Malta bl-ikbar rata ta’ surplus Fl-UE

  • Apr 24, 2018 10:15
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit

    Il-Ministru Scicluna: “Dawn ir-riżultati ekonomiċi qiegħdin juru futur sabiħ, għalina l-Maltin u għat-tfal tagħna;” Diversi ekonomisti jitkellmu ma’ dan il-ġurnal fuq dan ir-riżultat “impressjonanti.”

    “Minn proċedura ta’ defiċit eċċessiv fl-2012, minn sitwazzjoni finanzarja xejn sabiħa, wasalna f’sitwazzjoni opposta. Aħna ddeċidejna li nwaqqfu l-emorraġija tal-ħela, u nżidu l-introjtu. Minn rata ta’ -3.5% defiċit, spiċċajna f’3.9% surplus.” Dan sostnieh il-Ministru Edward Scicluna, b’reazzjoni għal numru ta’ riżultati ekonomiċi ppublikati mill-Aġenzija tal-Istatistika Ewropeja (Eurostat), kif ukoll mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

    Skont il-Eurostat, Malta rrekordjat rata’ ta’ 3.9% surplus bħala parti mill-Prodott Gross Domestiku matul is-sena tal-2017: Din kienet l-ikbar rata fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropeja, u kważi erba’ darbiet ikbar l-istess rata tas-sena 2016 (1%). 

    L-ammont ta’ €437 miljun surplus li ġie rreġistrat mill-2017 kien iktar minn erba’ darbiet l-istess ammont tas-sena li għaddiet (€101 miljun): Dan kien riżultat ta’ tnaqqis fl-infiq totali tal-Gvern (36.5% tal-Prodott Gross Domestiku), kif ukoll żieda ta’ 2.4% fl-introjtu totali. L-istess stħarriġ juri kif ir-rata Maltija kienet iktar mid-doppju tat-tieni l-ikbar surplus rreġistrat fil-kommunita Ewropeja matul l-2017 (1.8% ta’ Ċipru). 

    Il-Eurostat ikkumparat dawn ir-riżultati mal-medja Ewropeja, hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropeja rreġistraw defiċit, waqt li r-rata medja tal-Unjoni Ewropeja kienet dik ta’ -1%. L-ikbar defiċit ġie rreġistrat fil-peniżola Iberika, hekk kif Spanja (-3.1%) u l-Portugall (-3%) rreġistraw defiċit konsiderabbli.

    Surplus ta €204 miljun fl-aħħar tlett xhur tal-2017

    Intant, stħarriġ maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jindika li l-Gvern Ċentrali rreġistra bilanċ posittiv fil-fond ikkonsolidat ta’ €204.3 miljun, li hija żieda ta’ kważi d-doppju fuq l-istess ammont irreġistrat fis-sena ta’ qabel (€129 miljun). B’hekk, is-sena 2017 kienet l-ewwel sena f’ammont kbir ta’ snin fejn ġie rreġistrat surplus fil-bilanċ ġenerali tal-Gvern matul l-erba kwarti finanzjarji tas-sena (€38,444 bejn Jannar u Marzu, €24,418 bejn April u Ġunju u €169,513 bejn Lulju u Settembru.)

    L-NSO tennet kif dan is-surplus kien riżultat ta’ żieda ta’ €99.8 miljun fid-dħul tal-Gvern bejn Ottubru u Diċembru tal-2017 mill-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, ikkuntrastata ma’ żieda iżgħar fit-total tal-ispiża ċentrali (€24.4 miljun). 

    Fi stqarrija oħra, l-Uffiċju tal-Istatistika f’Malta tenna kif id-dejn totali tal-Gvern ammonta għal €5.6 biljun, li kien tnaqqis ta’ €858 miljun mill-istess ammont tas-sena li għaddiet. Ir-rata ta’ dejn ċentrali meta kkumparat mal-prodott gross domestiku totali (50.8%) ra tnaqqis ieħor ta’ 5.4% mir-rata tas-sena li għaddiet (56.2%), u tnaqqis ta’ 13% mill-ammont tal-2014 (63.8%).

    “Waqqafna l-Emorraġija tal-Ħela” ta’ Gvernijiet ta’ qabel.

    Il-Ministru Scicluna ddeskriva dawn ir-riżultati bħala “pass tajjeb li huwa relattivament aħjar minn pajjiżi oħra. Meta dan il-Gvern ġie elett fl-2013, sibna sitwazzjoni fejn kellna defiċit ta’ -3.5%, u konna qiegħdin f’proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Iddeċidejna dakinhar li għandna nwaqqfu l-emorraġija tal-ħela li l-Gvern kellu dakinhar, waqt li ħdimna biex nżidu t-trojtu.

    “Illum, qiegħdin f’sitwazzjoni fejn qiegħdin ingawdu surplus għall-ikbar rata f’dawn l-aħħar tletin sena. Dan is-surplus qiegħed jagħtina spazju biex niggvernaw aħjar bħala Gvern, u verament nqassmu l-ġid mal-poplu Malti kollu.”

    Scicluna tenna li dan it-tkabbir huwa riżultat ta’ żvilupp f’numru ta’ setturi ekonomiċi: “Fil-manifattura, kif esebit bl-investiment ta’ Crane Currency u l-iżviluppi fil-Lufthansa Technik; fl-industrija tal-Kannabis mediku, fejn nedejna liġijiet ġodda u qiegħdin nattiraw kumpaniji kbar minn pajjiżi bħall-Kanada; anke is-settur tal-iGaming f’Malta dieħel f’perjodu ġdid. Dawn ir-riżultati ekonomiċi qiegħdin joffrulna futur sabiħ lilna l-Maltin, kif ukoll it-tfal tagħna.”

    “Surplus bħal dan huwa impressjonanti.”

    F’kumment dirett lil dan il-ġurnal, l-ekonomista Alfred Mifsud ddeskriva r-rata ta’ surplus kif irreġistrata mill-Eurostat u mill-NSO bħala “waħda impressjonanti. Surplus b’rata ta’ 3.9% hija xi ħaġa unheard of, mhix biss f’Malta iżda anke f’pajjiżi oħra tal-Ewropa.”

    “Normalment, jekk pajjiż jirreġistra xi surplus, dan is-soltu jkun bejn 1 u 2%, mhix kważi 4%. Dan ir-riżultat qiegħed jagħti lil dan il-Gvenr iktar spazju biex nindirizzaw il-kwistjoni tal-faqar f’pajjiżna, fost l-oħrajn. Jekk id-dħul jiżdied, hemm biżżejjed spazju biex il-Gvern ikun ġeneruż, speċjalment dawk is-saffi baxxi tas-soċjeta.”

    Madanakollu, Mifsud tenna li dawn ir-riżultati ekonomiċi jista jkollhom lat negattiv ukoll: “Dan it-tip ta’ surplus kważi joħloqlok problemi minnu stess. Ir-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija bħalissa għaddejja ġmiela, u minħabba d-daqs ġeografiku ta’ pajjiżna, ma tantx forsi hemm kapaċi biex nespandi.

    Intant, l-ekonomist Lino Briguglio ddeskriva s-surplus bħala “aħbar posittiva, pero dan it-tip ta’ stħarriġ jista jintuża bħala għodda olitika. Surplus ma tagħmlux biss biex tiftaħar politikament, pero jrid jintuza għal skop soċjali.”

    “Ovjament, bħala ekonomisti aħna niddejqu meta jkun hemm defiċit, allura surplus bħal dan huwa ta’ min ifaħħru.” 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0