inewsmalta.com



Malti ħati ta' attakk razzista … jeħel disa' xhur ħabs wara li insulta u refa' jdejh fuq żewġ nisa Niġerjani

  • Fra 13, 2018 16:45
  • Miktub minn iNews

    Malti ta' 46 sena kien ikkundannat disa' xhur ħabs wara li nstab ħati li nsulta u ħebb għal żewġ nisa Niġerjani u lil waħda minnhom kissrilha tliet sinniet.

    L-inċident kien seħħ fl-10 ta' Diċembru 2014, għall-ħabta tal-11.00 a.m., fil-Foreign Exchange ta' W&J Coppini ta' San Pawl il-Baħar.

    Joseph Apap kien fil-kju tan-nies jistennew biex jinqdew u fost il-klijenti kien hemm iż-żewġ nisa Niġerjani, Faith Jezz Mohammed u Riches Omonefe Odige.

    Mohammed kienet ma' bintha ta' erba' xhur u marret ma' Odige biex din tibgħat xi flus lil ommha meta f'ħin minnhom inqala argument bejn il-Malti u ż-żewġ nisa b'Mohammed tispiċċa ssofri xi ġrieħi.

    Fuq il-post issejħet il-Pulizija li wara investigazzjoni ressqet lil Apap fil-Qorti fejn akkużatu li kaġunala lil Mohammed offiża gravi kif ukoll li uża kliem jew imġieba razzista.

    Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, Mohammed spjegat kif waqt li kienet qed tinqeda Apap beda jgħidilha “hey hurry up, it's not just you, you f*****g black”.

    Hija qalet li għall-ewwel ma rrisponditux imma meta ratu jippersisti qaltlu biex jikkalma waqt li Odige staqsietu għaliex kien qed jagħmel hekk.

    Dak il-ħin it-tarbija bdiet tibki u Mohammed talbet lill-ħabiba tagħha tara xi ġralha. Kif għaddiet minn quddiemu mbuttaha u għolla jdejha biex jagħtiha daqqa imma Mohammed ippruvat twaqqfu milli jaggredixxiha.

    Ix-xhud qalet li Apap imbuttaha, waqgħet u ħabtet wiċċha mal-art u mbagħad ġie jagħtiha bil-ponn sakemm twaqqaf mill-pulizija.

    Mohammed kompliet li kellha tittieħed l-isptar fejn spiċċat tilfet tliet sinniet, tnejn li tilfithom fil-post u waħda li nqalatilha l-isptar.

    Odige wkoll qalet li Apap beda jirrabja għax deherlu li kienu damu u beda jinsulentahom bi kliem bħal “f**k you” u “go back to your country”.

    Hija sostniet li minbarra huma anke kaxxiera qaltlu biex jikkalma u rrakkuntat kif wara li t-tarbija bdiet tibki marret ħdejha u r-raġel imbuttaha u hija ħarġet idejha biex timbuttah.

    Odige qalet li Mohammed ġiet lejhom u Apap beda jagħti lilha u jkaxkarha mal-art waqt li hija bdiet tgħajjat u tgħidlu jħalliha.

    Anthea Marsala, impjegata ma' Coppini, xehdet li kienet qed taqdi lil Odige meta Apap beda jgħidilhom biex jgħaġġlu u spjegat li kull ma kien baqa' huwa li Odige tiffirma xi dokumenti.

    Hija rrakkuntat kif meta qalulu li daqt lesti dan beda jitkellem ħażin u fost oħrajn qal il-frażi “f**k you black nigger”.

    Wara li sikktitu, Odige marret ħdejn it-tarbija u kien hemm li beda ħafna għajjat u ġlied sakemm xi ħadd ċempel lill-Pulizija u hi ċemplet lill-imgħallem.

    Is-Surġent Francesca Quattromani, li kienet waħda mill-pulizija li intervjeniet, xehdet li rat lil Apap jagħti lil Mohammed bil-ponn u din kellha xi demm ma' wiċċha u xi snien neqsin waqt li huwa kellu grif.

    Fil-kawża ġie esebit filmat meħud minn CCTV camera faċċata tal-imsemmi Exchange Bureau fejn jidhru numru ta' nies li kienu fil-post imma ħadd ma tressaq bħal xhud. Fil-fatt mill-kawża rriżulta li s-surġent li investigat il-każ qalet li kollha xtaqu jibqgħu anonimi.

