Żewġ Diretturi mmultati talli baqgħu ma ħallsux eks-impjegat

  • Nov 14, 2017 18:00
  • Miktub minn iNews

    Omm u bint, li t-tnejn huma Diretturi ta’ kumpanija, kienu mmultati €1,000 kull wieħed wara li nstabu ħatja li naqsu milli jħallsu lill-eks impjegat tagħhom is-somma ta’ €3,252.84, li huwa kien intitolat għalihom tax-xogħol li kien għamel.

    Mary Rose Vella ta’ 69 sena u Charmaine Vella ta’ 40 sena, it-tnejn mill-Munxar, Għawdex, kienu akkużati li bħala Diretturi tal-kumpanija All Seasons Holidays Limited naqsu milli jħallsu l-imsemmi ammont lil Ian Scott Moyes għall-perjodu tal-25 ta’ Jannar sad-9 ta’ Ġunju 2016.

    Il-pagi u benefiċċji statutorji oħra, li jkopru l-imsemmi perjodu, ammontaw għal €8,035,91, li minnhom €3,252.84 baqgħu mhux imħallsa. Fil-fatt irriżulta li Moyes għad baqagħlu dan l-ammont għall-impjieg tiegħu mal-kumpanija, li kien ukoll sostnut minn kalkoli li saru mid-Dipartiment.

    L-imputata Charmaine Vella ikkonfermat ukoll li l-ammont għadu ma tħallasx lil Moyes u li ma kienx sejjer jitħallas qabel huwa jagħmel lilha apoloġija pubblika tal-ħsara li qalet li saret lilha u lill-familja tagħha. 

    Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, qalet li huwa ċar li mhux biss il-Prosekuzzjoni u l-parte ciile rnexxielhom jippruvaw il-każ tagħhom sal-grad rikjest mil-liġi fi proċeduri penali iżda li saħansitra l-istess imputata Charmaine Vella meta xehdet ikkonfermat li l-ammont indikat fl-akkuża kien korrett u li kien għadu dovut lil Moyes.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li l-pożizzjoni li ħadet Charmaine għan-nom tal-kumpanija, li hija ma kinitx se tħallas dan l-ammont qabel Moyes jagħmel apoloġija pubbika hi totalment legalment insostenibbli f’dawn il-proċeduri. 

    Qalet li “x’seta’ ġara bejn il-parte civile u l-imputati bħala Diretturi tal-kumpanija All Seasons Holidays Limited f’din il-kawża huwa għalkollox irrilevanti: la darba Moyes kien ħadem għall-kumpanija huwa kien intitolat li jirċievi l-paga dovuta lilu xejn iktar u xejn inqas. L-imputati kienu obbligati li jagħmlu tali ħlas.”

    Il-Qorti żiedet tirrimarka li dan ma kienx l-ewwel każ tal-imputati fejn ma ħallsux lill-ħaddiema tagħhom. “Il-Qorti fehmet id-diffikultajiet li seta’ kellhom l-imputati tant li tat ċans, għal darba, darbtejn, tlieta u aktar iżda s-sitwazzjoni baqgħet li tant persuni kienu qed jagħtu servizz lill-imputati fil-kwalità tagħhom ta’ diretturi tal-kumpanija u ma kinux qed jitħallsu. In-nuqqas tal-imputati jista’ jitqies bħala sfruttar tal-persuna li ma għandu qatt ikun aċċettat fis-soċjetà tagħna. Id-Dipartiment li jaslulu tant rapporti dwar nuqqas ta’ ħlasijiet lill-ħaddiema għandu jinforma lill-pubbliku b’dan biex min ikun se jmur jaħdem ma’ dawk li jkunu magħrufa li mhux iħallsu lill-ħaddiema jkunu jafu bil-problemi li jistgħu jaffaċċjaw.”

    Għaldaqstant fid-dawl tal-provi u wara li rat id-diversi sentenzi tagħha fix-xhur li għaddew fil-konfront tal-imputati, il-Qorti sabithom ħatja u kkundannathom multa ta’ €1,000 kull wieħed.

    Barra minn hekk, ordnat lil Mary Rose Vella u Charmaine Vella biex fi żmien tliet xhur iħallsu lil Ian Scott Moyes l-ammont ta’ €3,252.84 lilu dovuti. 

    Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook