Malta favur "Unjoni Ewropea’ b’veloċitajiet differenti"

  • Mar 20, 2017 19:55
  • Miktub minn iNews

    Quddiem il-white paper li kienet ġiet ippreżentata dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea fejn kienu ġew ippreżentati ħames toroq, sar magħruf li Malta hi favur it-triq li jkun hemm Unjoni Ewropea b’veloċitajiet differenti. Il-Prim Ministru, Joseph Muscat qal dan waqt li kien qed iwieġeb domanda tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil wara stqarrija ministerjali li l-istess Prim Ministru għamel fil-Parlament.  Il-Prim Ministru qal li "l-aktar triq li nara vijabbli hi ta’ Unjoni Ewropea b’veloċitajiet differenti. Għax din hi xi ħaġa li qed isseħħ. Illum għandna iż-żona ewro u żona Schengen. L-aktar reżistenza li hemm hi minn naħa ta pajjiżi tal-lvant għal din it-triq".

    Fl-istqarrija tiegħu l-Prim Ministru qal  li "xtaqt qabel nibda bil-formalita’ ta’ dak li seħħ fil-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta’ Marzu nikkummenta dwar l-aħbar li l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May infurmat lill-President tal-Kunsill tal-Ewropea Donald Tusk li se tkun qed tiskatta l-proċess ta’ ħruġ mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu 2017. Permezz ta’ ittra, ir-Renju Unit se tkun qed tinvoka Artiklu 50 tat-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li mid-29 ta’ Marzu li ġej jitlaq arloġġ b’countdown ta’ sentejn, avolja fil-verità huwa aktar perjodu ta’ sena u nofs, li matulu r-Renju Unit mhux biss irid jinnegozja l-ħruġ, iżda x’tip ta’ relazzjoni jrid fis-seħħ mal-Unjoni Ewropea wara l-ħruġ."

    Tenna li ‘aħna bħala Presidenza ġejna notifikati wkoll. Il-proċess li se jitmexxa min-nhar il-Erbgħa 29 ta’ Marzu huwa li n-negozji jitmexxew mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kap Negozjatur għall-Kummissjoni Michel Barnier li jirrapporta lill-General Affairs Council fejn aħna rappreżentati mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech. Il-Kap Negozjatur se jkun ukoll qed jirrapporta lill-Kunsill Ewropew minn żmien għal żmien. Jien se nkunu min-naħa tiegħi qed nirrapporta lil din il-Kamra kull meta jinħass il-bżonn dwar Brexit.’

    Enfasizza li ‘ta’ min iżid li l-ġimgħa l-oħra kelli laqgħa mal-Prim Ministru May fejn irrijaffermajt il-pożizzjoni li l-ebda ftehim ġdid mal-Unjoni Ewropea ma jista’ jkun aħjar minn membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Iżda żidt ngħid ukoll li Malta se tibqa’ viċin ir-Renju Unit u kommessi li nżommu l-aqwa relazzjonijiet bilaterali bħal ma dejjem kellna storikament. L-issue ewlenija li wieħed jistenna li se tkun diskuss fil-bidu hi jekk hux l-ewwel se jkun hemm negozjati dwar il-ħruġ u wara dwar relazzjoni ġdida, jew inkella dwar iż-żewġ aspetti flimkien.’

    Tripartite Social Summit

    Il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-istqarrija tiegħu qal li ‘lejliet il-Kunsill Ewropew tlaqqa’ s-Summit Soċjali magħruf bħala Tripartite fejn fih jieħdu sehem sħab soċjali. Flimkien miegħi għal dan is-summit kien hemm il-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo. Fid-dawl ta’ waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza ta’ Malta, jiġifieri li mmexxu aġenda soċjali, din kienet laqgħa importanti ħafna. It-tema ta’ dan is-Summit kienet “Il-Futur tal-Ewropa b’miżuri għal tkabbir ekonomiku, ħolqien tal-impjiegi u inklużjoni soċjali." Nemmen li l-futur tal-Ewropa għandu jkun imsejjes fuq drittijiet soċjali permezz tal-proposti dwar il-European Pillar for Social Rights. Għedt li l-Ewropa għandha toffri protezzjoni iżda din m’għandhiex taqa’ fi protezzjoniżmu. Sostnejt li d-djalogu soċjali huwa kruċjali għas-suċċess ekonomiku u r-riformi soċjali. L-involviment tal-isħab soċjali fil-proċess jassigura li l-interessi ta’ kulħadd jiġu kkunsidrati".

    Kompla jgħid li ‘wieħed mis-suġġetti ewlenin ta’ dan is-Summit Soċjali kien il-promozzjoni ta’ kunċetti making work pay bħala mod kif jiżdied ix-xogħol, l-inklużjoni soċjali u allura għal drittijiet soċjali aħjar. Il-Ministru Bartolo u jien spjegajna kif f’Malta ttieħdu deċiżjonijiet prammatiċi li għenu s-suq tax-xogħol bħal childcare b’xejn, in-work benefits u tapering ta’ benefiċċji soċjali. Spjegajna kif l-Ewropa kollha għandha sfidi li jeħtieġ taħdem fuqhom b’mod partikolari fl-iskills gap.’

    Kunsill Ewropew 9 u 10 ta’ Marzu 2017

    Il-Prim Ministru qal ukoll li ‘l-Kunsill Ewropew li sar fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017 kien fih mumenti ta’ tensjoni minħabba li kien wasal fi tmiem l-ewwel terminu ta’ sentejn u nofs tal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk. Bħala Presidenza, Malta kellha rwol li tikkordina bejn l-istati membri kollha biex din l-elezzjoni timxi bl-aktar mod lixx. Ta’ min jgħid li ġeneralment President jingħata żewġ termini. Madankollu, il-Polonja, li huwa l-pajjiż li minnu jiġi l-President Tusk, opponiet bil-qawwa kollha li jerġa’ jinħatar Donald Tusk.  Fil-jiem ta’ qabel il-Kunsill, jien f’isem il-Presidenza, għamilt kuntatt mas-27 pajjiż membru l-ieħor fejn kien jidher ċar li dwar Donald Tusk kien hemm konverġenza minn kulħadd apparti mill-Polonja. Din wasslet biex fid-9 ta’ Marzu nippresedi l-Kunsill u nwassal għal deċiżjoni. Sebgħa u għoxrin stat membru qablu li Donald Tusk jingħata terminu ieħor filwaqt li l-Polonja żammet mal-pożizzjoni li topponi lil Tusk.’

    Tenna li "b’hekk infurmajt lil Donald Tusk b’dak li kien seħħ u daħal lura fil-Kunsill bħala President fejn kompla l-Kunsill Ewropew."

    Immigrazzjoni

    Dwar l-immigrazzjoni qal li ‘inkompli nirrapporta avvanzi pożittivi minkejja li xorta għad fadal ħafna xogħol xi jsir u issues li jqumu mal-pajjiż tal-Lvant. Bħalissa għaddej xogħol fuq miżuri operazzjonali short-term u anke miżuri oħra long-term.  Fir-rigward tal-immigrazzjoni fir-rotta tal-Balkani rnexxielna naraw riżultati konkreti ħafna.  L-inkwiet immedjat tagħna, bħala pajjiż, tibqa’ r-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran.  Qed naħdmu biex ikollna Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Malta biex dak li qbilna b’tant suċċess fuqu f’Malta jitwettaq.  Diġa’ bdejna naraw riżultati konkreti.  F’dan kollu li qed isir qed ninvolvu kemm lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) u anke lill-UNHCR biex kwalunkwe pjan u deċiżjoni tkun approvata u tirrispetta l-liġijiet internazzjonali u drittijiet tal-bniedem.’

    Qal ukoll li ‘nista’ nirrapporta li l-Unjoni Ewropea qed tieħu ħafna iktar bis-serjeta s-sorveljanza tal-ibħra u mil-lat ta’ sigurta hemm iktar responsabbilta fil-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet. Irrapportajt ukoll li x-xogħol fuq ETIAS u Entry Exit System huma prijorita’ fuq l-aġenda tal-immigrazzjoni tal-Presidenza.  Dwar Entry Exit System se nkunu qegħdin ninnegozjaw mal-Parlament Ewropew.’ 

    Dikjarazzjoni Ruma – Ewropa soċjali

    Joseph Muscat qal ukoll li ‘fil-Kunsill tkellimna wkoll fit-tul dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma li se tkun l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ 60 sena minn mindu ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma. Malta, bħala Presidenza, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-Prim Ministru tal-Italja Paolo Gentiloni ħdimna mill-qrib biex insibu kunsens bejn is-27 membru stat tal-Unjoni Ewropea. Kien hemm diskussjoni wiesgħa dwar ‘il fejn irridu naraw l-Ewropa wara sittin sena ħajja. Hemm qbil ukoll li minn din l-Unjoni rridu naraw tiġdid u mhux li tirtira. M’hemmx dubju li l-Whitepaper tal-Kummissjoni kkontribwixxiet sew għad-diskussjoni. Sħaqt ħafna dwar il-bżonn li din id-dikjarazzjoni tagħmel referenza għall-aspett soċjali tal-Unjoni Ewropea. Punt li nifhem li ħoloq ftit tal-kontroversja għax hemm pajjiżi li ma humiex favur xi forma ta’ diktat Ewropew fuq miżuri soċjali.’

    Qal ukoll li ‘dan seħħ ukoll fid-dawl ta’ diskussjoni dejjem tikber ta’ multi-speed Europe fejn kull pajjiż jimxi b’ritmu differenti u ma jkollnix  one-size-fits-all approach. Din sabet reżistenza partikolari minn dawk il-pajjiżi li jibżgħu li din hija skuża biex jitħallew barra. Insistejna li fid-dikjarazzjoni ta’ Ruma nhar is-Sibt li ġejn ikun hemm referenza ċara għall-Ewropa Soċjali u addozzjoni tal-European Social Pillar li tkun timxi skont il-passi li kull pajjiż għamel f’pajjiżu. Nhar is-Sibt li ġej 25 ta’ Marzu se nkun flimkien mad-Deputat Prim Ministru, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u s-Segretarju Parlamentari għall-Affarjiet Ewropej, qed nirrappreżentaw lill-Presidenza u lil Malta biex niċċelebraw 60 sena mit-twelid ta’ din l-Unjoni Ewropea, u li minkejja Brexit u l-kriżijiet li rriżultaw f’dawn l-aħħar snin, nirriaffermaw li l-Unjoni hija xi ħaġa pożittiva u jeħtieġ  li dan l-esperiment li rnexxa jibqa’ għaddej.’

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0