ARA: “Għal dawn it-tip ta’ każi, il-penali għandhom ikunu ħafna ikbar”...Joe Cordina jirbaħ libell fil-konfront ta' Tonio Fenech

  • Ġun 22, 2018 10:15
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit

    Tonio Fenech jitlef it-tieni libell f’ġimgħa

    Wara li Tonio Fenech tilef il-libell li huwa kien fetaħ kontra l-Ministru Konrad Mizzi, il-bieraħ l-eks Kandidat Laburista Joe Cordina jirbaħ kawża ta’ libell kontra l-istess Fenech, in-Nazzjon u l-Mument, wara “gidba mill-PN ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013”

    “Joħroġ ċar illi l-intenzjoni tal-allegazzjonijiet illi qajjem l-intimat kienu unikament biex titfa dell ikrah fuq ir-rikorrenti... it-tentattiv kien illi jipprova jikkrea storja sabiex jattakka lura lill-Partit Laburista li, dak il-ħin, kien qiegħed jattakka l-Partit Nazzjonalista bl-istorja magħrufa bħala “Skandlu taż-Żejt”. 

    Dan tennietu il-Qorti tal-Maġistrati fid-deċiżjoni li tat il-bieraħ fil-kawża ta’ libell li l-eks Kandidat tal-Partit Laburista Joe Cordina rebaħ kontra l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech. L-istess Cordina rebaħ ukoll żewġ kawżi ta’ libell oħra fil-konfront tal-eks Editur tal-Mument Victor Camilleri u l-eks Editur tan-Nazzjon Alexander Attard, li kollha kienu relatati mal-istess allegazzjonijiet oriġinali li kien għamel l-imsemmi Tonio Fenech.

    “Għal dawn it-tip ta’ każi, il-penali għandhom ikunu ħafna ikbar”

    F’kumment dirett ma’ dan il-ġurnal, Cordina saħaq li l-għotja ta’ din is-sentenza tfisser “li miegħi għaddiet ġustizzja, kif ukoll ma’ sħabi u mal-familja tiegħi. Meta xi ħadd jivvinta gidba bħal dik li kienu ivvintaw qabel l-elezzjoni tal-2013, din kapaċi taffettwa lin-nies kollha li jkun hemm madwarek.” 

    Madanakollu, Cordina jħoss li l-għotja ta’ din is-sentenza esebit il-bżonn ta’ tibdil f’dan il-qasam: “Nemmen li f’dan il-pajjiż, hemm bżonn jinbidlu ċertu affarijiet: m’għandux ikun illi xi ħadd qabel l-elezzjoni jara kif jivvinta gidba, biex forsi jirbaħ ftit punti politiċi, u f’dan il-proċess ikissru numru ta’ persuni u karrieri.”

    “Sentenza bħal din għandhom jinqatgħu b’mod iktar veloċi, u s-sentenza għandha tingħata fi żmien inqas. Il-ġustizzja ovvjament għandha tingħata ż-żmien tagħha, però f’dan il-każ naħseb li kien hemm dewmien xejn pjaċevoli. Wara dan il-gideb kollu, wara li tennew kif jiena u sħabi ħadna l-miljuni meta mhix vera, meta qalu dan il-gideb kollu, bniedem kemm politikament kif ukoll psikoloġikament kapaċi jitkisser.”

    “Il-mod kif nbdiet din il-gidba, bil-klikka ta’ madwar tal-Partit Nazzjonalista li jkompli jkabbru u jonfħu fuq din il-gidba ivvintata... lilek iġibuk qisek kriminal. Naħseb li l-ġustizzja tagħna ma tagħtix lok għal ġudizzju xieraq f’ċirkostanzi bħal dawn. Vera li tingħata r-raġun u somma żgħira bħala danni, però naħseb li l-penali għandhom ikunu ħafna ikbar għal kull minn jivvinta gideb ta’ dan it-tip. Meta inti qiegħed tibni gidba ta’ din il-livell, ma jistax jkun li nibqgħu sejrin hekk u qisu ma ġara xejn. Kumpens ta’ ftit eluf u daqshekk, qisu ma ġara xejn. Naħseb li min ivvinta dawn il-gideb għandu jbati l-konsegwenzi, u jkunu ta’ deterrent biex ma jinqalgħux dawn il-kalunnji.”

    L-intenzjoni tal-allegazzjoni kienu “unikament biex jitfgħu dell ikrah”

    Fil-25 ta’ Frar 2013, l-eks Ministru Fenech kien għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ Joseph Cordina, kif ukoll Carmel Scerri u Dr Martin Fenech. Fenech kien allega li Cordina, Scerri u Fenech “kienu wara l-iskandlu taż-żejt, u li kellhom involviment fil-flus ottenuti fit-tixħim fix-xiri taż-żejt tal-Enemalta.” Il-bażi tal-istorja kollha “hija l-eżistenza ta’ soċjetà bl-isem ta’ Aikon Limited, liema soċjetà kienet sussegwentament allegatament qed tintuża mill-benefiċjarju tagħha George Farrugia, sabiex tirċievi flejjes minn bejjiegħa taż-żejt, liema flejjes kienu eventwalment allegatament jintużaw biex jixxaħħmu funzjonarju tal-Enemalta biex l-Enemalta tixtri ż-żejt mingħand tali kumpaniji esteri.”

    “L-intimat wasal għall-konklużjonijiet tiegħu abbażi ta’ rapport redatt minn ċertu Joseph Zammit, illi kien tqabbad mill-aħwa ta’ George Farrugia biex juri illi l-istess George Farrugia kien qiegħed iqarraq bihom, liema rapport, min-natura tiegħu, kellu bilfors jitqies bħala rappurtaġġ minn naħa waħda biss. Jirriżulta finalment, illi fir-rigward tar-rikorrent Joseph Cordina, il-ħsara mixtieqa fil-konfront tiegħu attwalment saret, stante illi r-rikorrent irtira l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali.” 

    Il-Qorti rrimarkat kif “l-intenzjoni tal-allegazzjonjiet illi qajjem l-intimat kienu unikament biex titfa dell ikrah fuq ir-rikorrenti, u dan għar-raġunijiet segwenti: 1) li l-Konferenza għall-Istampa saret fl-21 ta’ Frar 2013, filwaqt illi l-Elezzjoni Ġenerali kellha ssir fid-9 ta’ Marzu 2013, ossija anqas minn ġimgħatejn wara; 2) ir-rapport li abbażi tiegħu saru l-allegazzjonijiet kien rapport redatt fl-20 ta’ Jannar 2911, ossija aktar minn sentejn qabel; l-allegazzjonijiet saru in risposta għal allegazzjonijiet illi kienu qed isiru fil-konfront ta’ varji esponenti tal-Gvern ta’ dik il-ġurnata, u il-Partit Nazzjonalista in konnessjoni mal-hekk imsejħa ‘Skandlu taż-Żejt.’”

    Għalhekk, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Franco Depasquale sabħet lil Fenech ħati ta’ malafama, u kkundannatu li tħallas €3,000 lil Scerri, €3,000 lil Fenech, u €1,500 lil Cordina.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0