L-investituri Maltin huma aktar pożittivi dwar il-futur

  • Lul 02, 2018 19:06
  • Miktub minn iNews
"

    Skont l-aħħar sejbiet tal-Indiċi tas-Sentiment tal-Investituri tal-BOV Asset Management, l-investituri huma ottimisti rigward il-prospetti futuri hekk kif l-indiċi tela’ għal 101.47 minn 101.14. Min-naħa l-oħra, il-qari għas-sentiment attwali dwar l-investimenti waqa’ bi ftit għal 98.32 minn 99.33.

     

    Dan l-Indiċi tal-Investimenti, li tnieda għall-ewwel darba sena ilu, indirizza vojt fis-suq lokali, u jservi bħala għodda importanti kemm għall-investituri kif ukoll għall-prattikanti. L-indiċi li sar minn MISCO International, jiġi rivedut kull sitt xhur permezz ta’ intervisti bit-telefon fost l-investituri lokali. L-aħħar qari kien ir-riżultat ta’ intervisti li saru matul ix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2018.

     

    Dawn is-sejbiet ġew ippreżentati mill-Kap tal-Business u l-Marketing fil-BOV Asset Management Limited, Mark Vella li qal li “l-aħħar eżerċizzju juri li l-investitur Malti għandu preferenza ċara għall-investimenti lokali f’ambjent ta’ investiment konservattiv.”

     

    Hu żied jgħid li “sa mill-aħħar qari, aktar investituri qegħdin jimxu lejn li jkollhom taħlita ta’ investimenti lokali u barrani, u pożizzjoni bilanċjata għall-kisba tal-introjtu u tat-tkabbir flimkien.”

     

    Ħarsa aktar mill-qrib lejn il-profil tal-investitur Malti kif murija permezz ta’ dan l-istħarriġ turi preferenza ċara għat-titli tal-gvern lokali fost is-segment ta’ dawk li għandhom 56 sena jew aktar, filwaqt li l-ishma huma aktar probabbli li jintgħażlu minn investituri aggressivi u aktar esperjenzati. Matul dawn l-aħħar xhur, ġiet irreġistrata żieda żgħira fl-iskemi ta’ investiment kollettiv. Dan hu aktar sinifikanti fost il-grupp ta’ persuni ta’ età medja (35-55 sena). F’dan ir-rigward, is-Sur Vella spjega li, “dawk li għandhom preferenza li jinvestu fl-iskemi ta’ investiment kollettiv, jagħmlu hekk għad-diversifikazzjoni u għal finijiet ta’ likwidità.”

     

    L-Indiċi juri wkoll li 50% tal-investituri Maltin ilhom jinvestu għal aktar minn għaxar snin. Madankollu, fl-aħħar għaxar snin rajna investituri żgħażagħ (18-35 sena) jidħlu fis-suq kapitali. Il-grupp ta’ investituri aktar esperjenzati, iddefiniti bħala investituri li jallokaw aktar ħin għall-investimenti, hu ddominat minn investituri li għandhom 56 sena jew aktar.

     

    L-investituri Maltin ikomplu jużaw il-banek jew il-konsulenti finanzjarji biex jagħmlu l-investimenti tagħhom, kif jixhdu 85% tar-rispondenti. Wieħed minn kull sebgħa tal-investituri Maltin iħossuhom kunfidenti biżżejjed biex jiddeċiedu u jagħmlu l-investimenti għal rashom.

     

    L-istħarriġ jiżvela li l-għanijiet tal-investiment ivarjaw mill-ġenerazzjoni tal-introjtu għat-tkabbir kapitali. Minkejja dan, hu interessanti li wieħed jinnota li filwaqt li f’Ġunju 2017, 52% tal-investituri Maltin kienu involuti fl-attività tal-investiment biex jiġġeneraw sors ta’ introjtu addizzjonali, l-aħħar qari rreġistra żieda f’investimenti b’għan bilanċjat.

     

    Is-Sur Vella nnota li “sfortunatament, huma ftit ħafna l-investituri li jinvestu biss biex ikabbru u jżidu l-kapital tagħhom. L-indiċi jkompli juri li l-investituri li għandhom preferenza għat-tkabbir huma aktar probabbli li jħarsu lejn l-opportunitajiet ta’ investimenti barranin.”

     

    Fir-rigward tal-frekwenza tar-reviżjonijiet, l-indiċi jindika li l-persuni żgħażagħ (18-35 sena) u l-investituri aggressivi huma aktar probabbli li jsegwu l-investimenti tagħhom mill-qrib u li jirrevedu l-pożizzjonijiet tagħhom kull xahar. Min-naħa l-oħra, l-investituri li jiddeskrivu lilhom infushom bħala konservattivi huma inqas probabbli li jirrevedu l-investimenti tagħhom fuq bażi regolari.

     

    Fil-kelmtejn tal-għeluq tiegħu, Mark Vella qal li “l-Bank Ċentrali Ewropew  ħabbar it-tmiem tal-Quantitative Easing sal-aħħar tal-2018 u li se jżomm ir-rati tal-imgħax fil-livelli li jinsabu fihom sas-sajf tal-2019. Se jkun interessanti li naraw kif il-kunfidenza se tiżdied jew tonqos quddiem dan ix-xenarju fi żmien sena oħra.”

     

    Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Asset Management, is-Sur Mark Agius qal li “l-Indiċi tas-Sentiment tal-Investituri tal-BOV Asset Management Limited issa jinsab fit-tieni sena tiegħu. Matul dawn l-aħħar xhur, diġà rajna tibdil żgħir, u hemm diverġenza bejn is-sentiment attwali u dak tal-futur fost l-investituri lokali.”

     

    Hu kompla jgħid li “l-BOV Asset Management Limited hi impenjata li żżomm dan l-Indiċi ħaj, għaliex jagħti stampa ta’ x’qed jaħseb l-investitur lokali u x’inhi r-reazzjoni tiegħu għall-influwenzi tas-suq.”

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0