L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma għażla intelliġenti

  • Nov 14, 2017 16:38
  • Miktub minn iNews

    Charlene Fenech, gradwata mill-MCAST, illum hi inġinier tal-ajruplani u impjegata ma’ Lufthansa Technik. Għadha kemm intgħażlet mill-Kummissjoni Ewropea bħala l-ambaxxatriċi Maltija għall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali tal-2017. Se ssir bejn it-Tnejn 20 u l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru bil-messaġġ ewlieni jkun "Skopri t-Talent Tiegħek". F’dan l-artiklu, Fenech turi li l-VET u l-apprendistati huma għażla intelliġenti, li twassal għal żieda fl-impjegabiltà u għal impjiegi ta' kwalità.

    Il-wasla tat-teknoloġiji diġitali fl-Era tal-Informazzjoni - perjodu importanti ħafna fl-istorja tal-bniedem - ittrasformat kompletament il-ħila tagħna li nirċievu u nipproċessaw l-informazzjoni fl-edukazzjoni u fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. Fl-aħħar għadd uffiċjali disponibbli li sar fl-2007, l-informazzjoni f'żewġ direzzjonijiet (two-way) qabżet 65 exabytes - jew 6 gazzetti għal kull persuna kuljum. Dak kien għaxar snin ilu. 

    Dawn l-innovazzjonijiet qed joffru aċċess enormi ta' għarfien għall-bnedmin li issa jistgħu jkomplu jsegwu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom skont it-talent rispettiv li jkollhom. Dan għaliex kull persuna – hi min hi – għandha talent u kapaċita’ għal xi xogħol li tista’ tagħmel bi qligħ u b’sodisfazzjon għaliha.

    Il-faċilità ta' aċċess għal forom ġodda ta' edukazzjoni u għarfien: programmi ta' tagħlim b'distanza (distance-learning), programmi ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol, korsijiet personalizzati, biex insemmu uħud, qed jinkoraġġixxu ġenerazzjoni ġdida ta' Maltin biex jiksbu b'mod kontinwu  kwalifiki, taħriġ professjonali, u ħiliet, li qabel ma kienux possibbli.

    Wieħed mill-aktar modi ta' sodisfazzjon kif jinkiseb għarfien u ħiliet ġodda hu permezz ta' tagħlim b’esperjenza, li jsir l-aktar permezz tal-edukazzjoni vokazzjonali. It-terminu "vokazzjonali" fil-fatt ifisser "relatat max-xogħol". Allura jekk wieħed ikun qed isegwi kwalifika vokazzjonali, dan ifisser li dik il-persuna tkun qed titgħallem ħiliet li jgħinuha tikseb u tagħmel xogħol. 

    Malta, u l-ekonomija tagħna, għandha bżonn essenzjali ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) biex l-ekonomija tkompli tikber u tiżviluppa. Dan għaliex il-VET, permezz ta’ istituzzjonijiet akkraditati bħalma huma l-MCAST u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), tipprovdi lin-nies b’ħiliet u għarfien prattiku f’diversi oqsma meħtieġa f’pajjiżna u lil hinn minnu.

    Is-suq tax-xogħol illum hu wieħed ta' bidla u żvilupp kontinwi.  Is-snin li matulhom persuna jkollha l-istess xogħol wieħed għal ħajjitha kollha kull ma jmur dejjem qed jonqsu. Il-ġenerazzjonijiet ta' ħaddiema li telgħin x'aktarx li se jkollhom aktar minn impjieg wieħed jew tnejn tul il-karriera tagħhom. 

    Nies li jidħlu fis-suq tax-xogħol illum jifhmu dan. Għalhekk, it-tagħlim tul il-ħajja diġà sar realtà għalihom. U għaliex le, ħafna drabi sar ukoll ambizzjoni: xewqa għal ħajja aħjar fejn il-persuna tiżviluppa l-kapaċità kollha tagħha. Huma jirrikonoxxu l-ħtieġa li, b’mod kontinwu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, kif ukoll jakkwistaw dak l-għarfien meħtieġ biex ikomplu javvanzaw fil-karriera vokazzjonali tagħhom.

    Filwaqt li s-sistema ekonomika kollha tista' tibbenefika minn forza tax-xogħol imħarrġa permezz tal-VET, forsi s-settur tan-negozju li hu l-aktar fil-bżonn ta’ dawn il-ħiliet hu dak tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Dawn jiffurmaw 97% tal-kumpaniji f’Malta, jikkontribwixxu 25% tal-prodott gross domestiku (PGD), u jimpjegaw 34% tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna. 

    Filwaqt li llum hemm qbil b'mod wiesa' li l-SMEs huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, l-SMEs f’Malta ħafna drabi jiffaċċjaw ostakli partikulari biex jiżviluppaw ir-riżorsi umani tagħhom. 

    F'dan il-kuntest, l-SMEs Maltin li qed jaraw s-sinjali taż-żmien, qed jifhmu dejjem aktar il-ħtieġa li jinvestu f'opportunitajiet ta' taħriġ għall-istaff tagħhom permezz tal-VET. Uħud minnhom qed joffru ukoll opportunitajiet għall-istudenti biex jagħmlu apprendistati fi ħdan l-impriża tagħhom, u b'hekk jattiraw u jiżviluppaw talent ġdid.

    Madankollu, għall-SMEs u min iħaddem, il-VET jipprovdi benefiċċji oħra, u jagħti lill-SMEs kif ukoll lill-kumpaniji l-kbar vantaġġ kompetittiv fis-suq. Ewlenin fosthom hemm produttività ogħla u aktar innovazzjoni, żieda fis-sodisfazzjon tal-klijent, u li l-impjegati li jibqgħu mal-kumpanija għal aktar snin.

    Taħriġ vokazzjonali hu idea tajba ukoll għall-impjegati. Fost il-benefiċċji immedjati tal-VET hemm li l-ħaddiema jkollhom opportunitajiet aħjar għall-impjieg, livelli ogħla ta' ħlas, u aktar sodisfazzjon fix-xogħol li jagħmlu. Dan jgħodd għal kull min jikkwalifika f’xi wieħed mit-tlett livelli li joffri l-VET: jiġifieri dak bażiku, tekniku jew terzjarju.

    Barra minn hekk, l-akkwist ta' ħiliet addizzjonali hu ħaġa pożittiva fejn jidħlu opportunitajiet fil-karriera. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jtemmu il-VET f’kull livell, minn dak bażiku sa dak terzjarju, isibu impjieg, u dan hu parti mis-suċċess u s-sodisfazzjoni tal-individwu.  Dawk li, imbagħad, għandhom kwalifiċi vokazzjonali ogħla ġeneralment huma aktar mfittxija. Ovvjament, għal dawn hemm firxa usa' ta' għażliet, li jqegħduhom f'qagħda tassew vantaġġuża.

    Fi sforz biex jippromwovu aktar il-benefiċċji tal-VET fl-Istati Membri kollha tal-UE u wara s-suċċess tal-ewwel Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali, it-tieni edizzjoni se ssir mill-20 sal-24 ta’ 'Novembru 2017. 

    Din hi inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea mmirata speċifikament biex ikun hawn aktar għarfien dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali għal ħiliet ta' kwalità u impjiegi aktar attraenti.  F’Malta, l-MCAST qed iħejji diversi avvenimenti għal dik il-ġimgħa.

    Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-websajt uffiċjali tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali. Il-mezzi tax-xandir soċjali qed jintużaw ukoll, bil-konversazzjonijiet fuq Twitter: #EUVocationalSkills #DiscoverYourTalent  u  @VETAmb_MT. Dawk li uzaw il-Facebook jistgħu jżuru l- Facebook Event Page: Second European Vocational Skills Weekand Facebook Malta Event Page: /VET.Amb.mt

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook