Debono jibqa' arrestat wara li ma tgħallimx mill-iżbalji li għamel fil-passat

  • Mej 16, 2018 13:21
  • Miktub minn iNews

    Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena minn Ħal Tarxien li tajjar Pulizija tat-Traffiku f’Ħal Luqa baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li pprova joqtlu.

    L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-7.40 a.m. fi Triq Ħal Qormi, waqt li l-Kuntistabbli Simon Schembri, missier ta’ tliet itfal, kien ħdejn ir-rawndebawt li min-naħa ta’ Ħal Luqa tinżel lejn Ħal Qormi. 

    Meta l-Kuntistabbli Schembri, li huwa minn Raħal Ġdid, lemaħ il-ġuvnott isuq vettura tat-tip Mercedes, talbu biex jieqaf ħalli jara għandux liċenzja tas-sewqan u polza tal-assikurazzjoni. 

    Kien f’dan il-mument li jidher li l-ġuvnott beża’ u saq minn fuq il-post fejn mhux biss laqat lill-pulizija imma kaxkru madwar 400 metru. Allegatament il-karozza nstaqet minn fuq il-pulizija.

    Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-Kuntistabbli l-Isptar Mater Dei, fejn iktar tard ġie operat kawża tal-ġrieħi serji li sofra. Aktar tard sar magħruf li huwa kien tilef il-parti ta’ idu mill-minkeb ‘l isfel.

    Iż-żagħżugħ li tajru u baqa’ sejjer, instab jistaħba ġo għalqa fl-inħawi ta’ Ta’ Kandja bil-Mercedes ftit metri bogħod. Il-karozza kienet tidher li kellha daqqa kbira fuq il-ġenb u taħtha kien hemm roqgħa żejt konsiderevoli. 

    Huwa tressaq quddiem il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, akkużat b’23 akkuża fejn wieġeb li ma kienx ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

    Il-Prosekuzzjoni opponiet għal din it-talba minħabba l-gravità tar-reati u qalet li dan kien attakk mhux biss fuq bniedem imma fuq Pulizija. Qalet li l-Pulizija qegħdin hemm biex jipproteġu lil kulħadd u l-imputat iddeċieda li jattakka u jipprova joqtol pulizija.

    Opponiet ukoll minħabba l-fatt li waqt l-investigazzjoni li saret, l-imputat ta lil Pulizija numru ta’ indirizzi differenti. Qalet li l-imputat ma tgħallimx mill-iżbalji li għamel fil-passat f’dak li jirrigwardja sewqan fejn spjegat li hemm numru ta’ każijiet pendenti.

    Il-Qorti, wara li semgħet il-partijiet u qieset in-natura gravissima tar-reati, l-infaddibilità tal-imputat, in-nuqqas ta’ indirizz fiss tiegħu, wara li kkunsidrat li jista’ jkun hemm intralċ ta’ provi,

    ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

    Id-Difiża talbet id-divjet tal-pubblikazzjoni ta’ isem l-imputat, bil-Qorti wara li rat dak li jipprovdi l-Att dwar il-Minorenni Kap. 287 Liġijiet ta’ Malta, wara li rat li divjet hu tassattiv fir-rigward ta’ persuni taħt l-età ta’ 16-il sena ċaħdet it-talba.

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Pierguido Saliba, Fabian Fleri u Chantelle Casha filwaqt li ż-żagħżugħ kien assistit mill-Avukati Franco Debono. L-Avukat Andy Ellul deher bħala parte civile għall-Kuntistabbli Simon Schembri.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0