Aġġornat: Sinjal b’saħħtu li Għawdex lest jingħaqad għall-bidla

  • Mar 04, 2013 17:32
  • Miktub minn
"

    Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat fisser il-mass meeting tal-lejla, f’Għawdex, bħala sinjal b’saħħtu li Għawdex huwa lest jingħaqad għall-bidla. “Is-sinjal huwa li l-Għawdxin mhux se jkunu spettaturi imma se jkunu protagonisti,” qal Joseph Muscat li fakkar kif l-ewwel mass meeting tal-Partit Laburista f’din il-kampanja elettorali ukoll sar Għawdex.

    Joseph Muscat qal li meta l-Maltin u l-Għawdxin se jkunu qegħdin jirriflettu dwar id-deċiżjoni ta’ nhar is-Sibt, iridu jaraw min se jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jiddefendi l-interessi tal-familji.

    “Jiena ngħid b’wiċċi minn quddiem li huwa dan il-moviment li lest jiddefendi lill-familji u mhux xi interess ta’ xi klikka,” sostna Joseph Muscat.

    Muscat żied li meta l-Partit Nazzjonalista jgħid li mhemmx bżonn bidla fid-direzzjoni juri li hu maqtugħ mill-poplu. “Ħaddieħor tilef il-kuntatt mar-realtà,” sostna Joseph Muscat li talab lill-familji biex iħarsu lejn il-but tagħhom u jaraw humiex qegħdin jgħixu aħjar.

    Muscat qal li d-diskors li jekk il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun elett jagħti iktar każ tan-nies huwa diskors li diġa’ smajnieh. “Qalulna dan ħames snin ilu… ingħata ċans ieħor mill-poplu u reġa’ ma wettaqx dak li wiegħed. Għalhekk għandna bżonn bidla fid-direzzjoni,” sostna Muscat.

    Muscat saħaq li l-Partit Laburista għamel wegħdi li jaf li jista’ jwettaq. “Ħalli mhux niġu ħames snin oħra bl-iskużi għal dak li ma wettaqniex,” sostna Muscat.

    Matul id-diskors tiegħu Muscat għamel referenza dettaljata għall-proposti tal-Partit Laburista għal Għawdex, ibbażati fuq l-għajta ta’ xogħol f’Għawdex għal Għawdxin. Proposti oħra li ssemmew imissu mal-qasam soċjali bħal ħtieġa ta’ dar tal-anzjani f’Għawdex u l-kura għall-pazjenti morda bil-kanċer fl-isptar ta’ Għawdex.

    Intant, intlaqgħet b’entużjażmu l-aħbar li l-Partit Laburista u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti waslu fi ftehim wara sentejn ta’ laqgħat tekniċi. Muscat għamilha ċara li kollox irid isir fir-regoli tal-Unjoni Ewropea.

    “Qegħdin ngħidu li aħna membri tal-Unjoni Ewropea u dawk ma jistgħux jintmissu. Il-pakkett ma jistax jerġa’ jinfetaħ.

    “Iżda, fir-regolamenti Ewropej hemm affarijiet li jaraw li kaċċatur Malti jkun stmat bħal kaċċaturi f’pajjiżi oħra… Ħbieb tiegħi se nkunu qegħdin viġilanti ħafna fuq l-infurzar. Ħadd m’hu se jsib ħajt ta’ kenn jekk jagħmel illegalitajiet. L-illegalitá mhux se tkun protetta,” saħaq Muscat.

    Joseph Muscat spjega kif f’Għawdex il-Partit Laburista qiegħed jippreżenta tim maqgħud ta’ kandidati. Hawn sellem lil Joe Cordina, li rtira l-kandidatura tiegħu fl-aħħar jiem. Filwaqt li l-folla nfexxet f’ċapċipa ta’ appoġġ għal Cordina, Muscat żied: “U ż-żejt diġa’ beda tiela f’wiċċ l-ilma.” Intant, Joseph Muscat sellem ukoll lill-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Anġlu Farrugia. Muscat qal li huwa konvint li qatt daqs illum il-Partit Laburista ma kien qiegħed jippreżenta tim daqshekk b’saħħtu ta’ kandidati.

    Muscat temm id-diskors tiegħu billi appella lil kulħadd biex jikkontribwixxi għall-bidla. “L-ebda survey ma jgħodd, imqar daqs vot wieħed. Nhar is-Sibt li ġej jgħodd. Ikkonvinċu iktar nies. Morru ivvotaw kmieni kemm jista’ jkun,” sostna l-Mexxej Laburista.

    Fil-pjazza tax-Xagħra Għawdex bdew jinġabru l-Għawdxin bil-għan li jassistu għad-diskors tal-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat. Bħal ma għamilna f’kull mass meeting sa issa, taż-żewġ partiti, inewsmalta.com ikun qiegħed jaġġorna regolarment.

    Ritratt: Ray Attard

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    14