Ħames kunsilli Maltin rikonoxxuti bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza

  • Jan 23, 2018 18:13
  • Miktub minn iNews

    F’inizjattiva mnedija mill-Ministeru għat-Turiżmu, ħames lokalitajiet ġew rikonoxxuti bħala destinazzjonijiet ta’ eċċellenza. Fl-ewwel post ġiet il-lokalità tal-Qrendi u sussegwentament warajha bħala runners-up hemm ukoll il-lokalitajiet ta’ Għajnsielem, Ħad-Dingli, il-Mellieħa u Ta’ Xbiex. Il-Qrendi ġie rikonoxxut bħala rebbieħ għas-sit San Mattew tal-Maqluba, Għajnsielem għall-park rikreattiv u għall-attività ‘Betlehem f’Għajnsielem’, Ħad-Dingli għall-pjazza tradizzjonali b’tema kulturali, il-Mellieħa għax-shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija u Ta’ Xbiex bħala destinazzjoni sinonima mal-ambaxxati u mal-yachting fl-isfond ta’ tisbiħ u ta’ attivitajiet riċenti li saru fil-yacht marina.

    Dan il-proġett beda u ġie ko-finanzjat mill-Kummisjoni Ewropea u mmirat sabiex jiġi promoss turiżmu sostenibbli madwar l-Ewropa. Il-proġett hu ffukat fuq destinazzjonijiet li ftit li xejn huma magħrufa u li jikkontribwixxu fit-tkabbir ekonomiku b’tali mod li jiżguraw li elementi soċjali, kulturali u ambjentali jkunu mħarsa u aktar viżibbli, filwaqt li jesponu u jsaħħu karatteristiċi tipiċi.

    F’isem il-Ministeru għat-Turiżmu, is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi ppreżenta l-premjijiet u rringrazzja lis-sindki u lill-kunsilli lokali kollha li pparteċipaw u wisq iktar lir-rebbieħa u lir-runners- up. Żied jgħid li japprezza l-imħabba li dawn juru lejn il-lokal tagħhom u saħaq li dawk li jamministraw il-lokalitajiet Maltin huma ambaxxaturi ewlenin ta’ pajjiżna.

    Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu, wieħed jara li l-prodott ta’ Malta jiġi diversifikat, partikolarment billi jiġi promoss il-potenzjal li joffru l-lokalitajiet Maltin filwaqt li jkomplu jiġu evalwati u skopruti attrazzjonijiet turistiċi ġodda. Qal ukoll li bħala parti minn din l-istrateġija se jibqgħu jiġu evalwati elementi ta’ staġjonalità u qed isir sforz biex ix-xhur kollha tas-sena jinżammu mimlija b’attivitajiet mifruxa ma’ Malta u ma’ Għawdex. Mir-riżultati li qed jinkisbu, fejn qed jinkiser rekord wara l-ieħor fid-dħul ta’ turisti anke f’xhur fejn normalment in-numri kienu ferm aktar baxxi, jidher li qed jirriżulta f’firxa aktar wiesgħa ta’ turisti fl-istaġuni kollha.

    Dan il-gvern kommess li jkompli joffri prodott Malti ta’ kwalità sabiex inkomplu noffru esperjenzi pożittivi għat-turisti li jżuru pajjiżna. Il-Ministeru għat-Turiżmu jawgura li jkollna aktar kunsilli lokali li jkomplu jaħdmu id f’id ma’ din l-istrateġija li qed trendi għal suċċess li minnu jgawdu l-lokalitajiet kif ukoll il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0