In-negozji tal-familja: “Nippromwovu kultura biex torganizza għall-futur”

  • Mar 02, 2018 11:00
  • Miktub minn iNews
"

    X’differenzi hemm bejn in-negozji tal-familja u intrapriżi oħra? X’benefiċċji u inizjattivi hemm preżenti? Tkellimna ma’ Dr Nadine Lia, ir-Regolatur fi ħdan l-Uffiċju tal-Intrapriżi tal-Familja, għal iktar tagħrif fuq is-suġġett.

    X’inhuwa l-irwol tal-Uffiċju tal-Intrapriżi tal-Familja, u tiegħek bħala Regolatur?

    L-Uffiċju tagħna ġie stabbilit b’liġi li ġiet imnedija mill-Parlament is-sena li għaddiet, bl-isem ta’ Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap 565), li bażikament bis-saħħa tagħha, għall-ewwel darba f’Malta kif ukoll fl-Ewropa, qiegħed ikollna rikonoxximent uffiċjali ta’ x’jikkostitwixxi negozju tal-familja. 

    Għalfejn ħassejna li kellu jsir dan? L-iskop tagħha mhix biss biex nagħtu definizzjoni ta’ negozju tal-familja: Il-Gvern xtaq li jipprovdi għajnuna, lil dawn l-intrapriżi, u biex tipprovdi din l-għajnuna, l-ewwel pass huwa dejjem ir-rikonoxximent ta’ dan is-settur.

    Abbażi ta’ dan ir-rikonoxximent legali mbagħad, naslu għall-iskop u l-irwol ta’ dan l-uffiċju. Huwa wieħed divers, però prinċipalment, l-għan huwa li noffru diversi servizzi ta’ għajnuna lil dawn in-negozji, namministraw l-incentivi u l-benefiċċji għan-negozji tal-familja, nirreġistraw negozji, nimmoniterjaw l-attivatitajiet tan-negozji sabiex inkunu nistgħu nagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar leġiżlazzjoni u politika li jappoġġjaw is-settur tan-negozju tal-familja, ninkoraġġixxu u nippromowovu s-settur tan-negozji tal-familja kif ukoll niżviluppaw iktar koperazzjoni bejn in-negozji tal-familja. 

    X’inhuma d-differenzi prinċipali bejn negozji tal-familja u negozji oħra? 

    Negozju li mhumiex tal- familja ġeneralment ikun iktar marbuta ma’ konsiderazzjonijiet ta’  profitt jew telf: Jekk għandu telf, jara x’għandu x’jagħmel biex jiminimizza dan it-telf, u l-istess jekk għandu profitt, jara u jikkonsidra iktar tkabbir sabiex jiggera iktar profitt. Negozju tal-familja jiġi ffurmat minn membri tal-istess familja, allura d-dinamika hija differenti, l-valuri ġewwa l-istess negozju huma differenti, t-tmexxija tan-negozju huwa differenti, u l-prospettivi futuri tan-negozju u l-viżjoni se tkun differenti ukoll u filwaqt li l-aspetti finanzjarji ta’ profitt u telf jibqgħu l-bażi, ikun hemm ukoll konsiderazzjonijiet oħra li jagħmlu diferrenzi fid-deċiżjonijiet tagħhom. Ħafna drabi, negozju tal-familja għandu l-għan li jgħaddi n-negozju lill-ġenerazzjoni ta’ warajh u allura l-istruttura, l-aspetti finanzjarji tan-negozju ikunu żviluppati b’dawn il-ħsibijiet.   

    F’Malta, kif ukoll fl-Ewropa, l-maġġoranza kbira ta’ negozji, anke jekk ikunu mill-iktar beżlin u bilgħaqal, jeħlu meta jiġu biex jittrasferixxu n-negozju. Ir-raġuni hija għaliex ma jkunux ħalqu strutturi attapost, u ma kkrejawx pjanijiet ta’ governza futura u ta’ suċċessjoni, speċjalment dawk finanzjarji u fiskali. Meta tkun qiegħed titkellem mal-membri tal-istess familja, kulħadd jiddejjaq jitkellem fuq x’jiġri wara l-irtirar jew il-mewt ta’ individwu, li ikun qarib tagħhom, allura jarawha iktar faċli billi taqbad u tevitaha. Aħna li nixtiequ nagħmlu hija li nipprovdu dak is-servizz ta’ għajnuna lil dawn in-negozji.

    Jiena dejjem ngħid li wara kull intrapriża tal-familja, dejjem hemm persuna waħda ta’ suċċess kbir. L-ikbar intrapriżi familjari fid-dinja kollha bdew minn persuna li jkollu dik il-viżjoni, dik il-ġenjalita’ li tiddistingwixxih minn ħadd ieħor. L-intrapriża tiġi mwaqqfa, tikber f’ismu, waqt li fl-istess ħin ikabbar l-familja, jibda jintegra s-sieħba jew is-sieħeb u l-membri tal-familja tiegħu, u f’daqqa waħda isir negozju tal-familja. Biex tkabbar in-negozju tiegħek, ħafna drabi l-iktar nies li ġġib madwarek huma dawk tal-qalba, bħal mhuma l-membri tal-familja, waqt li tmur għand terzi persuni biex tkabbar jew anke biex tissieħeb.

    Kważi kważi kull negozju, meta tmur lura, dejjem ħa ssib l-individwu, membru tal-familja li bdieha. Dan l-istess individwu, minkejja n-nies li l-impjega  ġeneralment ikollu x-xewqa li idaħħal membri tal-familja tiegħu u mbagħad anke uliedu. X’jiġri f’dawn iċ-ċirkostanzi? Il-viżjoni tibda tinbidel, għaliex il-persuna jgħid li sejjer jagħti n-negozju lil uliedu. Issa, jekk in-negozju beda jitma lil familja waħda, f’daqqa waħda sejjer jitma’ żewġ familji, allura trid tassigura li n-negozju jibda jikber b’tali mod li jlaħħaq dan it-tkabbir. Fl-istess ħin trid tara jekk dawn il-persuni humiex kapaċi jew le, mhix bilfors li dawn in-nies għandhom l-istess ġenetika għall-intrapriża bħal ma kellhom ta’ qabel. F’dan il-każ, jista jkun il-każ li persuna jimpjega xi ħadd minn barra biex ikompli jmexxi l-intrapriża jew anke jeleva impjegat eżistenti f’pożizzjoni ta’ tmexxija.

    Ħafna mill-ekonomija tiddependi bi sħiħ fuq in-negozji tal-familja. Fl-aħħar riċessjoni, pajjiżna kien mill-ftit li rreġistra tkabbir, u waħda mir-raġunijiet għal dan kien bis-saħħha tan-negozji tal-familja li addattaw ghal dawn iċ-ċirkostanzi u kienu lesti li jisikkaw iċ-ċinotrin għal bżonn.. Ħafna minnhom, meta ikun hemm dak li jissejjaħ down turn fl-ekonomija jkunu l-istess familja li jaqsmu inqas profitti, saħansitra iċaħħdu lilhom infushom mill-paga biex ma jkeċċux impjegati, u jkunu iktar lesti li jżommu sod sakemm jgħaddu mid-diffikoltajiet li jkollhom quddiemhom.

    Hija ta’ ħasra kbira li negozju li ilu jopera għal għexrien ta’ snin u għamel dak il-ġid kollu, investa fl-immobbli u saħansitra ħalla impatt kulturali, jista jisfaxxa fix-xejn jew jipperikola ruħu minħabba nuqqas ta’ ppjanar tas-suċċessjoni tal-familja. Dawn huma sitwazzjoinijiet li jekk ma jiġux diskussi matul il-ħajja tal-persuna, sfortunatament jerġgħu jitfaċċaw fi żminijiet iktar antipatiċi.

    Għalhekk hija tant importanti li nippreservaw dawn in-negozji. Fil-każ ta’ Malta, ħafna negozji tal-familja ġew stabbiliti jew wara l-Gwerra jew wara l-Indipendenza, mela llum il-ġurnata dawn in-negozji għalqu ’l fuq minn ħamsin sena, u qiegħdin fit-transizzjoni bejn ġenerazzjoni u oħra. 

    Meta qiegħda tgħid servizzi t’għajnuna, x’tipi t’inizjattivi hemm? 

    L-irwol tagħna huwa ta’ appoġġ lil dawn l-intrapriżi: bl-ebda mod aħna mhu sejrin ninterferixxu jew nissostitwixxu s-servizzi diġà eżistenti. Aħna qiegħdin hawnhekk biex inlaqqgħu is-sidien ta’ dawn l-intrapriżi mal-professjonisti, nagħmlu l-kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħrajn, kif ukoll kollaborazzjonijiet ma’ diversi msieħba soċjali u nirrappreżentaw is-settur bl-aħjar mod. Infatti, għamilna ħafna attivitajiet matul is-sena li għaddiet mal-imsieħba soċjali u l-membri tagħhom, li fil-verita ħafna minnhom huma negozji tal-familja ukoll.

    Apparti minn hekk, aħna namministraw l-inċentivi li jidħlu fis-seħħ. Dawn l-inċentivi huma applikabbli għal kull min huwa rreġistrat bħala negozju tal-familja skont it-termini ta’ Kapitlu 565. L-Uffiċju jipprovdi gwida u l-mezzi biex jirreġistraw u jekk jagħmlu hekk, jistgħu jagħmlu użu mill-għaxar inċentivi li hemm fil-preżent.

    Fir-rigward ta’ negozji tal-familja aħna l-uniku organizazzjoni uffiċjali li hemm f’dan il-qasam stante li l-uffiċċju tal-Family Business Office huwa stabillit mil-liġi: Intenni hawnhekk li kull informazzjoni fuq in-negozji tal-familja u l-incentivi, jekk ma toħroġx minn dan l-uffiċju ma tistax tiġi kkonsidrata bħala uffiċjali jew korretta. Ir-raġuni hija li kull meta jkun hemm skema, l-informazzjoni tista ma tiġix interpretata korrettament mal-ewwel. Tant hu hekk li biss biss matul is-sena li għaddiet għamilna madwar tnax il-laqgħa pubblika biex nfehmu aħjar l-iskopijiet u d-dettalji tas-servizzi relatati. 

    Dan l-uffiċju qiegħed ukoll jisma’ dwar x’inhuwa l-aħjar mod biex din il-liġi tkompli tiżviluppa u nsaħħu iktar dan is-settur, kif ukoll nirraportaw fuq x’inhija s-sitwazzjoni ġenerali, filwaqt li niġbru l-istatistika relatati ma’ dan is-settur biex noħorġu suġġerimenti lill-Gvern u nagħtuh pariri kif jista jgħin lin-negozji tal-familja.

    Semmejt għaxar skemi: X’jinkludu?

    Kull negozju li jirreġistra taħt dan l-Att dwar in-Negozji tal-Familja għandu l-possibilita’ li japplika għal dawn l-għaxar inċentivi, li bihom bnejna din l-iskema. Nittamaw ukoll fil-futur inkomplu nżidu magħhom. Dawn l-inċentivi huma intiżi biex jgħinuk tmexxi n-negozju tiegħek. Tlieta minnhom huma inċentivi tat-taxxa, u sebgħa minnhom huma inċentivi relatati mal-governanza u mat-tmexxija ta’ dan l-istess negozji.

    L-inċentivi tat-taxxa huma immirati biex inti jek tagħżel li tittrasferixi parti min-negozju tiegħek, jekk mhux in-negozju kollu, lil xi membru tal-familja tiegħek biex titkompla l-intrapriża għall-ġenerazzjoni li ġejja, inti tieħu rata ta’ taxxa iktar vantaġġjużi. It-tliet skemi ta’ taxxa huma immirati lejn membri tal-familja, lejn immobbli u lejn ishma, u bihom wieħed jista jibbenefika minn rata ta’ taxxa iktar vantaġġjuża.

    Li qiegħdin nippromwovu wkoll hija li kemm jista jkun, fejn tidħol l-istruttura u l-governanza tan-negozju tiegħek, meħtieġ li tippjana għall-futur. Inti trid tippjana l-ħruġ tiegħek mill-intrapriża, għaliex jekk inti tħallih għal meta jkun tard wisq, sejjer tħalli kumplikazzjonijiet kbar: il-kummerċ ħa jinqabad fis-suċċessjoni ġenerali tal-familja, bil-futur tiegħu ikun inċert. Jekk jiġri hekk, jekk ma jkunx hemm pjan minn qabel, tista taqa’ f’sitwazzjoni ta’ taxxi għolja u tad-diviżjoni tan-negozju bejn il-membri tal-familja, sitwazzjoni li inti ma tkunx ippjanajt għaliha u li tista tipperikola n-negozju. 

    Jekk tagħmel dan il-ftehim minn qabel, tul ħajtek jew tul ħajjet il-fundatur, għandek il-benefiċċju li tippjana il-finanzi li għandek bżonn, tippjana għat-taxxi li sejjer tħallas, kif ukoll tieħu ħsieb biex tara min huma l-membri tal-familja interessati biex jieħdu ħsieb in-negozju, waqt li dawk li mhumiex interessati tara kif jistgħu jibbenefikaw. Bis-saħħa t’hekk, l-impjegati tiegħek ma jieħdux skoss, il-kredituri u d-debituri tiegħek baqgħu jafu lill-fondatur waqt li jaraw minn ġej, u ma jkunx hemm skossi. Apparti hekk, inti għad għandek l-għerf, it-tagħlim u l-esperjenza għan-negozju tiegħek, u sa meta jasal iż-żmien inti tkun qiegħed taqsamha ma’ ta warajk; mhux f’daqqa waħda minn wiret in-negozju qiegħed ilaħħaq man-negozju kif ukoll maċ-ċirkostanzi tal-familja. 

    Imbagħad hemm inċentivi relatati ma’ governanza, per eżempju, edukazzjoni u taħriġ: Għandek 1000 kull sena għal kull membru tal-familja, kif ukoll lil kull impjegat, biex inti tedukhom iktar, ikollhom iktar tagħlim. 

    Peress li hemm ħafna biex tispjega nissuġġerixxi lil kull min jixtieq iktar informazzjoni dwarhom iżur is-sit familybusiness.org.mt fejn isib l-informazzjoni kollha dwar l-inċentivi.

    Fuq il-liġi nnifisha, x’inhuma l-iktar punti kruċjali, u x’inhuma l-aspetti li jistgħu jitjiebu fiż-żmien li ġej?

    L-iktar punt importanti huwa li issa, l-liġi tista’ tagħtik punt ta’ riferenza, u tagħtik forma ta’ direzzjoni. L-iktar ħaġa bżonnjuża bħalissa hija li tagħtik rikonoxximent, ta’ kull min jistinka u jaħdem f’dan in-negozju.

    Parti mill-problemi li konna naraw fil-preparazzjoni ta’ dan ix-xogħol huwa il ssib membri tal-familja li ħadmu għal ħajjithom kollha, iżda mhumiex  legalment rikonoxxuti b’konsegwenzi mhux mixtieqa bħal pereżempju jsibu ruħhom mhumiex intitolati għall-pensjoni, għas-self eċċ. Li din il-liġi tagħmel issa huwa li tgħin għal dan ir-rikonoxximent. Qiegħdin nistabilixxu li jekk int tajt l-għajnuna lil dan in-negozju, issa qiegħed tiġi rrikonoxxut, u bis-saħħa ta’ dan ir-rikonoxximent issa inti tista tibbenefika u tiggwadanja minn dawn il-benefiċċji. 

    It-tieni ħaġa hija li fil-liġi, hemm rikonoxximent li huwa wiesgħa ħafna: mill-iċken negozju sal-ikbar wieħed għandu possibilita’ li jibbenefika. Din hija wkoll pass oltre’ mill-eżerċizzju li kienet għamlet il-Kummissjoni Ewropeja żmien ilu: Aħna dan wessajnih għaliex negozju jibda żgħir, imbagħad hemm ħafna modi kif dan jista jikber u ġeneralment negozju li sejjer tajjeb ikabbar tul iż-żmien. 

    Preżentament, x’jiddefinixxi negozju tal-familja?

    Diversi tipi: B’ishma pubblika fuq il-borża, kumpanija privata, sħubija rreġistrata u anke dawk mhux rreġistrati, trusts, kumpanija holding, fond fiduċjarju jew fondazzjoni…  L-importanti, jew il-bażi tal-liġi, hija li hemm minn tal-inqas żewġ membri (jistgħu jkunu iktar) tal-familja li n-negozju huwa tagħhom. L-intrapriża trid tkun ilha topera għal mill-inqas tlett snin, u li dawn iż-żewġ persuni għandhom involviment fin-negozju, attiv bħala direttur jew passiv bħala azzjonist. 

    Kull negozju li jolqot id-definizzjoni, tista tirreġistra. Jekk ma taqax taħtha, tista tagħżel li taddatta, għaliex hemm numru ta’ intrapriżi li javviċinawna fuq bażi volontarja għaliex qatt ma ħadu ħsieb jisstrutturaw lilhom nfushom. B’hekk, kulħadd ikollu pjan kif jista imexxi u jagħmel ċertu pjanijiet ta’ finanzi. U dik hija li qiegħdin nippromovu, il-kultura li torganizza u tistruttura għall-futur, dejjem kif tixtieq inti jew xinhu l-aħjar għall-futur tal-familja tiegħek. Tħallihiex bħala problema għal wara ħajtek, .

    X’hemm ippjanat għall-futur?

    Il-liġi daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ 2017. Qabel hekk imma, aħna konna għamilna ħafna riċerka biex naraw lil min għandna nindirizzaw: Fost l-oħrajn, ġie ikkummissjonat statistika mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, ġbarna riċkerka soċjologika mid-Dipartiment tas-Soċjoloġija fi ħdan l-Universita ta’ Malta u bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej is-sena li għaddiet ifformajna mill-ewwel grupp ta’ Stati Membri li ġbarna statistika uffiċjali abbażi tal-Liġi li ħarġet. 

    Il-liġi li llum għandna f’idejna ġiet mibnija abbażi ta’ din l-istatistika u riċerka. Il-ħsieb tagħna huwa fuq kif nistgħu nżidu l-inċentivi, naraw x’għandhom bżonn iktar in-negozji tal-familja, u nirrapreżentaw it-talbiet tagħhom. Ir-rwol tal-Family Business Office huwa li  jippromovu l-aspirazzjonijiet tagħhom, u naraw x’nistgħu nintroduċu għall-gwadann tas-settur. Sħab fil-futur dejjem tista’ ssib, però n-negozji tal-familji dejjem jiddipendu ħafna fuq lilhom nfushom, speċjalment dawk Maltin. Li ngħid żgur huwa li llum il-ġurnata tneħħa iċ-ċpar, għaliex għandhom direzzjoni u xi ħadd li qiegħed imexxi għall-ġid tagħhom.

    Nixtieq nistieden lil kull minn jixtieq iktar informazzjoni jaghmel kuntatt fuq is-segwenti:

    Emejl: familybusinessact.meib@gov.mt

    Website: familybusiness.org.mt

    Face Book: Family Business Office Malta

    LinkedIn: Family Business Office Malta

    Numru tat-Telefon: 0356 2220 9524

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0