Raġel minn Pembroke pprojbit milli jidħol fil-grawnds sportivi kollha … Ġibed ritratt ta’ ġurnalist sportiv ftit jiem wara li kien aggredih

  • Nov 14, 2017 14:51
  • Miktub minn iNews
"

    Raġel li nqabad jieħu ritratt ta’ ġurnalist sportiv waqt li dan kien qed jagħmel xogħlu jirrapporta logħba futbol, ftit jiem biss wara li allegatament kien aggredih, ġie pprojbit mill-Qorti milli jidħol fil-postijiet jew grawnds sportivi kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. 

    Francis Muscat ta’ 45 sena minn Pembroke qed ikun akkużat li nhar it-23 ta’ Settembru li għadda fil-viċinanzi ta’ Luxol Grounds, volontarjament ikkaġuna feriti ta’ natura gravi fuq Antvin Monseigneur. Akkużi oħra jinkludu li kkaġunalu biża’ li se tintuża vjolenza kontrieh, li tah fastidju, li weġġgħu bil-kliem u li sar reċediv.

    Meta nhar l-Erbgħa li għadda ssejħet il-kawża, l-Uffiċjal Prosekutur l-Ispettur Nikolai Sant qal li Monseigneur infurmah li nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru fil-Victor Tedesco Ground, il-Ħamrun, l-imputat ħa ritratt tiegħu waqt li kien jagħmel xogħlu fil-kaxxa u jirrapporta logħba futbol li kienet qed isseħħ dak il-ħin.

    Għaldaqstant, l-Ispettur Sant talab lill-Qorti biex ikun hemm il-protezzjonijiet kollha skont il-liġi li jidhrilha xierqa fil-konfront tal-parte civile. 

    Id-Difiża, mingħajr preġudizzju dwar il-mertu tal-każ kif ukoll mingħajr preġudizzju għall-allegat inċident li kien għadu kif issemma mill-Uffiċċjal Prosekutur, rigward liema inċident l-imputat qed jiċħad li b’xi mod kiser il-liġi, iddikjarat li ma kellha l-ebda diffikulta li jkun hemm ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-parte civile pendenti l-proċeduri. Madankollu, irrilevat li ma hemm l-ebda lok bir-rispett li l-imputat jitpoġġa taħt kundizzjonijiet tal-bail minħabba li huwa dejjem deher għas-smigħ tal-proċeduri mingħajr l-ebda problemi.

    Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, qalet li filwaqt li l-imputat huwa innoċenti sakemm jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, tħoss li ma tistax ma tagħtix widen u piż għal dak li rrapporta l-Uffiċjal Prosekutur aktar qabel. 

    “Il-Qorti tħoss li għandha tipproteġi mhux biss lill-ġurnalist kwerelant imma l-ġurnalisti kollha li b’xi mod iwettqu ħidma f’pajjiżna. Jekk il-Qrati tagħna ma jagħtux din il-protezzjoni lill-ġurnalisti li huma wieħed mill-pilastri ewlenin tad-demokrazija f’pajjiżna, inutli wara li jinqatel xi ħadd noqogħdu nagħmlu jiem ta’ luttu u nniżżlu l-bnadar mezz’asti. Il-protezzjoni lill-ġurnalisti trid tingħata immedjatament meta jqum il-każ u mhux qabel ikun tard wisq.”

    Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet it-talba li toħroġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Antvin Monseigneur taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li tipprojbixxi lill-imputat milli b’xi mod javviċinah, isegwi l-movimenti tiegħu jew jimmolestah. Barra minn hekk, ipprojbietu wkoll milli jidħol f’impjanti, grounds sportivi kollha f’Malta u f’Għawdex.

    Din l-ordni ta’ protezzjoni tibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ sena. F’każ li l-imputat, mingħajr raġuni valida, jikser xi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta fuqu jista’ jinstab ħati u jeħel multa ta’ €2,329 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn sitt xhur, jew it-tnejn li huma. 

    Il-kawża ġiet differita għat-3 ta’ Jannar 2018 fid-9.00 a.m.

    Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Nikolai Sant filwaqt li l-imputat għandu tassistih lill-Avukat Kathleen Grima. L-Avukat Vince Micallef deher għall-parte civile li kien preżenti fl-awla. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0