“Tlifna ftit il-paċenzja u tlifna biżżejjed ħajjiet”

  • Apr 27, 2018 17:34
  • Miktub minn iNews

    Express Trailers: kampanja nazzjonali għaliex is-sigurtà fuq it-triq hija xi ħaġa li tikkonċerna lil kulħadd

    Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li fit-toroq “tlifna ftit il-paċenzja u tlifna biżżejjed ħajjiet” u li issa huwa “sabiħ li apparti l-Gvern qed jaħdem ukoll il-privat għal aktar ħarsien u sigurtà fit-toroq”

    “Hekk kif il-popolazzjoni qed tiżdied u qed jiżdied ukoll it-traffiku, jekk ma nħarsux is-sigurtà b’mod iżjed effettiv, is-sitwazzjoni mhux se titjieb. Kien dan li wassalna biex bħala kumpanija nibdew nagħmlu iżjed pressjoni għal iżjed sigurtà fuq it-triq.”

    Dan qalu Franco Azzopardi, Chairman u CEO ta’ Express Trailers waqt it-tnedija uffiċjali tal-kampanja f’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta u l-Malta Road Safety Council.

    Il-Ministru Borg tenna t-twemmin tiegħu fl-edukazzjoni kontinwa għal toroq aktar sikuri u ddeskriva l-kampanja bħala waħda versatili li tilħaq setturi differenti fis-soċjetà. Il-Ministru spjega li kumpanija bħal din, li topera f’settur direttament relatat mat-trasport, għandha potenzjal akbar li tilħaq udjenzi fl-istess industrija, u faħħar l-inċentiva li qegħdin jipproponu sabiex iħeġġu kumpaniji bħalhom biex joħorġu bl-inizjattivi tagħhom stess għal sigurtà fit-toroq.

    Azzopardi qal li “meta naħsbu fis-sigurtà fit-triq, mill-ewwel jiġuna f’rasna l-karozzi, trakkijiet u vetturi oħra simili u faċli ninsew li fuq it-triq, kulħadd huwa responsabbli. Aħna dan nagħrfuh u minħabba li l-preżenza tagħna fuq it-triq hija waħda qawwija, ħassejna li għandu jkollna rwol iżjed attiv fil-promozzjoni tas-sigurtà fuq it-triq. Kien għalhekk li din il-ġimgħa għadna kemm nidejna l-kampanja Express Road Safety biex nippromwovu aġir iżjed responsabbli fuq it-triq.”

    Mistoqsi minn dan is-sit, Azzopardi qalilna li “minn Mejju ħa tibda din il-kampanja fejn fiha ser nibdew inżuru diversi skejjel biex inkomplu nippromwovu l-ħarsien u s-sigurtà fit-toroq. Aħna primarjament nixtiequ nuru eżempju sod li aħna bħala kumpanija kull impjegat huwa mrawwem fir-road safetry u issa wasal il-mument li nibdew nsaħħu din il-mentalità fin-nies.”

    Il-Ministru tkellem dwar l-importanza tal-grafika li qiegħda tintuża bħala simbolu tal-kampanja; qalb miżmuma f’par idejn li jissimbolizzaw it-triq. Huwa għaqqad dan mal-inċidenti fatali li żvinturatament nisimgħu dwarhom ta’ spiss; inċidenti li wasslu għal qlub bħal dik fl-istampa biex jieqfu jħabbtu. “Nitkellmu, niddiskutu u nippruvaw nirraġunaw kull darba li jiġri xi inċident, imma dan mhuwiex biżżejjed – irridu naġixxu, u dan qegħdin nagħmluh u se nkomplu nagħmluh tul il-ħidma tagħna,” qal huwa, u spjega x-xogħol li qiegħed isir mill-Ministeru għal dan l-għan, bħal disinn ta’ toroq aktar sikuri u l-inklużjoni ta’ faċilitajiet tas-sigurtà bħal crash barriers imtejba li jipproteġu aħjar lis-sewwieqa tal-muturi.

    Huwa tkellem ukoll dwar it-taqsima tal-infurzar imsaħħa tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta, li ltaqa’ magħha aktar kmieni din il-ġimgħa u li issa tikkonsisti f’166 membru, u qal li l-Ministeru qiegħed ikompli jinvesti f’taħriġ u tagħmir aħjar għat-taqsima. 

    Azzopardi tkellem kemm huwa kburi li bħala kumpanija qed iniedu il-kampanja  b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta u l-Malta Road Safety Council. “Flimkien, se nippruvaw inħeġġu iżjed nies sabiex jirriflettu huma u jsuqu.”

    “Personalment, inħoss li bħala kumpanija, Express Trailers kisbet dan il-jedd li titkellem favur iżjed responsabbiltà u sigurtà fuq it-triq għaliex bħala kumpanija, dejjem uriet impenn sħiħ lejn is-sigurtà. Wara sittin sena ta’ operat u tkabbir, il-kumpanija llum għandha reputazzjoni mill-aqwa u tgawdi r-rispett ta’ kulħadd bħala operatur responsabbli fuq it-triq,” temm jgħid.

    Pierre Vella, mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq faħħar il-fatt li kumpanija privata bħal Express Trailers kienet qiegħda tieħu l-inizjattiva li tnieda kampanja li tqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq fuq livell nazzjonali, u tenna l-appoġġ tal-Kunsill biex jiżgura li l-kampanja tkun effettiva. “Kulħadd huwa utent tat-toroq, u għalhekk, kulħadd qiegħed jiġi msejjaħ biex iġib ruħu b’mod responsabbli fit-triq. Li niżguraw li t-toroq huma sikuri m’għandhiex tkun biss responsabilità tal-awtoritajiet jew ta’ dawk li jfasslu l-politika, iżda wasal iż-żmien li kulħadd jifhem li fit-toroq, aħna kollha vulnerabbli u kollha nistgħu nikkontribwixxu billi nnaqqsu l-veloċità, nevitaw mossi perikolużi u nirrispettaw ir-regoli tas-sewqan.”

    Għal aktar informazzjoni dwar il-kampanja Express Road Safety, żur is-sit ta’ l-internet www.expressroadsafety.com

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook