ARA: Jintemm iz-zarmar tal-PowerStation tal-Marsa

  • Mej 24, 2018 14:00
  • Miktub minn iNews

    Enemalta plc ttemm iż-żarmar tal-Marsa Power Station

    Enemalta plc lestiet l-aħħar xogħol ta’ twaqqigħ ta’ bini fis-sit tal-Marsa Power Station, sabiex tkun tista’ tibda ħidma ġdida li twassal għar-riġenerazzjoni tant mistennija ta’ dawn l-inħawi fil-qalba tal-Port il-Kbir.

    Wara li twaqqgħu l-aħħar żewġ ċmieni ta’ dan l-istazzjon f’Diċembru, l-istrutturi li kien għad baqa’, fosthom waħda mis-swali tat-turbini u għadd ta’ tankijiet tal-heavy fuel oil, tneħħew fix-xhur li għaddew, sabiex dan il-proġett seta’ jitlesta kif ippjanat ftit tal-ġimgħat ilu. Is-sit issa tnaddaf minn kull bini u makkinarju marbut mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, sal-livell tal-art. Fil-ġimgħat li ġejjin Enemalta ser tibda testijiet tekniċi tal-pedamenti ta’ dawn dawn l-istrutturi tal-art tas-sit. Dawn l-istudji huma meħtieġa sabiex jikkonfermaw jekk hemmx bżonn xi tindif ta’ materjal imniġġes fil-pedamenti fejn kien hemm il-makkinarju tal-istazzjon, kif ukoll sabiex jinkiseb it-tagħrif tekniku meħtieġ għall-ippjanar tal-futur ta’ dawn l-inħawi.

    Iż-żarmar u t-twaqqigħ tal-Marsa Power Station, li tmur lura għall-1953, kien jinkludi t-tneħħija tat-tmien impjanti li kienu jipproduċu l-elettriku mill-heavy fuel oil, kif ukoll għadd ta’ strutturi oħra marbuta magħhom. Dawn setgħu jitneħħew gradwalment, hekk kif ma baqgħux aktar meħtieġa biex jilqgħu għad-domanda tal-elettriku tal-pajjiż, jew bħala provvista ta’ emerġenza cold standby. L-ewwel żarmar beda f’Ottubru tal-2014, ftit xhur qabel l-istazzjoni intefa għall-aħħar darba f’Marzu tas-sena ta’ wara. It-twaqqigħ qabad ritmu aktar mgħaġġel fil-bidu tal-2017, meta l-istazzjon ġdid Delimara 4 f’Marsaxlokk beda jiġġenera l-elettriku mill-gass naturali. Dan kien iffisser li l-aħħar impjanti tal-Marsa Power Station ma kienx jeħtieġ jinżammu aktar iżda setgħu jinqatgħu mis-sistema tal-elettriku tal-pajjiż darba għal dejjem.   

    Il-kuntratturi taż-żarmar tal-istazzjon tal-Marsa ħattew u neħħew mis-sit madwar 12,000 tunnellata ta’ konkos, ġebel u materjal tal-bini. Żarmaw ukoll 17,000 tunellata ta’ ħadid, fosthom azzar, ram u aluminium kif ukoll 320 tunnellata ta’ cables tal-elettriku, sabiex jiġu esportati għar-riċiklaġġ. Il-materjal kollu ġie sseparat fis-sit stess, u nġarr ‘il barra skont kriterji stipulati mill-awtoritajiet tal-ambjent. Waqt l-istadji kollha taż-żarmar, il-kuntratturi segwew miżuri ta’ tnaqqis ta’ trab u prevenzjoni tat-tniġġis, sabiex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-inħawi u tal-ħaddiema fis-sit stess.  

    Il-Ħamis filgħodu, Enemalta nediet dokumentarju qasir b’tagħrif u filmati dwar il-proċess ta’ dan il-proġett. Il-filmat, li jinkludi sekwenza timelapse fuq medda ta’ sentejn, li turi kif tneħħew l-istrutturi mis-sit, jinsab fuq YouTube u fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Kumpanija – fb.me/eneplc. 

    Il-mini li hemm taħt l-Għolja tal-Ġiżwiti, u li fihom kien hemm l-aktar parti antika tal-Marsa Power Station magħrufa bħala l-A Station, u xi makkinarju li għad baqa fihom, ser jinżammu minħabba l-valur storiku tagħhom. Enemalta qed tuża dawn il-mini b’mod sostenibbli, sabiex fihom tarma data centres internazzjonali fi proġett b’kollaborazzjoni ma’ Streamcast Technologies. Dawn il-mini joffru ambjent ideali għal dan it-tip ta’ żvilupp minħabba s-sigurtà u t-temperaturi baxxi tagħhom. Fl-istess waqt, it-tagħmir ta’ data centre jista’ jintrama fihom mingħajr ma jkun hemm bżonn li jsir xi tibdil fl-istruttura storika. L-ewwel data centre f’dan il-proġett ġiet inawgurata aktar kmieni din is-sena.     

    Ġeneratur jaħdem bid-diesel installat fl-1990 u li kien jintuża f’każi ta’ emerġenza ser jibqa’ fis-sit sakemm jitlestew l-istudji dwar l-aħjar metodu biex jinġarr u jitpoġġa maġenb makkinarju simili li hemm fid-Delimara Power Station.

    Inġ. Fredrick Azzopardi, Chairman ta’ Enemalta plc, spjega li ż-żarmar tal-Marsa Power Station jiftaħ opportunitajiet sbieħ għall-Marsa u għall-inħawi ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir. “Filwaqt li t-testijiet tekniċi se jkunu għaddejjin fis-sit, se nkunu wkoll qed infasslu l-pjanijiet tagħna għall-futur ta’ din l-art ta’ madwar 66,500 metru kwadru. Il-proċess tal-ippjanar ser jinvolvi s-sehem ta’ dawk l-individwi u l-entitajiet kollha konċernati, fosthom ir-residenti tal-Marsa. Din il-lokalità ilha tistenna t-tmiem tad-diffikultajiet ambjentali tal-Marsa Power Station għal għexieren ta’ snin. Sal-bidu tas-sena 2019, Enemalta se tkun f’pożizzjoni li tħabbar il-proposti tagħha għar-riġenerazzjoni ta’ dan il-post, skont il-kriterji stabbiliti fil-pjanijiet tal-ippjanar ta’ dan ir-reġjun.” 

    Aktar tagħrif, jew għajnuna, minn Enemalta plc jinsab fis-sit www.enemalta.com.mt jew permezz tal-paġna tal-Kumpanija fuq Facebook www.fb.me/eneplc. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0