    Xhud ieħor kien Dr John Vella Bardon, id-dentista li eżamina lil Mohammed, fejn dan ikkonferma li s-sinniet kienu ilhom xi ġranet qabel li nqalgħu u sostna li mill-eżami li għamlilha sab li kienet tbati minn mard ġenetiku tal-ħanek.

    Fl-istqarrija lill-Pulizija Apap ammetta li kien mgħaġġel waqt li kien qed jistenna u sostna li lil Odige qalilha “please hurry” imma hija weġbitu “mother f****r, you're a racist” u għal dan il-kliem weġibha “f**k your country nigra go to your country”.

    Apap ammetta li ta daqqa ta' ponn biex jiddefendi lilu nnifsu wara li waħda minnhom ippruvat taqbdu minn għajnejh u sostna li waqgħu mal-art u beda jagħtiha fuq idejha biex titilqu għax kieent qed iżżommu mill-qalziet.

    L-akkużat sostna li l-oħra marret iġġib umbrella u bdiet tagħtih biha u semma kif kien hemm Maltija bdiet tgħidlu biex ma jsawwatix lil Mohammed.

    Huwa għażel li jixhed fil-Qorti fejn qal li meta qalilhom biex jagħġlu Odige qaltu “f**k your mother, you f*****g racist” imbagħad għaddiet minn ħdejh u tatu daqqa ta' spalla u qalilha “f**k your mother, f**k your country”.

    Skont hu, hija ġiet għalih b'umbrella u taha 'side kick' imbagħad ġiet l-oħra li daħħlet difrejha f'għajnejh u huwa beda jgħidilha biex ma tmissux.

    Apap insista li baqa' jgħidilhom ma jiġġildulux u mbagħad beda jagħtihom qisu Stephen Segal għax huwa ċampjin tal-kick-boxing.

    Huwa sostna wkoll li waħda minnhom daħħlet idejha fil-qalziet biex tipprova tigdimlu l-parti tiegħu u waqgħu mal-art waqt li saħaq li snienha kienu diġa waqgħu meta nqala' l-inċident.

    Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Clarke irrimarkat li kien hemm kunflitt fil-verżjonijiet taż-żewġ naħat li jakkużaw lil xulxin għal min aggredixxa lil min l-ewwel.

    Fl-istess waqt qalet li kien hemm provi oħra x'setgħu jittieħdu inkonsiderazzjoni u iddikjarat li dawn jagħtu kredibilta liż-żewġ nisa.

    Hija qalet li anke impjegata ta' Coppini semgħetu juża kliem ħażin fil-konfront tan-Niġerjani u l-filmat juri li kien hu l-ewwel li aggredixxa lil Odige.

    Dwar meta Mohammed tilfet is-snien, il-Maġistrat Clarke qalet li hija konvinta li tista' temmen lin-Niġerjana.

    Hija ikkonkludiet li kien Apap li ipprovoka l-inċident u minbarra li sabitu ħati li kkaġuna lil Mohammed il-ġrieħi qalet li huwa kien ħati wkoll ta' razziżmu.

    “Fil-fehma tal-Qorti m'għandux jkun hemm l-ebda dubju li fi kwalunkwe soċjeta ċivilizzata kliem bħal dak li ntqal mill-imputat għandu jitqies bħala kliem abbużiv u insolenti u m'għandu qatt jiġi aċċettat fl-ebda ċirkostanzi”. 

    Hija qalet li jekk l-imputat ħassu urtat għax deherlu li Mohammed kienet qed iddum biex tinqeda u xtaq li jesprimi dan is-sentiment żgur li ma kellux għalfejn juża dak il-kliem abbużivi u offensiv.

    “Jekk l-imputat għandu opinjonijiet dwar il-preżenza ta' immigranti f'pajjiżna (u minn dak li qal kemm fl-istqarrija u anke waqt id-depożizzjoni tiegħu m'hemm l-ebda dubju li għandu opinjonijiet ċari u preċiżi fir-rigward) żgur li ma kellux għalfejn juża dak il-kliem offensiv biex jesprimihom”, żiedet tgħid.

    Kien għalhekk li waqt li sabet lil Apap ħati li ikkaġuna ġrieħi ħfief lil Mohammed, li uża kliem razzist u li kiser il-paċi pubbliku b'għajjat u ġlied, hija ikkundannatu għal disa' xhur ħabs.

    Il-prosekuzzjoni fil-konfront ta' Apap tmexxiet mill-Ispettur Maurice Curmi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook