Il-wirja “The Schranz Family of Artists - A Journey of Rediscovery”

  • Mar 10, 2018 10:02
  • Miktub minn iNews

    Il-wirja tant mistennija, The Schranz Family of Artists – A Journey of Rediscovery, li qegħda tfakkar il-200 sena mill-wasla tal-familja Schranz f’Malta fl-1818 ġiet inawgurata l-Ġimgħa filgħaxija fil-Forti Sant’Iermu mill-President tar-Repubblika, l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca.

    Il-wirja tinkludi iktar minn 170 biċċa xogħol tal-arti varji, kotba, litografija u ritratti. L-għażla finali kienet waħda rigoruża minn fost aktar minn 400 biċċa xogħol. Il-maġġoranza tal-esebiti ġejjin minn kollezzjonijiet privati f’Malta, oħrajn minn kollezzjonijiet nazzjonali tal-arti bħal Heritage Malta, Palazzo Falson u l-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, filwaqt li wħud mix-xogħlijiet ġew mislufa minn kollezzjonijiet nazzjonali barranin bħal Victoria&Albert Museum, il-kollezzjoni nazzjonali Ingliża, u kollezzjonijiet pubbliċi f’Minorka.

    Il-viżitatur se jkollu l-opportunitá unika li jara xogħlijiet tal-familja Schranz mifruxa fuq erba’ ġenerazzjonijiet taħt saqaf wieħed. Din il-wirja se tikkoreġi l-impressjoni li l-pitturi tal-artisti Schranz huma biss dwar xwieni u suġġetti topografiċi Maltin. Dan għax ir-repertorju ta’ suġġetti jvarjaw minn ritratt ta’ persuni sa pajsaġġi. Il-wirja titfa’ wkoll dawl fuq il-legat li ħallew l-artisti Schranz permezz ta’ numru kbir ta’ studenti li attendew għall-klassijiet tal-arti fl-istudios rispettivi fil-Belt Valletta.

    Katalista ewlieni biex tittella’ din il-wirja kien il-Professur John J. Schranz, dixxendent dirett tal-ħames ġenerazzjoni ta’ Anton Schranz bħala wild tat-tifel il-kbir, Giovanni. Fl-2002, 19-il sena wara li missieru rnexxielu jiskopri qraba li għadhom jgħixu fil-Ġermanja, il-pajjiż fejn twieled Anton, il-Professur Schranz imbarka fuq riċerka dwar il-membri tal-familja li kienu artisti. Minn dan l-interess nibtet l-idea li jikkommemora x-xogħol tal-artisti tal-familja Schranz fl-2018, li taħbat f’għeluq il-200 sena minn meta Anton u l-familja tiegħu ġew jgħixu f’Malta.

    Din il-wirja tifforma parti minn sensiela ta’ wirjiet ta’ livell għoli organizzati minn Heritage Malta. Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Dr Joseph M. Buttigieg sostna li l-aġenzija nazzjonali hija kburija li fis-sena li l-Belt Valletta hija rikonoxxuta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura qegħda toffri lill-pubbliku ġenerali l-opportunitá li jesperjenza wirt kulturali rikk f’pajjiżu milli jkollu joqgħod jivvjaġġa biex japprezzah.

    Għal din l-okkażjoni Heritage Malta ppubblikat katalgu b’ritratti u tagħrif interessanti dwar il-wirja tal-familja Schranz u se jkun jista’ jinxtara mis-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta għall-prezz ta’ €15 fil-jiem li ġejjin.

    Il-wirja The Schranz Family of Artists – A Journey of Rediscovery se tibqa’ miftuħa sa nofs Lulju 2018 u d-dħul se jkun inkluż fil-biljett normali ta’ Forti Sant’Iermu li tinkludi wkoll il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra. Il-forti tiftaħ kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm, l-aħħar dħul ikun fl-4.30pm, filwaqt li mill-1 t’April il-ftuħ tal-forti ikun estiż sas-6.00pm, bl-aħħar dħul isir fil-5.30pm.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook