Mitluba r-riżenja tal-Kap Finanzjarju fl-FTS

  • Mar 20, 2017 09:13
  • Miktub minn iNews

    Persuni, li ilhom midħla tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), jisħqu li fid-dawl tal-fatt li l-attenzjoni partikolari qiegħda tintefa’ fuq l-operat ta’ din l-entità tul l-aħħar erba’ snin, kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, “tajjeb wieħed jitlob li tinġarr ir-responsabbiltà wkoll minn Chris Pullicino (Kap Uffiċjal Finanzjarju), li kien responsabbli li jara li ma jseħħux l-abbużi sa mill-2003”.

    Pullicino, li jirriżulta kien ingaġġat mal-14-il sena ilu fl-istess perjodu li nstabu abbużi fl-FTS u nuqqas ta’ tmexxija skont il-proċeduri normali li kull entità tal-Gvern hi obbligata li taderixxi magħhom, għadu jokkupa l-pożizzjoni, anke wara l-aħħar akkużi serji li qegħdin jiġu investigati mill-Pulizija, ingħataw direct orders u saru varjazzjonijiet kbar fix-xogħlijiet diġà definiti b’kuntratti pubbliċi sas-sena li għaddiet meta l-Kap Eżekuttiv kien Philip Rizzo.

    Fl-10 ta’ dan ix-xahar, L-ORIZZONT żvela kif fil-perjodu bejn April u Novembru 2016 fl-FTS kienu ngħataw direct orders u sar tibdil fix-xogħlijiet pendenti fuq il-bini ta’ skejjel mill-istess Fondazzjoni. Kien iż-żmien meta Kap Eżekuttiv tal-FTS kien Philip Rizzo, li fit-3 ta’ Diċembru li għadda ddeċieda li jirriżenja mill-kariga u wassal għall-investigazzjonijiet attwali. 

    Minkejja dan, is-sorsi li tkellmu magħna jgħidu li kulmin hu midħla tal-istess Fondazzjoni sa mit-twaqqif tagħha jaf li l-perjodu msemmi (tal-2016) jitqabbel tajjeb ħafna maż-“żminijiet tad-dlam” fl-istess FTS meta politikament responsabbli minnha kien Louis Galea.

    Dawn fakkru kif lejn l-aħħar tal-2003, id-Deputat Laburista Carmelo Abela, dak iż-żmien Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, kien ippreżenta rapport lid-Direttur tal-Qorti Kriminali ta’ Malta biex issir investigazzjoni dwar l-operat tal-FTS. 

    “Ir-rapport kien juri li, simili għal dak li ġara taħt Rizzo fl-2016, il-Fondazzjoni tat ruxmata ta’ direct orders ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Liri Maltin, dak iż-żmien. Abela kien stqarr li dan ma kienx il-metodu li bih il-Gvern u l-aġenziji tiegħu kellhom jagħtu kuntratti lill-operaturi fis-settur privat … fil-fatt wassal għal abbużi serji u anke korruzzjoni,” saħqu s-sorsi.

    Jirriżulta li, wara li l-istess Deputat Laburista kien għamel ħafna sforzi b’mistoqsijiet Parlamentari u kien anke rriżenja l-Kap Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien, Alfred Ferrante, Abela nsista fir-rapport tiegħu għal “serħan tal-moħħ li l-affarijiet imxew kif suppost u fl-interess pubbliku”. Għaldaqstant talab li tiġi assenjata inkjesta maġisterjali u wiegħed il-koperazzjoni sħiħa tiegħu f'dan ir-rigward.

    Sussegwentement f’Novembru 2003, Abela ppreżenta nota lill-Maġistrat Inkwerenti Dr Consuelo Scerri Herrera fejn stqarr li dak li kien ġara kien jidher bħala “miżapproprjazzjoni ta’ fondi, abbuż mill-poter u ksur ta’ dmirijiet li jappartjenu għal uffiċjali pubbliċi.”

    Skont Abela, bħal dak li seħħ fil-perjodu April-Novembru 2016, ingħataw ordnijiet diretti (direct orders) mill-FTS minn jew bil-konoxxenza tal-Kap Eżekuttiv Alfred Ferrante. 

    Fir-rapport tagħha, li sar wara pariri ta’ esperti mqabbdin mill-Qorti, il-Maġistrat Scerri Herrera kienet ikkonkludiet, fost oħrajn, li Pullicino, flimkien mal-membri tal-Bord tal-FTS u Alfred Ferrante u Dr Conrad Thake, Kap Eżekuttiv u Ċermen rispettivament, kien ko-awtur tal-irregolaritajiet grassi li ma ġew ikkontestati minn ħadd, lanqas mill-Ministru responsabbli.

    Is-sorsi tennew li dak iż-żmien kien hemm diversi okkażjonijiet meta l-irregolaritajiet kienu l-ordni tal-ġurnata u għalihom qatt ma kien hemm ebda tweġiba, tant li l-operat tal-Fondazzjoni qatt ma seta’ jkun f’dawl tajjeb li juri li l-affarijiet kienu qegħdin isiru sew, b’mod trasparenti u rregolati mill-proċeduri finanzjarji. 

    Abela saħansitra stqarr li l-Ministru Galea ma kellux triq oħra ħlief li jammetti li kienu saru abbużi kbar fl-istess FTS. “Dan fi żmien meta s-Sur Chris Pullicino kien responsabbli biex jassigura li ma jiġrix dan,” enfasizzaw is-sorsi qrib l-FTS, li wkoll isemmu li l-uffiċjal dak iż-żmien li ġie ngaġġat kellu parentela ma’ uffiċjali oħrajn tal-Gvern Nazzjonalista. 

    “Zitu tiġi l-eks-Direttriċi fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni Joyce Pullicino, li fi żmien in-Nazzjonalisti fil-Gvern kienet tagħmel parti minn dak imsejjaħ Senior Appointments Advisory Committee, kumitat tal-għażla li permezz tiegħu jinħatru d-diretturi ġenerali u d-diretturi fis-Servizz Ċivili. Fl-istess kumitat kien hemm ukoll Lawrence Zammit, li b’kumbinazzjoni kien ukoll Ċermen tal-Air Malta, dik li kienet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC), il-Malta Enterprise u membru f’ruxmata bordijiet oħrajn, flimkien ma’ Mary Anne Lauri, li kienet Pro Rettur tal-Università u li x-xahar l-ieħor indirizzat mass meeting tal-PN fil-Belt. Jiġi wkoll iben Frank Pullicino, li fi żmien il-PN kien Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali.

    “Għaldaqstant waqt li l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kienu jassiguraw li jagħżlu n-nies tagħhom fl-ogħla postijiet fis-servizz ċivili u li taħt għajnejh ġara tali tbażwir fl-FTS, Pullicino għadu jokkupa l-istess kariga. B’dak li qed jiġi rrapportat illum, Pullicino għandu jintalab jikkunsidra serjament il-pożizzjoni tiegħu u li l-Gvern iżommu responsabbli għan-nuqqasijiet kollha li seħħew taħt ir-responsabbiltà tiegħu,” temmew jgħidu s-sorsi.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0