Nelson Mandela... Mill-Ħabs għal President (2)

  • Lul 08, 2018 20:00
  • Miktub minn Robert Aloisio

     

    Kultant fid-dinja jitfaċċa bniedem li b’ħajtu u b’għemilu jwassal għal qabża ’l quddiem fl-istorja tal-umanità. Bniedem li jinfluwenza l-imħuħ ta’ miljuni ta’ nies u jsir simbolu ta’ tama għal ġenerazzjonijiet sħaħ f’art twelidu u lil hinn. Nhar it-18 ta’ Lulju ta’ 100 sena ilu, twieled Nelson Mandela, l-ewwel President iswed tal-Afrika t’Isfel u ikona tal-ġlieda ġusta kontra l-apartheid.  

    Il-Każ Rivonia

    F’Lulju 1963, il-pulizija rrejdjaw Liliesleaf Farm f’Rivonia, u arrestaw lil kull min sabu hemm. Sabu wkoll ħafna dokumenti bl-attivitajiet tal-fergħa armata tal-ANC, li uħud minnhom kienu jsemmu lil Mandela. Ir-“Rivonia Trial”, imsemmi għall-post fejn l-istaff kollu tal-ANC kien ġiet arrestat, beda fil-Qorti Suprema ta’ Pretoria f’Ottubru, b’Mandela u sħabu akkużati b’sabutaġġ u b’konġura biex iwaqqgħu il-gvern b’mod vjolenti. 

    L-akkuża kienet tgħid hekk: “Illum 20 ta’ April 1964, il-Qorti Suprema ta’ Pretorja fl-Afrika t’Isfel tisma’ d-difiża ta’ Nelson Mandela, ta’ 46 sena, minn Johannesburg, wieħed mill-mexxejja tal-African National Congress, li kien arrestat f’Awwissu 1962 u li preżentament diġà qed iservi sentenza ta’ ħames snin fuq tixwix lill-ħaddiema biex jistrajkjaw u li ħareġ mill-pajjiż mingħajr permess.”

    “Illum is-Sur Mandela qed jiġi akkużat b’sabutaġġ, bi propoganda Komunista u għajnuna lill-forzi barranin, fosthom li irrekluta persuni biex ikunu gwerilli kontra l-istat tal-Afrika t’Isfel u kkonspira biex jgħin il-militar ta’ pajjiżi barranin kontra r-Repubblika. L-akkużat Nelson Mandela, kif iwieġeb għal dawn l-akkużi miġjuba kontra tiegħu?”

    Lest Immut

    Mill-bank tal-imputati, Mandela għamel id-diskors ċelebri tiegħu ta’ tliet sigħat, magħruf bħala "I Am Prepared to Die" Speech, fid-difiża tad-dritt ta’ min ikun oppress li jagħmel ġlieda armata bħala l-aħħar riżors kontra l-vjolenza tal-oppressur. Fl-istess ħin ipproklama l-politika tiegħu non-razzista fejn qal li l-bojod jistgħu jgħixu flimkien mas-suwed bl-istess drittijiet. Huwa qal li għal dan l-ideal kien lest jagħti ħajtu.

    Id-diskors huwa ispirat minn diskors ieħor, dak ta’ Fidel Castro, magħruf bħala "History Will Absolve Me". Dak ta’ Mandela kien imxandar sew fl-istampa minkejja ċ-ċensura uffiċjali, u hekk il-Proċess ta’ Mandela ġibed attenzjoni internazzjonali. Saru sejħiet minn madwar id-dinja kollha biex l-akkużat jinħeles, fosthom min-Nazzjonijiet Magħquda u mill-World Peace Council, filwaqt li l-University of London Union ħatret lil Mandela president tagħha. Billi dan id-diskors jitqies bħala wieħed mill-aqwa diskorsi tas-seklu 20, se nikkwotaw siltiet twal minnu f’dan l-artiklu.

