“Investiment fl-MCC huwa investiment fis-settur turistiku tal-konferenzi”

  • Mar 20, 2017 17:25
  • Miktub minn iNews

    Waqt żjara f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar li l-proġett “Reliving the Sacra Infermeria” ġie approvat uffiċjalment mill-UNESCO. Il-Ministru Zammit Lewis tenna li qabel dan il-proġett ġie sottomess għal iskrutinju tal-UNESCO minħabba is-sensittivitàtal-post, l-istess proġett kien ukoll approvat minn entitajiet lokali bi proċess twil ta’ konsultazzjoni. 

    Għaldaqstant il-Ministru spjega li r-rapport imħejji mill-UNESCO jikkonferma li dan il-proġett ser ikollu effett pożittiv fuq dan is-sit storiku. Il-UNESCO qablet ukoll mal-interventi li ser isiru sabiex jikkonservaw dan il-post ta’ importanza storika.

    “Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hija ġawra imprezzabli għas-settur turistiku, b’mod speċjali fil-qasam tal-konferenzi,” spjega il-Ministru Zammit Lewis.  Huwa aċċenna li Malta qed tkabbar il-popolarità tagħha bħala attrazzjoni għall-konvenzjonijiet u konferenzi internazzjonali. Dan it-tkabbir f’din in-niċċa turistika jixpruna aktar ħidma sabiex pajjiżna jkompli jgħolli l-livell u l-kwalità tal-prodott bl-iskop li Malta tkun ppreparata għal din iż-żieda f’din in-niċċa tal-konvenzjonijiet u konferenzi u tesponi lilha nfisha bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran fl-organizzazzjoni ta’ konvenzjonijiet, laqgħat ta’ livell għoli u konferenzi.

    Il-Ministru għat-Turiżmu stqarr li l-MCC tilgħab parti importanti f’din il-ħidma, dan għaliex dan il-post joffri dak kollu li hu mitlub sabiex jittellgħu u jiġu organizzati konferenzi, laqgħat, seminars u attrazzjonijiet kulturali, teatrali u mużikali u esebizzjonijiet b’mod professjonali u fuq livell internazzjonali.  “Madanakollu sabiex Dar il-Mediterran għall-Konferenzi tilħaq livell aktar għoli ta’ eċċellenza dan il-Gvern qed jimpenja ruħu f’investiment li se jkompli jtejjeb il-prodott offrut,” stqarr il-Ministru Zammit Lewis.

     Il-Ministru żied jgħid li dan il-post storiku qed jilqa’ fih impenji kemm fuq bażi lokali, kif ukoll internazzjonli  assoċċjati mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess li qed ikollna fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat għolja kemm lejn l-aħħar tas-sena 2015 permezz tal-Malta Summit u c-CHOGM kif ukoll dawk li qed iseħħu tul dawn l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, qed iservu sabiex nagħtu l-importanza xierqa lejn in-niċċa turistika tal-organizzazzjoni u l-ospitalità ta’ konferenzi, konvenzjonijiet u esebizzjonijiet internazzjonali. L-MCC huwa wieħed mill-fatturi ewlieni fl-iżvilupp ta’ din in-niċċa u għaldaqstant ġeneratur importanti ta’ dħul, ħolqien tax-xogħol u investiment barrani.  

    Dan il-proġett estensiv bil-għan li jippreserva l-edifiċju, itejjeb is-servizz u jiġi ġġenerat dħul ġdid għall-MCC għandu jservi għat-tisħiħ tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali storiku, kompla jgħid il-Ministru. Sa issa min iżur din il-binja storika jista’ biss japprezza l-arkitettura tal-bini. Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €10 miljun, ser jinfetħu spazji ġodda sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw. Il-post ser ikun qiegħed itejjeb is-servizzi fis-settur tal-konferenzi u konvenzjonijiet kif ukoll min iżuru ser ikun jista’ jifhem iktar kif kien jintuża dan il-post fil-passat. Tajjeb li ngħidu li sforz ix-xogħol ta’ dan il-Gvern,  Malta ser tibbenifika minn fond ta’ €5 miljun mill-UE sabiex inkomplu bil-progress li bdejna, saħaq il-Ministru.  

    “Hekk kif pajjiżna joffri prodotti turistiċi li huma fuq nett tal-lista rekwiżita mill-viżitataturi u t-turisti bħas-sigurtà, il-konnettività, l-ospitalita, is-sbuħija naturali u l-attrazzjonijiet storiċi u kulturali, jien ninsab impenjat bis-sħiħ li nara lil Malta tgawdi mill-aspetti u n-niċeċ kollha turistiċi li kapaċi nisfruttaw bħala pajjiż sabiex l-industrija tat-turiżmu tkompli tkun sostenitur ewlieni għall-ekonomija Maltija permezz ta’aktar tkattir ta’ ġid ekonomiku u ħolqien tax-xogħol,” temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.

    Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi is-Sur Pierre Fenech, qal illi dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti illi saru, qed isiru u ser isiru fil-futur qrib biex dan il-post uniku f’pajjiżna jkun jista’ joffri servizzi tal-ogħla kwalità għal settur daqstant importanti għat-turiżmu u l-ekonomija tal-pajjiż. Huwa qal illi dan kollu qed isir bl akbar rispett lejn il-post illi jinsab fl-ogħla grad ta’ preservazzjoni. Dan ġie kkonfermat fir-rapport tal-UNESCO illi ma sabu l-ebda oġġezzjoni għal kwalunkwe intervent illi ser isir. “Issa wasal iż-żmien illi nibdew ix-xogħlijiet neċessarji biex il-proġett jiġi mwettaq fl-iqsar żmien possibbli bl-inqas effett fuq l-operat taċ-ċentru,” temm jgħid is-Sur Pierre Fenech.

    L-għan ta’ dan il-proġett huwa li kull min iżur l-MCC se jkun qed jesperjenza u jgħix il-perjodu ta’ ’il fuq minn erba’ mitt sena ilu. F’dan l-istadju, terz minn dan il-bini huwa inaċessibbli minħabba numru ta’ swali li ilhom abbandunati u fi stadju ta’ telqa għal snin twal. Dan kollu qed isir biex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett ambizzjuż li ser ikun l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta. Permezz tat-teknoloġiji tal-ogħla kwalità magħrufa bħala ‘augmented reality’, ‘holographic technology’ u ‘time-windows’ li flimkien bl-użu ta’ GPS, dawk il-viżitaturi li jżuru dan il-bini ser ikunu jistgħu jesperjenzaw dak kollu li kien jiġri fl-era tal-Kavallieri permezz tal-ismart phones u tablets tagħhom, temm jgħid is-Sur Pierre Fenech.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook