“Wasal iż-żmien li nimponi dress code”

  • Mej 24, 2018 14:46
  • Miktub minn iNews

    Dan wara li kien hemm min ma qabilx mal-mod kif kien liebes id-deputat Godfrey Farrugia fil-Parlament din il-ġimgħa

    L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal lil dan is-sit li wasal iż-żmien li jimponi 'dress code' fuq il-membri parlamentari. Il-mod kif id-deputat parlamentari Godfrey Farrugia kien liebes fis-seduta tat-Tlieta wasslet biex kien hemm min staqsa jekk hux f'loku li membru tal-Parlament imur liebes daqshekk 'casual'.

    Kien għalhekk li inewsmalta.com talab għar-reazjoni tiegħu dwar kif jaħsibha fuq il-mod kif id-deputati jmorru liebsa fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Dr Farrugia għamilha ċara li deputat ma jistax imur fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mingħajr ma jkun liebes u b'dinjita. Huwa rreferina għal stħarriġ li kien sar madwar l-Ewropa fejn diversi pajjiżi għandhom regolamenti fejn jidħol ilbies parlamentari.

    L-Ispeaker sostna li fir-rigward ta' pajjiżna meta l-standing orders, jiġifieri l-mod kif jitmexxa l-Parlament, ikunu silenzjużi dwar xi materja l-Parlament irid jimxi mal-użanza tal-House of Commons tar-Renju Unit. Huwa rreferina wkoll għall-każ li seħħ f'Ġunju 2017 fejn il-membru parlamentari Skoċċiż Angus Brendan MacNeil mar il-Parlament bi ġlekk imma mingħajr ingravata u l-Ispeaker John Bercow irrimarka li ma jara xejn ħażin f'dan sakemm id-deputati jkunu lebsin 'business-like'.

    Fl-istess waqt Dr Farrugia għamilha ċara li ma jaqbilx mal-mod kif kien liebes it-Tabib Farrugia.

    Mistoqsi jekk ġibidlux l-attenzjoni għal dan, l-Ispeaker irrikonoxxa li kien preżenti fil-Parlament u ma qalux xejn imma iċċara li kuntrarjament għall-każ tal-2015, fejn il-Ministru Joe Mizzi daħal liebes T-shirt, ma kienx hemm 'query' fuq l-ilbies tad-deputat tal-Oppożizzjoni.

    Fl-istess ħin sostna li l-każ-Mizzi kien wieħed “eċċezzjonali” għax daħal fil-huwa daħal fil-Parlament biex jivvota wara li b'mod urġenti kellu jmur l-isptar. F'dak il-każ kien hemm min irrimarka dwar l-ilbies tad-deputat Laburista imma mhux l-istess fil-każ tat-Tabib Farrugia.

    L-Ispeaker żied li fid-dawl ta' dan kollu qed jikkontempla l-użanza tal-House of Commons fejn l-irġiel ikunu tal-inqas lebsin qmis u ġlekk anke jekk mhux bilfors ingravata.

    Xi tgħid l-standing order dwar l-ilbies

    Mitlubin ir-reazjoni tagħhom dwar kif jaħsbu li għandhom imorru lebsin fil-Parlament, kemm il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri kif ukoll dak tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar irreferewna għal dak li jgħidu l-standing orders.

    L-standing order dwar l-ilbies tikkonsisti f'paragrafu wieħed li jgħid dan li ġej: “kull membru meta jidħol jew joħroġ mill-Kamra jew imur għal xi parti tal-Kamra waqt diskussjoni għandu jkun xuxa, u għandu jagħmel sinjal ta' rispett lejn l-Ispeaker jew il-President waqt li jkun għaddej minn jew għal postu jew min-naħa għal oħra tal-Kamra. 

    Ebda membru ma għandux jgħaddi bejn l-Ispeaker jew il-President u xi membru li jkun qed jitkellem, lanqas bejn l-Ispeaker jew il-President u l-Mejda, u lanqas ma għandu joqgħod bilwieqfa f'xi wieħed mill-passaġġi”.

    Dan ifisser li l-'standing orders' la huma ċari u wisq anqas fid-dettall dwar kif għandhom ikunu lebsin id-deputati.

    X'jiġri f'parlamenti oħra Ewropej

    Stħarriġ li kien sar dwar ir-regoli tal-ilbies fil-parlamenti tal-pajjiżi membri tal-UE juru li mhux kulħadd jimxi l-istess u kważi fil-parlamenti kollha d-deputati huma mistennijin jilbsu xieraq mingħajr dettalji ta' x'inhu mistenni.

    Fl-istess waqt l-Assemblea Franċiża u s-Senat Taljan għandhom regoli li jobbligaw lill-irġiel jilbsu ġlekk u ingravata mentri fil-Portugall u fir-Renju Unit il-membri parlamentari jingħataw iċ-ċans li jilbsu b'mod iktar każwali fl-istadju tal-kumitat.

    Kien hemm diversi każijiet fejn inqalgħu argumenti dwar l-ilbies fosthom fil-Belġju fis-snin 80 meta membru mar liebes flokk bi kmien qosra, fl-1992 meta tnejn marru lebsin bermudas u fl-2002 meta wieħed mar liebes T-shirt.

    Fl-ewwel każ l-Ispeaker wissih li ma kienx se jħallih jitkellem darb'oħra jekk jilbes hekk, fit-tieni ġew imwissija u wieħed imkeċċi mentri fit-tielet każ keċċih wara tliet twissijiet.

    Kien hemm ukoll każijiet fejn iktar milli l-ilbies li marru bih ċertu deputati libsu xi ħaġa biex jagħmlu punt fuq xi suġġett fosthom fil-Parlament Portugiż meta fl-1997 uħud marru lebsin il-maktur tal-Palestinjani u ma ttieħdu ebda passi kontrihom.

    Każ ieħor seħħ fl-1986 fil-Parlament Belġjan meta deputat mara libset fardal biex tipprotesta kontra proġetti li l-Gvern kellu għan-nisa, fl-1997 meta membri parlamentari libsu flokkijiet bla kmiem bħala solidarjeta ma' ħaddiema ta' kumpanija li falliet u fl-2004 meta biex jopponu liġi li allegatament kienet kontra l-partit tagħha xi deputati libsa biċċa ħabel madwar għonqhom biex jibgħatu l-messaġġ li l-liġi riedet “tgħallaqhom”.

    Fl-aħħar każ is-seduta kienet sospiża u wara li l-Ispeaker Belġjan wissihom li jekk ma jneħħux il-ħabel ma kienx se jħallihom jitkellmu d-deputati ħarġu mill-bini parlamentari.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook