Illum se tinfetaħ il-Pjazza tat-Tritoni

  • Jan 12, 2018 10:47
  • Miktub minn iNews
"

    Proġett ta’ tisbiħ lest fil-ħin propju meta l-Belt se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

    Filwaqt li kollox jinsab lest biex Valletta tingħata t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, wara żmien ta’ xogħlijiet estensivi, llum se tiġi inawgurata Pjazza Tritoni. Kollox jibda l-lejla fis-6.00.p.m. meta l-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jinawgura uffiċjalment il-proġett ta’ tisbiħ li sar fid-daħla tal-Belt kapitali Valletta. 

    Iċ-Ċermen tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon li tlesta dan il-proġett nazzjonali ta’ tisbiħ u spazji miftuħa u aċċessibbli għad-daħla tal-Belt Valletta. F’kumment lil dan il-ġurnal qal li l-Pjazza tat-Tritoni issa għandha dehra xierqa bi spazju miftuħ għall-użu tal-pubbliku.

    Zrinzo Azzopardi spjega li l-proġett kien jinvolvi xogħol ta’ tisbiħ min-naħa tal-Biskuttin fil-Furjana fejn il-lukanda Phoenicia bir-restawr ukoll tal-monument ta’ Kristu Re sad-daħla tal-Belt. Qal li l-proġett ta’ 13,500 metru kwadru ta’ pavimentar sewa madwar €9 miljuni. Spjega li inżeraw 52 siġra tal-ballut u nbnew ukoll mhux inqas minn 21 ġibjun li se jistivaw 900 metru kubu ta’ ilma li se jintuża’ għat-tisqija tas-siġar.

    Semma wkoll li wieħed ma’ jistax jinsa r-restawr li sewa madwar €4 miljuni fuq il-Funtana tat-Tritoni mill-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Qal li l-funtana kif ukoll l-ispazji ta’ madwarhom li se jservu żgur għall-mistrieħ u rikreazzjoni, propju tlestew fil-ħin opportun għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta 18.

    Iċ-Ċermen ta’ GHRC temm jgħid li wara dan il-proġett l-isfida issa se tkompli b’xogħlijiet fil-Foss tad-daħla tal-Belt Valletta li se jinbidel fi ġnien bi 42 siġra u 4,400 xitla oħra li huma kollha indiġeni, u se jitpoġġew mhux inqas minn 2,500 metru kwadru f’pavimentar kwadru b’ġebla tal-qawwi minn Għawdex. Qal li dan se jkun post ieħor li se joffri spazju ta’ rikreazzjoni fil-qalba tal-istorja ta’ ta’ Malta imlewwen bil-kuluri ta’ pjanti, siġar u ħxejjex oħra.

    Għal dan il-jum storiku l-poplu Malti u Għawdxi se jkun jista’ jammira wieħed mill-isbaħ proġetti ta’ restawr li qatt saru fil-kapitali. Dan għall-fatt li l-funtana, xogħol tal-iskultur Victor Apap din qatt ma ġiet irrestawrata u għal għexieren ta’ snin tħalliet anke fi stat ta’ abbandun.

    Kif inbniet il-funtana?

    Kien propju fix-xahar t’April tas-sena 1953 meta l-iskultur Apap ġie nfurmat li kien rebaħ il-konkors, imniedi sena qabel, għal funtana monumentali barra Bieb il-Belt. Fil-proposta tiegħu, Apap ikkollabora teknikament u artistikament mad-draughtsman Victor Anastasi. Ix-xogħol beda fis-sena 1955, bil-bronż inħadem ġewwa funderija f’Napli u l-proġett kien lest fl-1959. Peress li dak iż-żmien ma kienx hemm gvern Malti baqgħet qatt ma saret l-ebda inawgurazzjoni uffiċjali u kulma ġara kien biss li fil-lejla tas-Sibt 16 ta’ Mejju tas-sena 1959 inxtegħel l-ilma tal-funtana. Maż-żmien saret parti intrinsika mill-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti. Għax min minna qatt ma għadda minn ħdejha, jew qatt ma qagħad bilqiegħda fuq iċ-ċint baxx li jdawwarha, jew qatt ma qal lil ħaddieħor, “Niltaqgħu ħdejn il-funtana”? Dik il-funtana saħansitra ġieli ssemmiet f’kanzunetti Maltin u dehret ukoll f’bosta films internazzjonali.

    Jibda r-restawr tal-funtana

    Wara kważi 58 sena wieqfa hemm, tissaporti l-qilla tal-elementi u t-traskuraġni tal-bniedem filwaqt li tosservana deħlin u ħerġin mill-belt kapitali, sa fl-aħħar il-Funtana tat-Tritoni qed tingħata l-attenzjoni u l-kura li ilha żmien twil għatxana għalihom. Fil-fatt, ġie deċiż biex isir il-proġett ta’ restawr fuqha. Il-proġett tar-restawr tal-funtana sar mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u kien parti minn proġett akbar ta’ riġenerazzjoni sħiħa tad-daħla tal-belt kapitali. Il-funtana hija struttura delikata ħafna li matul is-snin sofriet għadd ta’ ħsarat u mbagħad tħalliet tiddeterjora. Kien hemm diversi fatturi li wasslu għal dan, fosthom l-elementi tan-natura u l-fatt li matul is-snin ftit li xejn saru interventi ta’ manutenzjoni maġġuri fuqha. Mhux biss, iżda peress li l-istatwi tat-tritoni huma mimlijin bil-konkos u jiffurmaw parti mis-saqaf tal-kamra li hemm taħthom, dan maż-żmien espanda u faqqa’ l-istatwi. 

    Il-ħidma fuq il-Funtana tat-Tritoni

    Matul il-proċess ta’ żarmar, instabu problemi li nneċessitaw il-qlugħ tal-istatwi minn fuq il-post, bħall-partijiet fejn l-istatwi ċedew l-idejn għax ma kinux iddisinjati b’mod adattat biex jerfgħu l-piż u lanqas kellhom skeletru minn ġewwa. Fil-fatt ma kienx intervent normali li naraw l-istatwi jinqatgħu min-nofs u jinqalgħu biex ix-xogħol fuqhom isir f’post ieħor, iżda tajjeb li wieħed ikun jaf li dawn l-istatwi huma magħmulin minn biċċiet flimkien u mhux minn biċċa waħda. Iż-żarmar tagħhom sar b’mod li ssir l-inqas ħsara possibbli fuqhom, operazzjoni delikata li ħadet kważi 40 siegħa fuq il-post. L-elementi tal-bronż ġew trasportati lejn fonderija f’Firenze. Minbarra l-intervent li sar fuq l-istatwi tal-bronż, sar ukoll xogħol fuq pump room ġdida u ikbar, li se jkollha sistema fejn l-ilma jiġi trattat. Barra minn hekk, sar restawr tal-konkos ta’ taħt it-tritoni u restawr tat-travertine (irħam) kif ukoll xogħol fuq is-sistema tad-dawl arkitettoniku u s-sistema tal-elettriku. Tneħħa wkoll il-pilastru tan-nofs, li kien intervent li sar fl-imgħoddi biex l-istatwi ma jkomplux iċedu, bit-tama li jiġi evitat il-proġett li qed isir illum. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0