    Siltiet mid-Diskors famuż ta’ Mandela

    “Sur Imħallef, jiena l-ewwel akkużat. Jiena għandi l-Baċellerat tal-Arti u prattikajt ta’ avukat f’Johannesburg għal numru ta’ snin flimkien mas-Sur Oliver Tambo, ko-kospiratur f’dan il-każ... Jiena kont misjub ħati li tliet snin ilu xewwixt lill-ħaddiema joħorġu fuq strajk… Għamilt dak li għamilt, kemm bħala individwu u kemm bħala mexxej tal-poplu tiegħi, għax jiena kburi li jiena Afrikan u mhux għax xi ħadd barrani seta’ qal xi ħaġa.”

    “Sur Imħallef, fi tfuliti kont nisma’ lill-anzjani tat-tribù tiegħi jirrakkuntaw l-istejjer tal-ġlidiet li għamlu missirijietna biex jiddefendu arthom. In-nazzjon Afrikan kollu huwa kburi bihom... Kont nittama li ħajti tagħtini l-opportunità li nservi lill-poplu tiegħi u li nagħti s-sehem umli tiegħi għall-ġlieda tal-ħelsien. Dan kien li immotivani f’dak kollu li għamilt u li fuqu qed niġi akkużat.” 

    Art ta’ Estremi

    “L-Afrika t’Isfel hija l-iktar pajjiż sinjur fl-Afrika, u tista’ tkun wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja. Iżda hija art ta’ estremi u ta’ kuntrasti kbar. Il-bojod igawdu kwalità ta’ ħajja li hi waħda mill-ogħla fid-dinja, filwaqt li l-Afrikani jgħixu fil-faqar u l-miżerja. Ħafna jgħixu f’postijiet iffullati u jaħdmu fuq art tant nieqsa mill-ħamrija li tagħmilhielhom impossibbli jgħixu minnha. Ħafna jaħdmu f’kundizzjonijiet li jixbhu lil dawk tas-servi tal-Medju Evu.” 

    “Il-faqar jimxi id f’id man-nutriment ħażin u mal-mard. Tuberkulożi… u ħafna mard ieħor jeqirdu s-saħħa u l-ħajja. L-inċidenza ta’ mewt ta’ trabi hija waħda mill-ogħla fid-dinja. Biss biss, it-tuberkolożi qed toqtol erbgħin ruħ kuljum f’Johannesburg, kollha Afrikani. Dan il-mard, Sur Imħallef, mhux biss jeqred l-organi vitali tal-ġisem, iżda jirritardja ukoll il-moħħ u jnaqqas l-inizjattiva u l-qawwa tal-konċentrazzjoni. Dan jaffettwa lill-komunità sħiħa tal-Afrikani. L-ilment tal-Afrikani, mhuwiex biss li huma foqra u li l-bojod sinjuri, iżda li l-liġijiet li jsiru mill-bojod huma maħsuba biex iżommu s-sitwazzjoni kif inhi.”

    Is-supremazija tal-bojod

    “In-nuqqas ta’ dinjità umana li jesperjenzaw l-Afrikani hija riżultat dirett tal-politika ta’ supremazija tal-bojod. Is-supremazija tagħhom tfisser li s-suwed huma inferjuri. Ix-xogħol servili kollu jsir mis-suwed. Meta raġel abjad irid iġorr jew inaddaf xi ħaġa ifittex Afrikan biex jagħmilhielu, kemm jekk jaħdem għalih u anki jekk le.” 

    “Minħabba din l-attitudni, il-bojod iħarsu lejn is-suwed qishom xi razza għalihom. Ma jarawhomx bħala persuni bil-familji tagħhom; ma jindunawx li aħna għandna l-emozzjonijiet – li aħna nafu nħobbu bħall-persuni bojod; li rridu nkunu ma’ martna u uliedna bħalma jkunu huma; li rridu naqilgħu l-flus, biżżejjed biex immantnu sew il-familji tagħna, inlibbsuhom u nibagħtuhom l-iskola.” 

    “Liġijiet ħżiena qegħdin ikissru lill-familji tagħna. It-tfal jiġru fit-toroq għax m’għandhomx skejjel fejn imorru, jew flus biex jistgħu jmorru, jew ġenituri li jaraw li jmorru, għax il-ġenituri iridu jaħdmu t-tnejn li huma, jekk ikunu tnejn, biex iżommu ħajja l-familja. Dan qed iwassal biex tiddgħajjef il-moralità u tiżdied il-vjolenza. Ma tgħaddix ġurnata li xi ħadd ma jiġix attakkat jew ma jaqlax daqqa ta’ sikkina. In-nies tibża’ timxi weħidha fit-toroq fid-dlam. Is-serq żdied minkejja li daħlet il-piena tal-mewt fuqu. Il-piena tal-mewt mhix se tfejjaq din il-pjaga infettiva.”

    Edukazzjoni u Xogħol

    “L-unika kura hija li jinbidlu l-kundizzjonijiet li taħthom huma sfurzati jaħdmu l-Afrikani u li jinstemgħu t-talbiet tagħhom. L-Afrikani jridu l-edukazzjoni. Iridu paga li jistgħu jgħixu biha. L-Afrikani iridu jagħmlu x-xogħol li huma kapaċi jagħmlu u mhux dak li l-gvern jiddikjara hu li huma kapaċi jagħmlu.”

    “Irridu nitħallew ngħixu fejn insibu xogħol, u mhux nitkeċċew minn post għax ma twilidniex hemm. Irridu nkunu parti mill-popolazzjoni, u mhux ngħixu magħluqin fil-ghettoes tagħna. L-irġiel Afrikani iridu li jkollhom lil marthom u lil uliedhom fejn jaħdmu, u mhux ikunu sfurzati jgħixu fil-hostels tal-irġiel. Irridu biss li jkollna sehem ġust mill-Afrika t’Isfel; irridu sigurtà u sehem fis-Soċjetà.”

    Dritt li lest immut għalih

    “Fuq kollox, irridu drittijiet politiċi indaqs, għax mingħajrhom id-diżabiltajiet tagħna jibqgħu għal dejjem. Naf li dan jinstema’ rivoluzzjonarju għall-bojod ta’ dan il-pajjiż, għax il-maġġoranza tal-votanti huma Afrikani. Dan iġiegħel lir-raġel abjad jibża’ mid-demokrazija. Iżda dan il-biża’ m’għandux ifixkel l-unika soluzzjoni li tista’ ġġib armonija razzjali u libertà għal kulħadd.”

    “Dan hu li qegħdin niġġieldu għalih. Hija ġlieda tal-poplu Afrikan, ispirata mill-istess tbatija tagħna u mill-istess esperjenza tagħna. Hija ġlieda għad-dritt tal-ħajja.” 

    “Fis-snin li għaddew jiena ddedikajt ħajti għal din il-ġlieda tal-poplu Afrikan. Iġġilidt kontra d-dominazzjoni tal-bojod, u ġġilidt kontra d-dominazzjoni tas-suwed. Għożżejt l-ideal ta’ soċjetà demokratika u ħielsa li fiha l-persuni kollha jgħixu flimkien f’armonija u b’opportunitajiet indaqs. Huwa ideal li nittama li ngħix għalih u narah imwettaq. Iżda jekk hemm bżonn, dan huwa ideal li għalih jien lest li mmut.”

    Il-Kundanna

    Mandela ammetta l-attentati, imma ċaħad li kien organizza l-invażjoni tal-Afrika t’Isfel mill-istati li għandhom il-fruntieri mal-pajjiż. Sostna l-irwol tiegħu ta’ ġellied għal-libertà, imma ċaħad dak ta’ traditur ta’ artu.

    Is-sentenza li ta l-Imħallef Quartus de Wet kienet din: “Matul dan il-każ smajt ħafna dwar il-lamenteli tal-popolazzjoni li m’hijiex bajda. L-akkużati qalu li l-motivazzjoni tagħhom kienet ġejja mix-xewqa tagħhom li jtejbu l-qagħda tal-popolazzjoni li m’hijiex bajda. Jiena bl-ebda mod ma jien konvint li l-motivazzjonijiet tal-akkużati huma daqstant altruisti daqskemm jixtiequ li l-Qorti temmen. Min jorganizza rivoluzzjoni ħafna drabi jippjana li jieħu f’idejh il-gvern, u l-ambizzjoni personali ma tistax tiġi eskluża bħala mottiv.” 

    “Il-funzjoni ta’ din il-qorti, hi li tinforza l-liġi u l-ordni. Id-delitt li bih l-akkużati qed jinstabu ħatja huwa fl-essenza tiegħu dak ta’ tradiment kontra l-Istat. Għalhekk niddikjara lil Nelson Mandela ħati ta’ sabutaġġ u ta’ konspirazzjoni biex jgħin il-militar ta’ pajjiżi barranin kontra r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel. Il-piena hija waħda ta’ għomor il-ħabs fuq Robben Island.”

    Robben Island 

    Fuq il-famuża Robben Island, faċċata ta’ Cape Town, il-gżira li fuqha qabel kienu jżommu l-imġiddmin, Mandela kien jgħix ġo ċella żgħira u umda tal-konkrit li meta kien jimtedd, rasu kienet tmiss ma’ ħajt u saqajh mal-ħajt tan-naħa l-oħra, jiekol ikel ħażin, jorqod mal-art fuq tapit tat-tiben, u jagħmel ħafna ħin ifarrak il-ġebel f’barriera tal-ġir mingħajr nuċċali tax-xemx tant li saritlu ħsara permanenti f’għajnejh. 

    Mandela kien iħażżeż kalendarju mal-ħajt taċ-ċella biex jinduna x’inhuma l-ġranet, ix-xhur u s-snin għax fil-ħabs ma setax iżomm arloġġ. Il-ħajja tal-ħabs kienet rutina tedjanti, u kien faċli titlef is-sens taż-żmien, u jekk jiġri hekk, wieħed kien jissogra jitlef ir-raġuni.  

    Il-forġa li biddlitu

    Iżda Robben Island saret ukoll għal Mandela l-forġa li biddlitu fi bniedem ġdid. Qatt ma tilef dik il-luċidità politika li kellha twasslu biex jinkuruna l-ħolma kbira tiegħu. Bl-intelliġenza u l-kariżma tiegħu, Mandela kien jirbaħ lill-iktar uffiċjali tal-ħabs brutali, u sar il-mexxej ta’ sħabu priġunieri li kien iwieżen fil-mumenti ta’ uġigħ u qtigħ il-qalb. 

    Ngħidu aħna, il-priġunieri suwed kienu jingħataw shorts x’jilbsu u mhux qalziet twil bħall-priġunieri bojod għax lis-suwed kienu jistmawhom ta’ tfal. Mandela insista li s-suwed jingħataw qalziet twil ukoll. Biex jagħlqulu ħalqu, għodwa minnhom isib qalziet twil mitfugħ mal-art f’nofs iċ-ċella tiegħu. Lill-kmandant tal-ħabs staqsieh jekk sħabu s-suwed kinux ingħataw qalziet twil bħalu u dak qallu li le: “Int mhux qalziet twil tlabt? U qalziet twil għandek, ilbsu u agħlaq ħalqek u titkellem xejn.” Mandela qabad il-qalziet, tahulu bl-edukazzjoni u qallu: “Jew qalziet twil lil kulħadd jew inkella dan tista’ żżommu.” Mandela ma kienx jinxtara u ħajtu ddedikaha f’turija ta’ solidarjetà mal-ġens tiegħu.  

    Jitgħallem u jgħallem fil-ħabs

    Fuq dik il-gżira, fejn kellu jqatta’ 18-il sena min ħajtu, Mandela kien jitlob kotba, pitazzi u biex jikteb. Billejl kien jistudja għall-Baċellerat fil-Liġi li ried jikseb mill-Università ta’ Londra b’kors ta’ korrispondenza. Spiss kienu jitfgħuh waħdu, maqtugħ mill-oħrajn, għax kienu jsibulu biċċiet ta’ ġurnali, billi dawn ma setgħux jidħlu fil-ħabs. 

