L-imħallfin ma setgħux iwaqqfu liż-żewġ studenti … il-Professur Kevin Aquilina jgħid li f'idejn il-ministru tal-ġustizzja jagħtihomx il-'warrant'

  • Mar 09, 2018 08:32
  • Miktub minn iNews
"

    Id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi fl-Universita ta' Malta, Profs. Kevin Aquilina, sostna ma' dan il-ġurnal li l-imħallfin li eżaminaw iż-żewġ studenti tal-liġi f'nofs kontroversja minħabba reati li wettqu snin ilu ma setgħux jiġġudikawhom mill-aspett ta' kondotta jew morali imma biss mill-eżamijiet li għamlu.

    Il-każ jikkonċerna lil Thomas Sant ta' 30 sena minn Ħal Qormi u Yanica Barbara ta' 28 sena minn Ħ'Attard.

    It-tnejn li huma iggradwaw fil-liġi u għaddew mill-iskrutinju ta' żewġ imħallfin kull wieħed li iġġudikawhom fuq eżamijiet li għamlu.

    L-erba' imħallfin kienu Jacqueline Padovani Grima, Wenzu Mintoff, Antonio Mizzi u Joseph Micallef.

    Id-deċiżjoni xejn ma niżlet tajjeb mal-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler tant li oġġezzjonaw.

    Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici iddeċieda li għalissa ma joħroġilhomx il-'warrant' li bih jistgħu jipprattikaw ta' avukati kif se jinħarġu lill-bqija tal-avukati li iggradwaw riċentament.

    L-ORIZZONT talab ir-reazjoni tal-Professur Aquilina dwar din il-kontroversja fejn irreferina għal dak li tgħid il-liġi primarjament fejn tidħol kondotta u morali.

    Dwar il-kondotta, huwa spjega li normalment il-kondotta tkun tiddependi minn jekk il-persuna tkun wettqitx xi reat kriminali madankollu saħaq li dan jiddependi mir-reati għax hemm uħud li wara ċertu żmien ma jibqgħux jidhru fil-kondotta.

    Fir-rigward tal-morali, il-Professur Aquilina sostna li m'hemmx test oġġettiv dwarha għax tvarja minn żmien għal ieħor u minn persuna għal oħra.

    Fl-istess waqt huwa għamilha ċara li l-kriterju li bih l-imħallfin jeżaminaw lill-istudenti tal-liġi huwa ibbażat fuq jekk l-istudenti għandux l-LL.D jew il-Masters in Advocacy u jagħmlulu eżami hux kompetenti fil-liġi.

    F'każ li l-istudent ikun kiseb id-'degree' meħtieġa u jgħaddi mill-eżami jgħadduh u mhux fil-kompitu tagħhom jagħmlulu 'vetting' dwar il-kondotta jew il-moralita.

    Id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi iċċara li huwa l-ministru responsabbli mill-ġustizzja li bil-fatti kolha quddiem jiddeċiedi jekk għandu jagħti parir lill-President tar-Repubblika lil min jingħata l-'warrant' u l-Kap tal-Istat jimxi mal-parir.

    Mistoqsi jekk il-'warrant' għandux jibqa' jinħareġ mill-Gvern, il-Professur Aquilina qal li fil-leġislatura li fiha l-gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi spiċċa waqa' wara l-argumenti li kellu mal-avukat u depupat Franco Debono u l-abboz ma reġax ġie ippreżentat mill-gvern ta' warajh jiġifier dak immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

    Id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi fakkar li l-idea tal-imsemmi abbozz kienet li l-professjoni tibqa' regolata mill-Istat u l-'warrant' jibqa' jinħarġeġ mill-President tar-Repubblika wara parit tal-Ministru tal-Ġustizzja imma l-Kamra tal-Avukati tkun involuta fl-edukazzjoni kontinwa tal-avukati u jekk ma jagħmlux dan il-liċenzja ma tiġġeddilhomx.

    Xi tgħid il-liġi dwar il-kondotta

    Iċ-ċertifikati tal-kondotta għandhom jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija fuq talba tal-persuna nnifsiha, fuq ordni tal-Qorti jew fuq talba tal-parti interessata.

    Ebda kundanna jew ordni kontra ebda persuna ma għandha titniżżel f'ċertifikat ta' kondotta jekk tkun dwar xi kontravenzjoni, jekk il-persuna ikkundannata misjuba ħatja tkun taħt it-18-il sena meta jkun sar ir-reat, jekk tkun ingħatat maħfra presidenzjali, jekk tpoġġiet taħt ordni ta' probation u f'każ ta' sejbien ta' ħtija mingħajr sejbien ta' ħtija mingħajr sejbien ta' ħtija preċedenti li fir-rigward tgħha tkun weħlet piena ta' mhux aktar mnn €200 u ġiet imħallsa.

    Il-liġi tagħti lok biex ċertu reati ma jidhrux imma dan jiddependi skont it-tipi ta' reati u ż-żmien li jgħaddi minn meta jkunu saru.

    Il-benefiċċju li kundannat ma tiġix reġistrati ma jingħatax lil persuni reċidivi (jiġifieri li jkunu diġa nstabu ħatja) ta' serq, frodi u traffikar ta' drogi.

    Il-liġi tapplika wkoll għal dawk li jkunu ngħataw sentenza ta' ħabs sospiża imma meta s-sentenza ma tkunx bdiet isseħħ iż-żmien meħtieġ sabiex ma jkunx hemm reġistrazzjoni jiskadi fit-tmiem tal-perjodu operattiv tas-sentenza.

    F'ċertu każijiet il-Qorti tista' fuq talba tal-persuna misjuba ħatja u wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali tordna li l-kundanna ma tiġix imniżżla fiċ-ċertifikat tal-kondotta f'każijiet fejn il-persuna kundannata ma jkollix 21 sena fiż-żmien tar-reat u jekk fiċ-ċirkostanzi tar-reat il-Qorti jidhrilha li l-kundanna m'għandix tkun inkluża fil-kondotta.

    Hemm referenza wkoll għaż-żmien meħtieġ biex kundanna ma tiġix reġistrata b'kundanna għal żmien ta' iżjed minn 10 snin tinħtieġ 10 snin, kundanna ta' bejn ħames snin u 10 snin tinħtieġ ħames snin, kundanna ta' bejn sena u ħames snin tinħtieġ tliet snin, kundanna għal mhux iżjed minn sena tinħtieġ sena waqt li kundanna ta' multa tinħtieġ sitt xhur mid-data tal-ħlas tal-multa.

    L-awtoritajiet li għandhom id-dritt li jitolbu reġistru sħiħ tal-kundanni kriminali huma l-Awtorita għat-Trasport, l-Awtorita dwar il-Lotteriji u l-Logħob, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, is-Servizz tas-Sigurta, il-Forzi Armati u l-Korp għall-Analiżi ta' Informazzjoni Finanzjarja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0