Bormla tibki lil Johnnie Brincat iż-“Żbubu” … “Miet hu u miegħu mietet enċiklopedija tar-regatta”

  • Jan 25, 2018 12:32
  • Miktub minn iNews
"

    F’Bormla ssemmi lil Johnnie Brincat u kulħadd jgħidlek li ma tistax titkellem fuq it-tradizzjoni tar-Regatta, li tant hija għal qalb il-Bormliżi, u ma titkellimx dwar iż-“Żbubu”, kif inhu aktar magħruf Brincat. U huwa għaldaqstant b’nota ta’ niket li ħafna kitbu fuq il-midja soċjali hekk kif ilbieraħ ġriet l-aħbar li ż-“Żbubu” kien miet.

    Brincat kien maħbub sew fil-komunità Bormliża, kif jixhdu l-bosta messaġġi, b’saħansitra hemm min jgħid li “miet hu u miegħu mietet enċiklopedija tar-Regatta”.

    Johnnie, twieled nhar l-10 ta’ Dicembru tal-1927. Tista’ tgħid li twieled fil-mistier tal-bini tad-dgħajjes. Dan għax missieru, Ġużeppi, kien sħab fix-xogħol tal-bini tad-dgħajjes flimkien ma’ Ġużeppi Cassar, komunament magħruf bħala “Bengala” mad-dilettanti tal-isport tar-Regatta. Huma kellhom il-ħanut tax-xogħol fix-Xewkija tal-Kalkara, li kien proprjetà tal-istess “Bengala”. Hemmhekk nistgħu ngħidu li Johnnie ħa l-ewwel formazzjoni u tagħlim tiegħu fis-sengħa tal-bini tad-dgħajjes. Fil-fatt insibu li fl-età ta’ 26 sena diġà kien ta sehem u għen lil missieru u lil “Bengala” fil-bini tal-ewwel dgħajsa tar-Regatta għall-Klabb Bormliż, li kien jisimha “8 ta’ Diċembru” li kienet dgħajsa tal-Pass jew tax-xogħol. Din kienet l-okkażjoni li bdiet ir-rabta ta’ Johnnie Brincat mal-Klabb ta’ Bormla.

    Il-fundaturi tal-klabb kif nafuh illum, Pawlu Vella (Ta’ Ester), Karmenu Grech (tal-Posta), George Grace, Joseph Rizzo, Censu Gili u Charlie  Micallef  (l-Ispizjar), sabu f’Johnnie dak iż-żgħażugħ li fih raw futur f’dan l-isport. Hekk li lil Johnnie fforma parti mill-Kumitat tal-Klabb aktar ’il quddiem kif ukoll bennej tad-dgħajjes. Johnnie baqa’ jservi fil-kumitati sa nofs is-snin elfejn. Hu kellu għajn tajba fejn jidħlu ħinijiet biex jaqbad id-dgħajjes fuq it-tluq, kif ukoll kien tekniku tajjeb ħafna fil-mistier tal-qdif. 

    Bosta huma l-qaddiefa li jafu l-bidu tagħhom lilu. Hu kien l-hena tiegħu jgħallem lil qaddiefa żgħar kif iżommu l-moqdief jobormuh u dwar it-treġija tad-dgħajsa fejn għandhom x’jaqsmu l-irwiefen u l-mewġ tal-baħar, kif l-aħjar li tmexxi d-dgħajsa u kemm il-palata trid tagħti biex tidħol fl-ewwel post. Tista’ tghid li kien enċiklopedija tal-mistier tal-qdif. Dan għax kien għal bosta punt ta’ riferenza fid-diffikultajiet tagħhom tal-qdif. Bħala bennej tad-dgħajjes huwa wkoll ħadem xi dgħajjes wara l-mewt ta’ missieru flimkien ma’ “Bengala”. Fosthom wieħed isib id-dghajjes imsemmijin u meqjusa bħala ikoni għall-Klabb Bormliż bħalma huma Santa Margherita (3), il-Marija Concetta (186), u d-dgħajjes tal-midalji Santa Liena u Tereża. Aktar tard imbagħad ħadem id-dgħajsa tal-midalji Rosina li ħadimha totalment waħdu wara li miet “Bengala”.

    Meta beda jikber iż-“Żbubu” ħa ħsieb li jgħaddi kulma jaf lil żgħażugħ promettenti Bormliż, Colin Spiteri, li bit-tagħlim tiegħu bena ammont ta’ dgħajjes ukoll.

    Lil Johnnie, bosta jiftakruh bl-Anglia bluna jterraq mat-toroq Bormliżi. Ta’ kuljum rawh jinżel il-ħanut ta’ Michael tat-twiebet kull filghodu fejn kien jgħaddi l-ġurnata hemm imbagħad mal-ħin kien jasal l-eks-President tal-Klabb Sammy Busuttil fejn flimkien kienu jerħula għall-quddiesa tas-6.00 p.m.. 

    Wara kien jibqa’ sejjer dritt għax-xatt, fejn id-dgħajjes, li tant kien iħobb. Din kienet ir-rutina ta’ kuljum tieghu. Kienu jiltaqgħu hemm grupp ta’ anzjani li kienu dilettanti tar-regatta fosthom il-mibkijin Ġużeppi Azzopardi (iz-Zopp), Pawlu Calleja (il-Martell) u Toni (l-Amerikan).

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0