“Child Cares ma jservux biex il-ġenituri jipparkjaw fihom lil uliedhom ċkejknin”

  • Mej 03, 2018 12:26
  • Miktub minn iNews

    “Is-sajf huwa ż-żmien li jagħti ftit nifs lit-tfal mill-pressa tal-iskola. Il-ħruġ mal-familja u l-logħob huma l-qofol. Importanti li naraw li nrawmu fit-tfal l-importanza tal-bilanċ f’dak kollu li jagħmlu; il-logħob fuq il-kompjuter u t-television, il-logħob ma’ tfal oħra u attivitajiet ta’ rikrejazzjoni barra d-dar bħall-għawm. Il-ħin li l-ġenituri jqattgħu ma’ uliehom ukoll huwa element mill-iktar importanti.” 

    Dan qalitu l-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli filwaqt li spjegat li ċ-ċentri tal-ħarsien għat-tfal żgħar, dawk taħt it-tliet snin, jattendu tfal ta’ ġenituri li jaħdmu u oħrajn li jkunu jixtiequ jagħtu din l-esperjenza lil uliedhom.

    Miceli qalet li “l-ġurnata f’dawn iċ-ċentri tkun imqassma f’diversi attivitajiet ta’ logħob li jgħinhom jiżviluppaw. Ta’ ġid ukoll għat-tfal huwa l-fatt li jkunu qed jagħmluha ma’ tfal oħra u jitgħallmu jċedu bħal meta jkunu jridu jilagħbu bl-istess ġugarell.”

    “Il-ħin tal-ikel huwa wkoll okkażjoni fejn it-tfal ipoġġu flimkien u jsegwu ċertu rutini li jħejjhuhom tajjeb fil-ħajja u meta jaslu biex jibdew jattendu skola formali,” kompliet Miceli. 

    Il-Kummissarju għat-Tfal spjegat li d-dipartiment tal-Edukazzjoni jirrogola dawn iċ-ċentri u jara li s-servizz li jingħata huma tal-għola livell. “Hemm liġijiet li jirregolaw iċ-ċentri kemm f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u l-programm ta’ attivitajiet. Iċ-childcarers għandu jkollhom iċ-ċertifikat fil-livell meħtieġ biex jaħdmu f’dawn iċ-ċentri.”

    Hija tkelmet li tkun tajjeb li l-genituri jżuru xi ċentri ta’ ħarsien tat-tfal qabel jiddeċiedu fejn jibagħtuhom. 

    Dan qalitlu waqt li sostniet li “bosta tfal jintbagħtu ċ-child-care għal numru żgħir ta’ sigħat u l-ġenituri jistgħu ukoll jagħżlu n-numru ta’ ġranet li jixtiequhom jattendu. Numru ta’ ċentri jiftħu sigħat itwal biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ ġenituri li jaħdmu ġurnata twila.”

    “Ovvjament dak li jsir mal-ġenituri fil-kumplament tal-jum huma daqstant importanti u kull omm jew missier għandhom jiddedikaw ftit tal-ħin kuljum jilagħbu, jitkellmu u jisimgħu lit-tfal,” qalet Miceli. 

    “Il-familja tal-lum hija waħda flessibbli aktar minn dik tradizzjonali” 

    Il-Ministeru tal-Edukazzjoni tkellem mas-sit tagħna u spjega li “l-familja tal-lum hija waħda flessibbli aktar minn dik tradizzjonali fejn ir-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal tinqasam bejn kull min jieħu ħsieb it-tfal id-dar. Nifhmu li l-ġenituri jaħdmu biex joffru livell ta’ ħajja aħjar lil uliedhom.

    Infakkru li l-Gvern matul dawn l-aħħar snin fehem din il-bidla u qiegħed jassisti lill-familji billi kemm matul is-sena skolastika jkun hemm ċentri fejn jilqgħu tfal taħt it-tliet snin u wkoll servizzi bħall-Breakfast Club filgħodu qabel l-iskola tibda u wkoll il-Klabb 3 -16 wara l-ħin tal-iskola.”

    Mistoqsija minn dan is-sit, il-Ministeru tal-Edukazzjoni wieġeb li t-tfal li jattendu Skolasajf jibbenefikaw minn programm ta’ edukazzjoni mhux formali permezz ta’ attivitajiet fiżiċi u ta’ espressjoni kreattiva.

    Il-Ministeru tal-Edukazzjoni kompla jgħid li Skolasajf tgħin lit-tfal igawdu l-vaganzi filwaqt li jużaw ħinhom b’mod kostruttiv. Hija sfortuna li llum il-ġurnata ħafna tfal jagħżlu li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom bilqiegħda quddiem l-iskrin tat-televixin jew tal-kompjuter.

    Skolasajf huwa mod kif nisiltu lit-tfal mill-ħakma tal-kompjuters u l-medja soċjali

    Intant, Miceli tgħid li l-iskejjel tas-sajf twaqqfu bl-iskop li t-tfal ikunu okkupati għal ftit sigħat tul il-vaganzi twal. L-għażla ta’ dawn l-iskejjel hija vasta u joffru bosta opportunitajiet ta’ tagħlim b’mod informali u logħob ma’ tfal oħra. Hemm dawk li jikkonċentraw fuq attivitajiet sportivi, arti, żfin u oħrajn li joffru taħlita ta’ attivitajiet. Ġeneralment dawn jiftġu biss in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu.” 

    “Il-kwalità ta’ dawn l-iskejjel tas-sajf tvarja. Dawk immexxija mill-istat jew skejjel oħra privati huma regolati u tul is-snin urew ċertu żvilupp li jiggarantixxi kwalità għola. Ħafna skejjel jitolbu l-miżata. Il-ġenituri għandhom jaraw li t-tfal ikunu kuntenti meta jattendu.”

    Mistoqsi jekk jisimgħux xi lmenti li t-tfal mhux qed ikollhom ‘break’ ufficjali, jew xi ilmenti oħra, il-Ministeru tal-Edukazzjoni wieġeb li l-attendenza fi Skolasajf hija volontarja, u t-tfal li jattendu qegħdin f’atmosfera informali. Il-ħbieb jiltaqgħu biex flimkien igawdu l-vaganzi tas-sajf, u jipparteċipaw flimkien fid-diversi attivitajiet organizzati għalihom mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.

    Fost dawn l-attivitajiet, wieħed isib logħob u sport, espressjoni kreattiva, ħruġ f’siti kulturali, u tgħarif edukattiv dwar punti diversi mwassal minn imsieħba f’dan il-proġett nazzjonali.

    Dan kollu jaqa’ taħt il-kappa tat-tema li tiggwida l-attivitajiet, li din is-sena hija ‘Ngħixu l-Kultura/Living Culture’. Proġetti oħra f’ċentri varji jagħtu opportunitajiet għal korsijiet qosra bħal fl-informatika u fuq kif titkellem fil-pubbliku. Ma jonqosx ukoll is-sens altruistiku għaliex it-tfal ikunu mħeġġa li jikkoperaw mal-Kunsilli Lokali fuq proġetti volontarji, kif ukoll joħolqu attivitajiet biex jinġabru fondi għal organizzazzjonijiet non governattivi bħal Malta Community Chest Fund.

    “It-tfal jagħmlu distinzjoni bejn dak li mistennu minnhom tul is-sena skolastika u bir-raġun jippretendu li l-iskola sajf tkun waħda iktar rilassanti,” sostniet Miceli.

    Fuq dan is-suġġett, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li għalkemm dawn is-servizzi msemmija huma mogħtija fl-istess binja tal-iskola, il-metodu ta’ kura u tagħlim ivarja minn dak strutturat ta’ matul il-ġurnata normali skolastika. F’dawn iċ-ċentri tinvolvi edukazzjoni ta’ aktar crafts u arti, eżerċizzju fiziku u oħrajn fejn it-tfal jieħu gost jilgħabu u jitgħallmu b’mod differenti.

    Il-Ministeru tal-Edukazzjoni wieġeb li din is-sena ser jkun hemm madwar 60 centru f’Malta u f’Għawdex li ser jinfetħu għas-servizz ta’ Skolasajf. Minn sena għal ohra Skolasajf qiegħda dejjem iżżid fil-popolarità. Din is-sena huwa mistenni li jkun hemm mat-12,000 registrazzjoni.

    “Sigħat twal fiċ-child care mhuwiex fl-aħjar interess tat-tfal”

    Amanda Grech, psikoterapista, tkellmet mas-sit tagħna u spjegat li ċ-childcare huwa sors ta’ sapport għal ħafna familji u jista’ jkollu effetti kemm pożittivi kif ukoll negattivi fuq it-tfal. “Nibda billi ngħid li ħafna mill-ġenituri li niltaqa’ magħhom fix-xogħol tiegħi dejjem ifittxu l-aħjar interess ta’ uliedhom.  Ninnota pressjoni l-aktar fuq l-ommijiet li jaħdmu.” 

    Hija kompliet tgħid li huwa importanti li wieħed jara l-kuntest sħiħ meta nitkellmu fuq child care, għaldaqstant hemm diversi fatturi li wieħed irid jikkunsidra.  Dawn huma l-ammont ta' sigħat li t-tifel jew it-tifla jqattgħa fiċ-child care, il-kwalità ta’ childcare u kif ukoll l-ambjent tad-dar.

    “Rigward sigħat twal fiċ-childcare, jekk inħarsu lejn studji fuq dan is-suġġett, naraw diversi riċerki li juru sigħat twal fiċ-child care mhuwiex fl-aħjar interess tat-tfal. Il-ħin mal-familja huwa importanti għaliex it-tfal ta’ kull età għandhom bżonn attenzjoni tal-ġenituri tagħhom u dan ifisser ħin fejn it-tfal qed iqattgħu l-ħin f'kuntatt mal-ġenituri tagħhom, billi pereżempju jgħamlu xi attività flimkien,” qalet Grech.

    Fuq dan, hija qalet li “b’hekk it-tfal iħossuhom li huma importanti għal ġenituri tagħhom u jissaħħu relazzjonijiet ta’ bejniethom. Għal aħjar żvilupp tat-tfal, li nimlewlhom il-ġurnata kollha bl-attivitajiet mingħajr ma nħallulhom ħin liberu mhuwiex neċessarju.  Importanti għat-tfal li jkolllhom ħin fejn jistgħu jiskopru dak li verament jinterressahom u jeżerċitaw il-kreattività tagħhom.”

    Meta nħarsu lejn iċ-childcare u t-tfal, spjegat Grech, ma jfissirx li ser insibu soluzzjoni waħda li tapplika għat-tfal kollha l-istess.  Importanti nkunu viċin it-tfal tagħna u ninnutaw kif inhuma sejrin fil-ħajja tagħhom ħalli nagħtuhom is-sapport kollu li jkollhom bżonn.  Ninnutaw pereżempju kif qed iġibu ruħhom fiċ-childcare u kif dan jaffetwa lit-tfal tagħna meta jkunu d-dar.   

    Mistoqsija dwar il-fatt li peress li dawn iseħħu ġewwa l-iskejjel stess u jekk ikunx hemm impatti negattivi dwar dan, hija qalet li “importanti li t-tfal jifhmu x'ikun qed jiġri fil-ħajja tagħhom u jafu x'inhu mistenni minnhom fl-iskola tax-xitwa u li hu differenti min dak li hu mistenni minnhom fis-sajf.  Li t-tagħlim jiġi assoċjat ma’ xi ħaġa li niehdu pjaċir nagħmlu, nara li tista’ tkun xi ħaġa pożittiva.  L-importanti li l-adulti fil-ħajja tat-tfal jiehdu l-ħin sabiex jaċċertaw ruħhom li t-tfal jafu x’qed jiġri.”

    Grech tkelmet li taħseb li l-kultura tradizzjonali, l-istampa fejn l-omm tiehu ħsieb id-dar, għad għandha influwenza qawwija fuq is-soċjetà tal-lum.  Ħafna nisa jħossu li xorta huwa d-dmir tan-nisa li jiehdu ħsieb ix-xogħol tad-dar, avolja qegħdin jagħmlu xogħol barra mid-dar.  Bħal donnu l-memorja tal-mara li tiehu ħsieb id-dar baqgħat magħna u magħha żdied ix-xogħol barra mid-dar. 

    “Naħseb bħala soċjetà għadna qed insibu l-aħjar soluzzjoni meta niġu biex insibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.  Iċ-childcares huma soluzzjoni importanti għal ċertu familji, iżda ma narahiex ideali li nserħu fuq iċ-childcare biss biex insolvu din is-sitwazzjoni.”

    “Nara lok li nitgħallmu aktar fuq xhinu importanti għat-tfal fl-ewwel snin tal-ħajja tagħhom u lok għal ħidma sabiex kultura fejn aktar missirijiet ikunu attivi fit-trobbija tal-ulied u jkun hemm flessibiltà fuq il-post tax-xogħol sabiex nissapportjaw il-familja,” temmet tgħid Grech.  

    “It-tfal jixtiequ aktar ħin ta’ kwalità mal-ġenituri”

    “Wieħed mill-kummenti l-aktar komuni li rċevejt mit-tfal huwa x-xewqa li jkun hemm iktar ħin ta’ logħob mal-ġenituri tagħhom anke jekk hija biss logħba tal-karti.”

    Dan qalitu lilna Lauren Kenely, counsellor li taħdem fl-iskejjel primarji u sekondarji, filwaqt li spjegat li waħda mill-kwistjonijiet prinċipali li taffaċċja fuq xogħola mhijiex kemm ħa nżommu lit-tfal tagħna fl-iskola u jekk nibagħtuhomx skoja sajf jew le iżda għandu jkun hemm iktar ħidma u għarfien dwar kif wieħed bħala ġenitur għandu juża ħin ta’ kwalità mat-tfal.

    “Mhux faċli għal ġenitur/i li jieqfu jaħdmu fis-sajf. Nifhem li hija finanzjarjament diffiċli u bosta impjiegi ma jkollhomx waqfa daqshekk twila fis-sajf.”

    Kenely qalet li “l-ippjanar tal-ħin mat-tfal hija ċ-ċavetta biex wieħed jibni relazzjoni magħhom u dan jista’ jsir anke wara x-xogħol fl-16.30. Dan ifisser li huwa essenzjali li jkun hemm komunikazzjoni ta’ kwalità mat-tfal biex wieħed ipatti għal ħafna żmien fl-iskejjel jew fl-iskola sajf.”

    “Jista’ jkun hemm ukoll ippjanar tal-leave fis-sajf. Dwar din huwa importanti li wieħed jispjega lit-tfal li dak iż-żmien se jkun hemm apposta għalihom u ż-żamma ta’ din il-wegħda hija kruċjali,” kompliet tgħid.

    Hija qalet li l-iskejjel tas-sajf u ċ-child cares għandhom ikunu postijiet pjaċevoli fejn it-tfal jistgħu jitgħallmu u jgawdu lilhom infushom b'mod differenti mill-iskola akkademika anki jekk skola sajf issir fl-istess post.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0