Muscat iħeġġeġ lil Għawdxin biex jibagħtu messaġġ ta' bidla

  • Mar 02, 2013 19:15
  • Miktub minn Cory Formosa

    Waqt laqgħa politika taħt it-tinda fil-Belt Victoria, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat ddeskriva dan il-mument li għaddej minnu l-pajjiż bħala storiku u tenna li trid issir ħidma bla heda biex l-Għawdxin jibagħtu sinjal b'saħħtu għall-bida fid-direzzjoni daqs il-Maltin. Dan biex juru li Għawdex mhu tal-ebda partit politiku.

    Il-Mexxej Laburista qal li f'dawn l-aħħar jiem li għad fadal sakemm il-poplu jagħmel id-deċiżjoni tiegħu, il-Moviment Laburista, filwaqt li se jkompli jaħdem bla heda, se jibqa' għaddej b'kampanja pożittiva, għal kuntrarju ta' ħaddieħor li qed jagħmel kampanja tal-assassinju tal-karattru.

    Meta kien qed jindirizza folla numeruża li nġabret fil-parkeġġ ewlieni tal-Belt Kapitali Għawdxija, Joseph Muscat qal li l-bidla fid-direzzjoni tfisser li Malta tkun immexxija minn Gvern li ma jħarisx lejn in-nies bil-kulur ta' wiċċhom.

    “Aħna irridu li l-poplu jkun jgħix f'pajjiż fejn timxi 'l quddiem mhux lil min taf… iżda kemm taf. Għandna għażla quddiema. Jew aktar minn tas-soltu, jew inkella immorru għal stil totalment ġdid ta' politika. Nemmen li fl-aħħar jiem komplew joħorġu d-differenzi u l-poplu se jagħmel l-għażla tiegħu fuq dawn id-differenzi” kompla jgħid Joseph Muscat.

    Qal li ħaddieħor qed jitkellem fuq x-xogħol iżda ma jgħidx li fl-aħħar 11-il xahar ġiet irreġistrata żieda fil-qgħad. “Il-Prim Ministru għadu mhux qed jirrealizza l-gravità tal-problema tal-qgħad… u biex tibda ssolvi l-problema trid tirrikonoxxi li hemm problema,” qal Joseph Muscat.

    “Il-Prim Ministru qal li qgħad fost iż-żgħażagħ f'Malta huwa rrelevanti għal fejn dak ta' pajjiżi oħrajn huwa. Hawn 'l fuq minn 4,000 żagħżugħ ifittxu x-xogħol, fosthom dawk li gradwaw. Dawn iż-żgħażagħ mhumiex irrelevanti għalina,” qal Joseph Muscat

    Il-Mexxej Laburista qal li kull Gvern għamel it-tajjeb tiegħu. Qal li l-Partit Laburista żgur mhux se jgħid li għamel kollox tajjeb u ħaddieħor għamel kollox ħażin.

    “Iż-żgħażagħ iridu politika ta' onestà,” qal Joseph Muscat, filwaqt li tenna li “aħna rridu nirranġaw l-affarijiet fejn sejrin ħażin. Saru affarijiet tajbin il-qasam tax-xogħol, fosthom fis-servizzi finanzjarji. Però wieħed ma jridx jinsa l-għadd kbir ta' fabbriki li ġew f'pajjiżna fi żmien Gvern Laburista. Ftit ilu mort fil-kumpanija Actavis, li ġiet fi żmien Gvern Laburista u kompliet tikber taħt Gvernijiet Nazzjonalisti u irriduha tkompli tikber taħt Gvern Ġdid. Għalhekk importanti li l-qasam tax-xogħol ma jispiċċax f'ballun politiku.”

    Qal li għal darb'oħra, dan il-Gvern qiegħed jipprova jqarraq bin-nies. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista qiegħed ikun sinċier man-nies, fost l-oħrajn għaliex mhux qiegħed jagħmel il-politika tal-irkanti.

    Joseph Muscat tkellem dwar il-proposta fattibbli dwar l-enerġija tal-Partit Laburista li se twassal għal roħs fit-tariffi tad-dawl u tal-ilma. “L-aktar proposta li qajmet diskussjoni fil-bidu ta' din il-kampanja kienet dik tar-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Ejja ma ninsewx li tlaqna minn punt fejn il-Gvern kien dejjem jgħid li ma jista' jsir xejn biex il-kontijiet jorħsu. Dejjem kienu jistaqsu kif, b'kemm u meta. Iżda l-Partit Laburista ħareġ bl-aktar proposta, dettaljata u studjata li qatt saret minn partit politiku f'pajjiżna. Fil-verità l-proposta tal-Partit Laburista hija l-unika soluzzjoni li l-poplu għandu fuq l-enerġija” qal Joseph Muscat.

    Irrefera għar-rapport li nħareġ mill-aġenzija tal-kreditu Standard & Poor's fejn qalet li l-'cable' tal-elettriku minn Sqallija għal Malta se jkun lest fl-2015. Dan fl-istess waqt li l-Prim Ministru qed jgħid li dan se jkun lest fl-2014. Tenna li fid-dawl ta' dan kollu, l-Gvern għandu joħroġ kjarifika biex jgħid lill-poplu f'liema sena se jkun lest il-'cable' tad-dawl minn Sqallija għal Malta.

    Qal li dan ir-rapport ta' Standard & Poor's juri li l-Gvern ma għandu l-ebda pjan dwar l-enerġija. Qal li din is-sitwazzjoni se twassal biex il-konsumatur ikompli jmur għall-agħar.
    Qal li bil-pjan tal-Partit Laburista dwar l-enerġija, se jmorru tajjeb kemm il-familji, u anke n-negozji, u għalhekk l-ekonomija tibda tikber. Muscat qal li l-għaqal f'din il-proposta huwa li mhux se jiddaħħlu l-ebda taxxi ġodda.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0