Il-PM ostaġġ ta’ sistema li ħakmitu - Muscat

  • Mar 04, 2013 21:09
  • Miktub minn Owen Galea

    Waqt li sostna li l-Prim Ministru jinsab ostaġġ ta’ sistema li ħakmitu, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li huwa l-Partit Laburista li jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jaqbeż għall-interessi tal-Maltin u Għawdxin.

    Meta kien qiegħed jieħu sehem għat-tieni darba f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Awtorità tax-Xandir, Muscat qal li l-Prim Ministru safa ostaġġ ta’ sistema li ħakmitu u għalhekk mhux f’pożizzjoni li jirrappreżenta l-interessi tal-familji Maltin u Għawdxin. Qal ukoll li Gonzi ma jistax jifhem l-uġigħ li għandhom il-familji kawża tad-deċiżjonijiet żbaljati li ħa.

    Huwa sostna li din l-elezzjoni ġenerali hija okkażjoni storika għax ħafna Nazzjonalisti wkoll qed jirrealizzaw li l-għażla mhix bejn l-aħmar u l-blu, iżda li niskartaw din it-tip ta’ politika u mmorru għal xi ħaġa totalment ġdida.

    Muscat sostna wkoll li hu ma ddejjaqx jgħid fejn sar tajjeb minn dan il-Gvern u saħansitra qal li ħadem miegħu bħalma sar fuq il-liġi tal-kera. Madankollu sostna li dan il-Gvern naqas fuq ħafna afffarijiet, bl-ikbar żball ikun iż-żieda ta’ €500 fil-ġimgħa. Dan fl-istess waqt li impona fuq il-familji l-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma. Muscat qal li dan il-Gvern għamel żball enormi wkoll meta mar għall-power station li taħdem bil-HFO meta kellu tliet okkażjonijiet biex imur għall-gass.

    Mhux se nidħqu bil-kaċċaturi

    B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-ftehim bejn il-Partit Laburista u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK),, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat saħaq li l-pożizzjoni tal-PL fil-konfront tal-kaċċaturi u n-nassaba hija ċara u li ma tidħaq b’ħadd.

    Waqt li elenka l-konklużjonijiet tal-ftehim, Muscat sostna li se jkun hemm kaċċaturi li ma jieħdux pjaċir b’dak li qed jipproponu għax l-isforz kien li jsir rinegozjar tal-pakkett. Qal li dan ma kienx possibbli għax mhux poltikament fattibbli u għax mgħandux isir. “Li qed ngħidu hu li l-kaċċaturi Maltin għandhom jiġu trattati bħal barranin, la aħjar u lanqas agħar,” qal Muscat.

    Argument fallaċi

    Mistqosi jekk wara l-elezzjoni, Gvern ġdid hux se jirridimensjona l-pjan elettorali tiegħu minħabba ħofra finanzjarja li jista’ jsib, Muscat wieġeb li l-projections tal-PL fosthom dawk ta’ tkabbir ekonomiku ma sarux fuq workings interni, iżda fuq il-projections tal-IMF u KE. Semma kif dak propost mill-PN ma jaqbilx ma’ dak li qed tgħid il-KE u se nispiċċaw bi Gvern (kemm-il darba l-PN jerġa' jitla' fil-Gvern), li jew jerga’ ma jwettaqx l-affarijiet li jwiegħed, jew li jifqa’ l-kaxxa ta’ Malta jew li jdaħħal taxxi ġodda.

    Huwa fisser bħala argument fallaċi d-diskors tal-PM li l-KE mhux qed tbassar tkabbir ekonomiku ikbar għax ma tafx x’fih il-baġit. Qal li dan joħrog ukoll mill-istimi li ressaq il-Bank Ċentrali ta’ Malta.

    Sostna li l-problema tal-PM hija li ma jafx kif se jaqbad jiġġustikfa l-figuri li ppreżenta ta’ tkabbir ekonomiku.

    Tlifna ħafna żmien fil-qasam tal-enerġija

    Muscat semma wkoll il-pjan tal-enerġija tal-PL li permezz tiegħu qal li se jkunu qed jitfgħu fl-ekonomija mas-€77 miljun fis-sena waqt li se nkunu qed neqilbu għall-gass.

    Qal li min-naħa tal-PN smajna biss li se jorħsu l-kontijiet bil-lejl u ma nafux b’kemm, waqt li se jogħlew bin-nhar.

    Muscat qal li l-PL jista’ jkun negattiv kif qed ikun il-PN dwar il-proposta tal-enerġija tal-PL. “Kieku rridu nkunu negattivi ngħidu li waqt li l-PN irid joqgħod fuq pipeline tal-gass, bħalissa hemm kwistjoni fejn l-ENI għalqet il-pipeline li għandha bejn il-Libja u Gela fi Sqallija. Nistgħu ngħidu wkoll li jekk vapur jolqot l-interconnector nispiċċaw bla dawl hawn Malta. Iżda dik mhix politika serja,” saħaq il-Mexxej Laburista.

    Qal li l-fatt hu li pajjiżna tilef ħafna żmien għax kien hemm ħafna affarijiet xi jsiru u ma sarux.

    Il-PM baqa’ ma aġixxix

    Mistoqsi dwar kif se jiggarantixxi li ma jkunx hawn korruzzjoni, Muscat qal m’għandu ebda diffikultà li kemm-il darba jkun hemm informazzjoni ġdida jinvestigaw kull każ anke dawk li jmorru lura għas-snin tmenin.

    Huwa rrefera għal allegazzjonijiet serji li għamel l-eks-President tal-PN Frank Portelli dwar l-Enemalta u l-Isptar Mater Dei u sostna li baqa’ ma sar xejn għax mhemmx liġi tal-Whistle Blower. Fl-istess waqt qal li l-PM naqas milli jaġixxi meta kellu kull opportunità li jagħmel dan.

    Dwar l-abbozz tal-liġi li tressaq fil-Parlament, Muscat qal li dan kien fih żewġ żbalji strateġiċi għax jgħodd biss minn meta jidħol fis-seħħ u ma jinċentivax lil min hu involut fil-każ biex jikxef informazzjoni.

    Dwar it-tneħħija tal-preskrizzjoni, huwa saħaq li permezz ta' din il-miżura ebda politiku ma jista’ jserraħ rasu li wara għaxar snin ma jista’ jsir xejn fil-konfront tiegħu. Dan għax se jibqa’ soġġett għall-iskrutinju.

    Qal li ħames snin ilu l-Gvern wiegħed dawn l-affarijiet u ma wettaqhomx, u issa lanqas biss wegħedhom. Huwa qal li l-PL qed jintrabat li dawn il-liġijiet jidħlu fis-seħħ sal-btajjel tas-sajf.

    Matul din l-intervista Muscat wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar l-edukazzjoni fejn qal li l-proposta tal-istipendju għal dawk li ma jgħaddux minn eżami tgħodd ukoll għal sixth forms privati.

    Dwar l-għeluq tat-Tarzna Muscat qal li t-tweġiba tal-PM fid-dibattitu tat-Times ikkonfermat li dan il-Gvern għalaq it-Tarzna u mhux privatizzaha. Fl-istess waqt ikkritika l-mod kif saret din il-privatizzazzjoni. “Ma tistax tmaqdar dak li se tbiegħ,” saħaq Muscat waqt sostna li l-Gvern ma ġabx prezzha. Semma l-ittri li ntbagħtu lill-ħaddiema tat-tarzna mill-PM qabel l-elezzjoni jiggarantixxu x-xogħol meta kien hemm il-problemi u l-kuntratt tal-Fairmount li ta d-daqqa tal-mewt lit-tarzna.

    Rigward btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, Muscat tenna li dawn ma jistgħux jingħataw lura bħalissa għax l-ekonomija ma tiflaħx għal dan. Qal li dan japplika wkoll għal inġustizzji oħrajn bħal fil-qasam tal-pensjonijiet.

    “Ix-xewqa tiegħi hi li ngħidilhom iva, iżda ma nistax għax il-pajjiż ma jiflaħhiex. Li nista’ nagħmel hu li nibdew it-triq," qal Dr Muscat waqt li semma kif il-PM qed imur lura minn kelmtu dwar il-pensjonijiet tas-servizzi. Qal li Gvern ġdid se jkompli triq fuq il-pensjoni tas-servizzi u se jkun qed jibda jindirizza anomaliji oħrajn.

    “Dak li ma sarx f’40 sena ma nistax niġi hawn quddiemkom u ngħid li se nagħmlu f’ħames snin. Jien jekk ningħata l-fiduċja rrid li meta niġi hawnhekk ngħid li dak li pproponejt wettaqtu sal-aħħar u mhux niġi hawn nivvinta l-iskużi għala ma wettaqtux,” saħaq il-Mexxej Laburista.

    Ġralu bħall-Prim Ministru

    Mistqosi mill-ġurnalist tal-PN dwar ir-reklamazzjoni tal-art u għaliex skont hu din ma daħlitx fil-manifest elettorali tal-PL, Muscat waqqa’ l-argument kollu meta wieġeb li din tinsab f’paġna 107 tal-Manifest Elettorali tal-PL. “Naħseb hemm problema bażika għax ġralek bħal Prim Ministru li tajtu daqqa t’għajn il-Manifest għax din qiegħda miktuba, speċifikata bħala parti mill-proġett tagħna,” wieġeb Muscat. Qal li dan hu proġett li permezz tiegħu jistgħu jinħolqu ħafna postijiet tax-xogħol u huwa ambjentalment vijabbli.

    Għal kuntrarju ta’ dak allegat fil-mistoqsija, Muscat qal li tkellmu ma’ diversi persuni fil-miftuħ u mhux fil-magħluq. “Dan hu proġett li jista’ jsir għax mhux bini imma espansjoni ta’ art,” qal Muscat waqt li ġab diversi eżempji ta’ fejn kellna reklamazzjoni ta’ art bħalma kien il-Freeport u l-power station.

    Politika li tgħaqqad

    Joseph Muscat saħaq li hemm bżonn bidla fid-direzzjoni biex ikollna politika pożittiva li ma tħarsix lejn il-persuni skont il-kulur ta’ wiċċhoom, għax ħadd ma jħarses lejn qrabatu b’xi kulur f’wiċċu. “Aħna ma rriduhiex dik it-tip ta’ politika, iżda politika li tgħaqqad,” qal Muscat.

    Qal li waqt li l-PL qed jippreżenta pjan konkret bbażat fuq 20 prijorità, fuq in-naħa l-oħra hemm sensiela ta’ wegħdiet li saru ta’ malajr u li se jwasslu għal ‘more of the same’.

    Qal li d-dikjarazzjoni tal-Prim Minsitru li sema’ u li se jagħti wiċċ aktar uman lill-Gvern tiegħu, huma l-istess kliem li qal ħames snin ilu u ma wettaqhomx. “Din id-darba qed jgħid l-istess u jekk jingħata l-fiduċja jerġa’ ma jwettaqx, waqt li aħna qed inwiegħdu bidla totali fejn dak li qed nipproponu, kapaċi nwettquh,” qal il-Mexxej Laburista.

    Huwa appella lin-nies biex iħarsu lejn it-track recored ta’ dan il-Gvern fejn qal li llum qiegħed iwiegħed l-istess affarijiet li wegħdu ħames snin ilu u għalhekk appella biex is-Sibt li ġej il-poplu jingħaad għall-bidla u biex il-poplu jivvota għall-kandidati kollha tal-PL.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1