    Magħluq fiċ-ċella tiegħu, bi żjara darba fix-xahar u għall-bidu darba kull sitt xhur, dejjem taħt osservazzjoni, spiss provokat mill-gwardjani bojod tal-ħabs, bl-ittri tiegħu ċċensurati qatigħ, kompla jmexxi ’l quddiem il-battalja tiegħu kontra l-apartheid. Fil-ħabs, Mandela beda wkoll dik li sejħilha l-"University of Robben Island" fejn il-priġunieri kienu jgħallmu lil sħabhom dak li kien jafu. Hu kien jgħallimhom l-istorja u l-lingwa u jiddibatti suġġetti soċjo-politiċi. 

    Mandela kien jattendi s-Sunday Services tal-Insara, imma studja l-Islam. Studja wkoll l-Afrikaans, il-lingwa tal-bojod tal-Afrika t’Isfel, bit-tama li jibni rapport ta’ rispett mal-gwardjani u jikkonvertihom għall-kawża tiegħu. 

    Żjajjar fil-ħabs

    Fil-ħabs, diversi persuni prominenti marru jżuru lil Mandela, fosthom il-Membru Parlamentari Helen Suzman tal-Partit Progressiv tal-Afrika t’Isfel, li kienet tikkampanja l-kawża tiegħu barra l-ħabs. Fl-1970, żaru l-Membru Parlamentari tal-Partit Laburista Ingliż Dennis Healey. Erba’ snin wara, żaru l-Ministru tal-Ġustizzja tal-Afrika t’Isfel Jimmy Kruger imma ma tantx ingwalawha.

    Ommu marret tarah fl-1968, u mietet ftit wara, u l-ewwel iben tiegħu Thembi miet f’inċident tat-traffiku s-sena ta’ wara. Kellu biss 24 sena. Lil Mandela la ħallewh jattendi l-funeral ta’ ommu u lanqas ta’ ibnu, xi ħaġa li mlietu b’niket u b’rabja kbira. Martu, Winnie, rari kienu jħalluha tarah, u spiss kienu jixħtuha l-ħabs minħabba l-attività politika tagħha. Uliedu bniet żaruh l-ewwel darba f’Diċembru 1975. Winnie nħelset mill-ħabs fl-1977 iżda xorta ma ħallewhiex tarah.

    Il-Kundizzjonijiet fil-Ħabs jitjiebu

    Mill-1967 ’il quddiem, il-kundizzjonijiet fil-ħabs tjiebu. Issa lill-priġunieri suwed bdew jagħtuhom qliezet twal flok shorts, setgħu jilagħbu, u l-kwalità tal-ikel tjiebet. Iżda meta fl-1970, Piet Badenhorst sar l-uffiċjal Kmandant tal-ħabs, żdied is-swat u l-abbuż tal-mentali tal-priġunieri. Mandela pprotesta u Badenhorst tneħħa u minfloku nġieb Willie Willemse li kellu relazzjoni tajba ma’ Mandela u ried jgħolli l-livell tal-ħabs.

    Mill-1975, Mandela seta’ jkollu iktar żjajjar u jikteb iktar ittri. Kien jikteb ħafna lil Mangosuthu Buthelezi u lill-Isqof Desmond Tutu. Fl-aħħar tas-sittinijiet, il-fama ta’ Mandela naqset għax Steve Biko u l-Black Consciousness Movement tiegħu saru iktar popolari. Dan il-moviment ried azzjoni iktar militanti, imma wara l-irvellijiet ta’ Soweto fl-1976, ħafna mill-attivisti spiċċaw huma wkoll fuq Robben Island. Mandela pprova jibni relazzjoni ma’ dawn iż-żgħażagħ, għalkemm ma kienx jaqbel mar-razziżmu tagħhom kontra l-bojod. (jissokta)

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook