huwa allega kien mibgħut minn Neville Gafa rriżulta li kien mibgħut mill-istess telefown ċellulari li Ben Nasan kien qiegħed juża biex jikkomunika ma nies oħrajn, anke jekk uża sim-card differenti.

    Mill-evidenza stess, jirriżulta li Gafà qatt ma staqsa għal xi flus

    Fid-dokument ta’ evidenza, Grech Mintoff u Ben Nasan esebixxew komunikazzjoni elettronika li kien hemm bejn Ben Nasan u Neville Gafa. Eżami sewwa ta’ din il-kommunikazzjoni, li kienet ippreżentata minnhom stess, juri biċ-ċar li fl-ebda mument Neville Gafa ma qatt semma, aċċetta jew saqsa għal xi flus jew flejjes, speċjalment dawk relatati mal-flejjes.

    L-unika ħaġa li kienet tidher ċara kien il-fatt li Ben Nasan, ripetutament u anke b’mod aggressiv, kien qiegħed isaqsi biex jitkellem mal-imsemmi Gafa (mingħajr ma kien jirċievi tweġiba), u li Gafa qatt ma wieġeb jew ikkummenta meta Ben Nasan semma l-għoti ta’ flus. 

    Argumenti Ad Hominem, u riċiklar ta' stejjer

    Forsi waħda mill-iktar aspetti notevoli ta' dan id-dokument kienet id-deċiżjoni ta' Grech Mintoff li jibbaża nofs il-kontenut ta' dan is-suppost 'ġbir ta' fondi', fuq ir-riċiklaġġ ta' stejjer relatati ma' din it-tema li kienu ppublikati preċedentament. L-ebda wieħed minn dawn l-artikli u rapurtaġġi ma jistgħu jikkostitwixxu evidenza u prova suffiċjenti biżżejjed għal kawża kriminali. 

    Jidher biċ-ċar li dan l-appendiċi qiegħed jintuża biss bħala argumentum ad populum u jipprova jonfoħ b'mod esaġerat l-provi dubjużi li hemm anessi fid-dokument. Uħud minn dawn l-artikli jmorru pass oltre, għaliex huma biss rapurtaġġ ta' konferenza stampa jew stqarrija li kien ħareġ l-istess Grech Mintoff fuq dan il-każ, fosthom artikli li jikkwotaw lilu stess jgħid li “tilef il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.” 

    L-uniku artiklu li mhix relatat mal-każ, bit-titlu ta' “Dalli reacts as former Commissioner Rizzo says he was to have been accused of knowing about trading in influence”, qiegħed hemm għas-sempliċi raġuni biex jattakka ad hominem lir-rappreżentant legali ta' Gafa, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit. Pero għal darba oħra, l-ebda nitfa u farka ta' evidenza ma' ġiet pprovduta mill-awtur ta' dan id-dokument biex jissustanzja l-argument tiegħu.

    Il-każ mistenni jitkompla fix-xhur li ġejjin.

    Ritratt 1 – L-allegat theddid li rċieva Ben Nasan minn Neville Gafa. Wara rriżulta li l-messaġġ ntbagħat minn telefown ċellulari li kien qiegħed juża Ben Nasan innifsu.

    Ritratt 2 – Il-kommunikazzjoni elettronika bejn Ben Nasan u Gafa. Jirriżulta minn din ic-chat li Gafa qatt ma semma, jew saqsa, jew aċċetta, jew rrisponda għal kwalunkwe kumment li għamel Ben Nasan fejn ssemmew l-għoti tal-flus.

    Ritratt 3 – Silta waħda mill-intervisti li Ivan Grech Mintoff allegatament għamel max-xhieda. Ma ingħataw l-ebda dettalji jew assigurazzjonijiet fuq il-prekawzjonijiet li ttieħdu, jew fuq il-validita ta' dawn l-intervisti.

    Ritratt 4 – Ritratti tal-irċevuti msemmija kif ppublikati fid-dokument. Jidhru biss id-dati, l-isem ta' Neville u l-ammonti, pero l-bqija tal-ismijiet kollha mċajprin.

    Ritratt 5 – Id-dokument

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0