“Matul is-snin insterqet l-awtorita tal-ġenituri”

  • Ġun 25, 2018 09:20
  • Miktub minn Carmen Cachia

    It-terapista tal-familja, Charles Azzopardi jisħaq li l-Istat sar il-ġenitur uffiċjali tat-tfal f’pajjiżna

    Meta l-Istat, taħt it-tmexxija tal-Gvern tal-Partit Nazzjonalista, għamel il-linja għall-għajnuna ‘179’ ma kienx jaf li wassal biex it-trobbija tat-tfal f’pajjiżna ġiet istituzzjonalizzata u ma tħallitx aktar f’idejn il-ġenituri. Dan bil-konsegwenza li l-Istat sar il-ġenitur uffiċjali u jekk it-tfal iħossu jew jaħsbu li l-ġenituri ma mxewx sew magħhom, dawn jistgħu ‘jugżawhom’ lill-awtorità. Dan is-sit tkellem mat-terapista tal-familja, is-Sur Charles Azzopardi dwar kif qegħdin jitilgħu t-tfal u x’wassal għal din il-problema reali fis-soċjetà tagħna tal-lum.

    Is-Supportline 179 ġie inawgurat f’Jannar tal-1996 u fis-sena 2000 is-servizz sar fuq bażi ta’ erba’ xiftijiet li kienu jibdew mit-8.00 am u jibqgħu sejrin sa nofs il-lejl. F’Ottubru tal-2003 il-linji tal-179 ġew estiżi għal 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. 

    L-għan prinċipali tas-Supportline 179 kien li jsiru interventi f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi b’mod speċjali abbuż domestiku, abbuż fuq it-tfal, nies bla saqaf, attentati suwiċidi u stupru. Illum il-ġurnata l-każijiet żdiedu ħafna minħabba li s-servizz ġie mifrux aktar u qed joffri għajnuna lil ħafna persuni li bi problemi serji f’ħajjithom fosthom dawk b’solitudni. 

    F’kumment li ta lil dan il-sit it-terapista tal-familja qal li fl-opinjoni tiegħu wasal iż-żmien li jibdew jiġu ċċarati l-affarijiet kemm mal-ġenituri kif ukoll mat-tfal. Is-Sur Azzopardi jemmen li, “l-Istat seraq bla preċedent l-awtorità tal-ġenituri minn idejhom u fl-istess ħin ċaħħad lit-tfal minn tfulithom. Huwa jemmen li kieku l-affarijiet saru sew u l-linja tal-179 ġiet introdotta wara informazzjoni nazzjonali speċifika u taħriġ lill-ġenituri għal trobbija aħjar fost l-oħrajn, kieku mhux qegħdin f’din is-sitwazzjoni.

    Is-Sur Azzopardi qalilna kif oriġinarjament is-Supportline 179 kienet maħluqa għal abbuż u mhux biex it-tfal jaqbdu u jċemplu anke jekk ommhom tagħtihom ħasla. Hu jisħaq li l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz juri l-falliment tas-sistema li tilħaq l-abbuż u l-mod kif ġie introdott kien ħażin u mgħaġġel, mingħajr informazzjoni korretta u sħiħa.

    Il-problema hi l-ġlied bejn il-ġenituri

    Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar il-problemi fl-imġieba tat-tfal, l-espert jgħidilna kif it-tfal minn dejjem kellhom problema ta’ mġieba fejn ħafna drabi tkun riflessjoni ta’ dak li jkunu qegħdin jesperjenzaw ġo fihom. Dawn huma simbolu ta’ inkwiet jew problemi li ħafna drabi tkun għaddejja minnhom il-familja u s-saħħa tar-relazzjoni tal-koppja, jiġifieri tal-ġenituri. 

    Ħafna problemi ta’ mġieba fit-tfal huma marbutin mad-diżgwid tal-ġenituri flimkien jew mifrudin. It-terapist tal-familja jgħid li ovvjament jekk il-ġenituri huma mifrudin hemm ċans li jkun hemm aktar diżgwid allura aktar problemi ta’ mġieba fit-tfal. “Ħafna mill-problemi ta’ mġieba fit-tfal ġejjin ukoll minħabba l-fatt li l-ġenituri ma jaqblux bejniethom kif jiddixxiplinawhom.”  

    It-tfal għandhom id-drittijiet u l-obbligi tagħhom imma meta nħarsu lejn il-problema fl-imġieba tat-tfal minn din il-lenti, it-terapista qal li nkunu qegħdin nitilfu l-perspettiva li tikkontenstwalizza dawn il-problemi. Il-lingwa tad-drittijiet u tad-dmirijiet fejn jidħlu l-problemi tal-imġieba tat-tfal tkun qed ixxejjaħ lit-tfal qabel iż-żmien u teżenta lill-ġenituri mir-responsabbiltà li għandhom li jrabbu sewwa lil ulied. 

    “Rabja għax mgħobbijin b’piż li ma jafux iġorruh”

    Fattur importanti hu li fil-ġurnata tal-lum minħabba r-ritmu mgħaġġel li ngħixu fih u l-esiġenzi ta’ xogħol li għandhom il-ġenituri, ħafna tfal ma jsibu lil ħadd jistennihom id-dar b’konsegwenza ta’ nuqqas ta’ attenzjoni u kura meħtieġa. 

    Bħala terapista tal-familja, is-Sur Azzopardi jħoss li t-tfal qegħdin jitgħabbew b’responsabbiltajiet li jkunu għadhom ma jifilħux iġorruhom. “Din twassal biex it-tfal iħossuhom mgħobbijin iżżejjed u inġustament u din tnissel fit-tfal rabja li jew jużawha biex ikissru lilhom infushom jew biex ikissru lill-oħrajn, jiddependi ħafna mil-ġeneru u mill-kuntest familjari.”

    Fejn jidħol il-fenomenu ta’ nuqqas ta’ rispett fit-tfal is-Sur Azzopardi jemmen li r-rispett ikunu tilfuh il-ġenituri stess u mhux iggwadanjawh it-tfal. “Li jwassal għal dawn l-attitudnijiet huma ċirkostanzi fejn il-ġenituri ma jġorrux sewwa r-responsabbiltà tagħhom ta’ ġenituri u jagħtu lit-tfal poter u awtorità li t-tfal, proprju minħabba li huma tfal, ma jafux iġorruhom.” 

    Fil-fehma tiegħu s-soluzzjoni hija li jissolvew il-problemi tal-ġenituri kemm bhala koppja kif ukoll bħala ġenituri. Hu jħoss li meta t-tfal iġibu ruħhom b’ċertu mod dan jirrifletti n-nuqqas ta’ kapaċitajiet tal-ġenituri għax it-trobbija tat-tfal hija r-responsabbiltà tagħna u rridu dejjem insibu mod kif ngħinuhom jirregolaw ħajjithom.  

    Mistoqsi dwar ċertu attitudnijiet anke vjolenti fil-konfront tal-ġenituri mit-tfal stess u ġlied ma’ l-aħwa jew fl-iskola, it-terapista tal-familja jgħidilna li din il-vjolenza t-tfal ikunu tgħallmuha bħala espressjoni ta’ rabja. “Ir-rabja huwa sentiment importanti ħafna bħall-imħabba u l-biza’ u ħafna drabi bħal dawn it-tfal ma jitgħallmux jesprimu ruħom sewwa u b’mod ċivili.” Hu jisħaq li dan it-tagħlim irid isir id-dar, l-iskola, il-mużew u f’attivitajiet sportivi u li jekk mhux se nindirizzaw il-problema tal-imġieba ħażina tat-tfal b’mod sistematiku, żgur li m’aħna se nsolvu xejn. 

    Charles Azzopardi qal lil dan il-sit li bħala espert fil-qasam tal-familja kemm-il darba kien għamel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet, iżda kien kollu għalxejn għax qatt ma mmaterjalizza ruħu. Hu temm jgħid li dawn il-problemi jridu jitpoġġew f’kuntest soċjo-politiku relazzjonali wiesgħa u mhux sempliċiment nieħdu lit-tifel jew tifla għand il-guidance teacher jew għal assessment għax ‘beda jidgħi’. 

    Passi urġenti minn dawk kollha konċernati huma meħtieġa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0