Jibda l-proġett tal-Marsa-Ħamrun bypass... tkompli l-ħidma biex jonqsu d-diffikultajiet fit-toroq arterjali

  • Mar 13, 2018 17:10
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet beda x-xogħol biex titwessa l-Marsa-Ħamrun bypass, triq ewlenija li tgħaqqad flimkien diversi ħoloq prinċipali tas-sistema tat-toroq tal-pajjiż.

    Dan il-proġett beda jiġi ddisinjat matul is-sajf li għadda, fejn bdiet tiġi studjata soluzzjoni għad-diffikultajiet li hemm f’din it-triq, u li qed jikkawżaw dewmien fl-ivvjaġġar ta’ eluf ta’ persuni kuljum. Is-sejħa għall-offerti għax-xogħol meħtieġ ħarġet f’Awwissu u t-tħejjijiet biex jibda x-xogħol ta’ twessigħ beda malli ngħata l-kuntratt.

    Il-Ministru spjega kif bħalissa, hekk kif tixref mill-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn il-Marsa, iż-żewġ korsiji tal-karreġġjata jingħalqu għal waħda. Din id-diffikultà toħloq xkiel għal dawk li jkunu għaddejjin minn din it-triq, b’aktar dewmien u aktar riskji ta’ inċidenti. Dan l-ostaklu qed jolqot ħażin ir-rotta minn Ħ’Attard lejn Ħal Qormi, permezz tal-Imrieħel bypass, li tingħaqad mal-Marsa-Ħamrun bypass f’din il-parti tat-triq ukoll. Fid-direzzjoni opposta, hemm diffikultajiet ta’ dewmien simili fil-korsija li tgħaqqad Triq Ħal Qormi mal-Marsa-Ħamrun bypass.

    Huwa qal li b’dan il-proġett ta’ madwar €5 miljun, il-Marsa-Ħamrun bypass ser tiġi ddisinjata mill-ġdid sabiex jiżdiedu żewġ korsiji ġodda, waħda f’kull direzzjoni. B’hekk jonqsu ħafna minn dawn id-diffikultajiet kif ukoll ir-riskji ta’ inċidenti. Permezz tal-korsiji ġodda dawk li jkunu ħerġin mill-mina ta’ Santa Venera u dawk li jkunu ġejjin minn fuq il-pont tal-Imrieħel Bypass ser ikollhom il-korsiji ddedikati għalihom, mingħajr il-bżonn li żewġ korsiji jingħaqdu f’waħda. Fid-direzzjoni opposta, ser tiżdied korsija oħra sabiex ittaffi d-diffikultajiet tal-konnessjoni ma’ Triq Ħal Qormi, kif ukoll għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw mill-Marsa lejn il-mina ta’ Santa Venera u l-Imrieħel. 

    Il-Ministru Borg spjega kif bħala parti minn dan l-investiment, id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta qed jikkollabora wkoll ma’ entitajiet oħra sabiex il-pajpijiet u cables tas-servizzi tal-ilma, drenaġġ, elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm mgħoddija taħt din it-triq jiġu mmodernizzati qabel ma jsir l-asfalt ġdid.

    Huwa qal li l-proġett qed jitwettaq f’diversi fażijiet biex jitnaqqas l-inkonvenjent lis-sewwieqa. Uħud mix-xogħlijiet ser isiru bil-lejl sabiex jonqos l-inkonvenjent lil dawk li jużaw din it-triq.

    Il-Ministru qal li dan il-proġett mistenni jitlesta fi żmien 13-il xahar. Huwa qal ukoll li qegħdin jintalbu l-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex dan jitwettaq.

    Huwa fakkar li t-twessigħ u l-bini mill-ġdid tal-Marsa-Ħamrun bypass huwa wieħed minn għadd ta’ investimenti li vara l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali sa mis-sajf 2017 sabiex ikompli jżid l-effiċjenza tat-toroq f’pajjiżna. Dan il-pjan jinkludi proġetti kapitali kbar, bħat-twessigħ ta’ din il-bypass, soluzzjoni għad-diffikultajiet fit-triq bejn l-Imrieħel, Ħ’Attard u r-Rabat, il-Marsa Junction Project, il-bini ta’ mini ġodda taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u t-twessigħ ta’ Triq Buqana, bejn ir-Rabat u l-Mosta. 

    Il-Ministru tenna li mhuwiex biss importanti li nagħmlu proġetti kbar imma huwa indispensabbli li l-ħidma tal-Ministeru tinkludi wkoll proġetti fuq skala iżgħar, imma li jħallu daqstant effetti pożittivi fuq it-toroq tagħna. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu dawk fuq għadd ta’ roundabouts u junctions ewlenin li kienu qed joħolqu dewmien fl-ivvjaġġar u problemi ta’ tniġġis fl-inħawi fejn jinsabu. Sar xogħol ta’ titjib tar-roundabout ta’ Ħal Lija, fuq it-triq ewlenija bejn Ħal Lija u l-Mosta, iż-żewġ junctions ewlenin tar-roundabout ta’ Ħal Qormi, ir-roundabout ta’ maġenb l-Ajruport Internazzjonali fil-Gudja u anke dik li hemm ftit ’il bogħod minnha f’Ħal Luqa.

    Huwa fakkar ukoll li bħalissa għaddej xogħol ta’ titjib fi Vjal l-Indipendenza l-Mosta u r-roundabout ta’ Triq Ħal Luqa, biswit ir-Residenza San Vinċenz de Paule, fost ħidmiet oħra.

    Il-Ministru Borg għalaq billi qal li dawn ix-xogħlijiet jgħinu biex itaffu d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar fit-toroq Maltin b’mezzi differenti. Fl-istess waqt, huwa tenna l-impenn tal-Gvern li qed ikompli wkoll il-ħidma sabiex pajjiżna jiżviluppa soluzzjonijiet aktar fit-tul, fosthom mezzi alternattivi ta’ trasport aktar effiċjenti u b’inqas impatt ambjentali, li jilqgħu għall-ħtiġijiet tal-futur.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0