Żviluppi ġodda fil-purċissjoni ta' Ħal Qormi

  • Mar 19, 2018 15:36
  • Miktub minn iNews

    Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ħal Qormi, minbarra mit-tradizzjonijiet li ħaddnet tul kważi tliet sekli, hi magħrufa sew għall-innovazzjonijiet li introduċiet tul is-snin b’mod speċjali fl-ikonografija tal-vari, li llum jgħoddu mhux anqas minn tnax, kif ukoll kienet li din il-lokalità li daħħlet u żviluppat gruppi bibliċi u Rumani li permezz tagħhom il-purċissjoni hi spjega ħajja tal-istorja tar-Redenzjoni tal-bniedem. Iżda l-purċissjoni baqgħu jieħdu sehem fiha irġiel u subien biss għalkemm fl-2017 ħadu sehem numru ta’ bniet li ġarrew emblem u skrolli. Din is-sena ser ikun hemm żewġ żviluppi: l-introduzzjoni ta’ numru ta’ nisa u u bidla fl-irfigħ tal-Monument.

    Sehem ta’ Nisa

    Għal diversi snin ma kienx possibbli li n-nisa jieħdu parti fil-purċissjoni l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ spazju adegwat fejn ibiddlu ħwejjiġhom il-partiċipanti. Din id-diffikultà ewlenija instabet soluzzjoni għaliha u allura l-Kumitat organizzattiv iddeċieda li wasal il-mument li n-nisa wkoll jibdew jipparteċipaw f’din il-manifestazzjoni reliġjuża. Sar qbil li l-personaġġi femminili jkunu nisa li jissemmew fil-Bibbja b’konnessjoni mal-ġrajja tar-Redenzjoni jonkella li nsibuhom imsemmijin fl-erba vanġeli f’dawk il-ġranet tat-Tislib ta’ Ġesu`. L-ilbies ser ikun adattat, sobriju u bla tlellix. Barra minn hekk, l-ilbiesi ser ikunu proprjetà tal-parroċċa u mhux privati.

    Il-programm tal-introduzzjoni ta’ dawn il-personaġġi femminili ser ikun imqassam fuq medda ta’ ftit snin. Il-bidu hu din is-sena bi grupp ta’ ħames nisa li jirrapreżentaw lin-Nisa ta’ Ġerusalemm li, fit-triq tal-Golgotha (skont San Luqa), Ġesu` qalilhom biex ma jibkux lilU iżda lillom infushom u lil uliedhom. Posthom fil-purċissjoni ser ikun quddiem il-vara li turi ’l Ġesu`, Xmun iċ-Ċirinew, Veronica u mara b’tarbija li tirrapreżenta lin-nisa ta’ Ġerusalemm.

    Fil-futur qarib, l-element femminili ser ikun jinkludi dawn li gejjin: quddiem il-vara tal-Madonna tad-Duluri ser ikun hemm grupp ta’ ħamsa li nafu kienu mal-Madonna waqt id-difna ta’ Ġesu`, cioé Maria Madalena, Marija mart Klopa, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi, omm ulied Żebedew u Salomé (skont l-erba’ evanġelisti); il-Profetissa Anna li kienet preżenti fiċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesu` max-xwejjaħ Xmun (skont San Luqa); żewġ qaddejja Lhud tal-qassis il-kbir li għarfu lil San Pietru u dan ċaħad li jaf lil Kristu (skont San Mattew); mart Pilatu, Klawdja Prokula, li bagħtet tgħid lil żewġha ma jkollux x’jaqsam “ma dan ir-raġel gust”, jigifieri Ġesu` (skont San Mattew); ir-Reġina Ġeżebel, mart ir-Re Aħab, li kienet kompliċi ma żewġha fil-qtil ta’ Nabot wara li ġabu xhieda foloz kontrih biex akkwistaw l-artijiet tad-dwieli li kellu (Testment il-Qadim, Slaten I, Kap 21).

    Rfigħ tal-Monument

    Tradizzjonalment, il-Monument (Kristu Mejjet) kien jintrefa’ minn sitt irġiel taħt il-vara misturin wara faldrappa li ddur dawra mejt magħha. Fl-2007, l-urna sarilha restawr u tisbieħ inkluż qafas tal-qadid li ħa post dak tal-injam li kien qed jitmermer. Dan rriżulta bil-vara ssir  tqila wisq biex jintrefa’ bil-mod tradizzjonali u allura saru roti u l-irġiel kien jimbuttawh immexxijin minn raġel ieħor. Iż-żmien wera li din is-sistema mhix prattikabbli kemm minħabba li r-rotta proċessjonali tinkludi telgħa u niżla iebsin kif ukoll għax inqalgħu xi aċċidenti. Allura ġie deċiż li jsiru xi modifiki u, minn din is-sena, il-vara tibda tintrefa’ minn tmien reffiegħa fuq l-istil tal-vari l-oħrajn.

    Il-purċissjoni toħroġ mill-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, nhar il-Ġimgħa l-Kbira, 30 ta’ Marzu, fil-5.30 p.m.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0