FILMAT: Said jibda l-kampanja b’antagoniżmu lejn Delia

  • Lul 17, 2017 21:15
  • Miktub minn iNews

    Fl-ewwel impenn uffiċjali tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said meta nieda l-kampanja tiegħu għat-tellieqa tat-tmexxija tal-Partit Nazjonalista, ħareġ ċar l-antagoniżmu li dan għandu lejn l-Avukat Adrian Delia, li wkoll se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ Kap Nazjonalista minkejja li qatt qabel ma kien involut fil-partit. 

    Waqt l-ewwel laqgħa li Said kellu mal-ġurnalisti wara li kien għadu kemm tefa’ n-nomina tiegħu, spikkaw aktar minn kull ħaġa oħra l-botti li dan għadda ripetutament lejn Delia minkejja li fl-ebda ħin ma semmih.

    Fid-diskors tiegħu, Said irrimarka li huwa, “ma bediex ilbieraħ fil-politika” u li dan il-fatt iqisu bħala vantaġġ kbir għax jaf lil PN b’għajnejh magħluqa u jaf x’inhuma l-punti pożittivi tal-PN, li se jkun qed iżommhom, kif ukoll id-difetti, li fi kliemu se jkun qed jindirizzahom mill-ewwel.

    Filwaqt li ddikjara li fis-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista bħalissa m’hemmx ħin għal honeymoon period u għal learning curve, id-Deputat Nazzjonalista qal li min se jkun elett Kap ġdid tal-PN irid ixammar il-kmiem u jibda jimplimenta. 

    Said qal li m’għandux bżonn imur quddiem il-PN b’manwal ta’ kif taħdem il-politika għax “ilu nvolut fil-politika għal snin twal”. Qal ukoll li quddiem Partit Laburista li fl-aħħar snin issaħħaħ u li jidher li se jkollu mexxejja meqjusin bħala “fighters”, il-PN jeħtieġlu mexxej b’esperjenza, li jwettaq u b’viżjoni. 

    Said qal li jaħseb li għandu dawn il-kwalitajiet u fl-istess waqt għandu l-appoġġ ta’ numru ta’ Membri Parlamentari, Sindki u Kunsilliera li bħalu jaħsbu li f’dan il-mument, il-PN jeħtieġlu esperjenza u tmexxija b’saħħitha. 

    “Pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha, li tkun lesta li tkun Gvern alternattiv. Miegħi n-nies jafu fejn qegħdin. Jafu li meta nidħol għal biċċa xogħol nagħmilha.” 

    Said semma kif sal-eventwali elezzjoni ta’ Kap tal-PN, huwa se jkun qed jiltaqa’ mal-membri tal-Kunsill Ġenerali u t-tesserati tal-PN biex magħhom jiddiskuti l-viżjoni li għandu għall-Partit. 

    Huwa qal li kien hemm persuna li staqsietu jekk kienx ikkunsidra r-riskju personali politiku tiegħu meta ħabbar li se jkun qed jikkontesta għal din il-kariga. 

    Said qal li r-risposta tiegħu kienet li, “mhux qed nidħol għal din l-elezzjoni għax irrid xi avventura ġdida f’ħajti. Pero ħadt dan il-pass għax nemmen li l-esperjenza twila tiegħi fil-politika tista’ tagħmilni kapaċi biex flimkien ma’ kull min hu ta’ rieda tajba u ġenwin inkun f’pożizzjoni li nsaħħu lil PN u b’hekk jerġa’ jsir il-partit tal-maġġoranza.” 

    Huwa qal li bħala Kap tal-PN, mhux se jkun magħluq fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali iżda se jmur f’kull lokalita f’pajjiżna. F’dan ir-rigward, huwa ħabbar li bħala Kap tal-inqas darba fil-ġimgħa, mhux se jkun qed jaħdem fl-Uffiċju tal-Kap tal-PN fid-Dar Ċentrali iżda se jkun qed jaħdem minn każin tal-Partit.

    “Dan se nkun qed nagħmlu biex inkun qrib tan-nies fil-lokalitajiet fejn jgħixu. Barra minn hekk f’dik il-ġurnata jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-għaqdiet kollha f’dawn il-lokalitajiet.” 

    Id-Deputat Għawdxi saħaq ukoll li se jkun impenjat li jiltaqa’ ma’ 1,000 tesserat fix-xahar, fuq perjodu ta’ ħames laqgħat, biex mingħandhom jisma dwar x’għandhom xi jgħidu fuq il-Partit u fuq il-pajjiż. Qal ukoll li jixtieq li l-każini jerġgħu jsiru post fejn fihom “niddiskutu l-politika”. 

    Huwa tenna l-każini tal-PN, bih bħala Kap, “se jkunu għodda importanti biex nerġgħu nirxuxtaw il-kunċett ta’ street leaders adattat għaż-żminijiet tal-lum. Se nara li l-każini jkunu spazju fejn iservu bħala social clubs u jkollhom użu kummerċjali biex jagħtu return finanzjarju lill-Partit biex ikomplu jindirizzaw l-isfida finanzjarja li għandu l-Partit.” 

    Huwa kompla jgħid li l-lokalità ta’ Ħal Safi tirrapreżenta żona fejn matul is-snin, il-PN tilef ħafna mill-appoġġ li kellu. Qal li fl-opinjoni tiegħu, l-PN naqas milli jinvestiga fid-dettall x’inhi din ir-raġuni.

    “Għalhekk, proposta oħra se tkun dik li ftit ġranet wara li nkun Kap tal-PN, se nikkumissjona studju minn nies esperti biex janalizzaw il-bidliet fis-soċjetà, il-bidliet demografiċi u x-xejriet soċjali li għandna f’Malta u f’Għawdex. B’hekk ikollna studju li juri għaliex il-PN m’għadux protagonist fil-bidliet soċjali li qed iseħħu,” spjega Said. 

    Id-Deputat Għawdxi qal li Ħal Safi u lokalitajiet oħra se jkunu fil-mira tiegħu biex jiksbu l-maġġoranza. Fi kliemu stess, dan se jkun sinjal li l-PN qed jissaħħaħ b’mod nazzjonali. 

    Huwa qal ukoll li se jara li jfassal strateġija għall-ħaddiema fiż-żoni industrijali billi jiltaqa’ magħhom regolarment. Qal li se jkun qed jaħtar persuni li jservu ta’ kuntatt bejn il-Partit u dawn il-ħaddiema.

    Said żied jgħid li l-PN ma jgħaddix mingħajr il-ħidma tal-Kumitati Sezzjonali. Qal li l-persuna responsabbli mill-Kumitati Sezzjonali huwa l-Assistent Segretarju Ġenerali u li miegħu se jara li jkun hemm tim ieħor ta’ nies biex dawn il-Kumitati jingħataw l-importanza li jixraqilhom. 

    Said temm iħabbar ukoll li se jkun qiegħed jiltaqa' mal-ġurnalisti fil-kmamar tal-aħbarijiet tagħhom biex jistaqsuh li jridu dwar il-viżjoni tiegħu għall-PN u għal Malta.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0