Xalata ta’ birra mħallta ma’ mużika tajba

  • Lul 18, 2012 14:42
  • Miktub minn Melvin Farrugia

    Għat-32 sena Farsons se jkun qed jerġa’ jorganizza l-Farsons Great Beer Festival mis-27 ta’ Lulju sal-5 ta’ Awwissu fil-Park ta’ Ta’ Qali. Is-serati jibdew mit-8 p.m. u d-dħul u l-parkeġġ għal dan il-festival se jkunu b’xejn.

    Dan tħabbar ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Hard Rock Cafè ta’ Baystreet. Il-preżentazzjoni saret minn Ivan Filletti li hu l-Field Marketing Manager ta’ Simonds Farsons Cisk plc.

    Filletti spjega li llum il-ġurnata dan il-festival hu wieħed mill-aktar imfittxin hekk kif hu festival miftuħ għall-familja kollha. F’dawn l-għaxart ijiem li jittella’ dan il-festival ikun hemm festa ta’ birra li titħallat ma’ wirja kbira ta’ mużika.

    Għal dan il-festival ikun hemm għall-bejgħ il-prodotti kollha li joffri Farsons, fosthom bosta prodotti ġodda. Filletti fakkar kif is-sena li għaddiet, proprju f’dan il-festival kien tnieda c-Cisk Chill.

    Barra minn hekk, ikun hemm ukoll għażla ta’ birer tradizzjonali u anke birer internazzjonali. Ma jonqosx li mal-birer ikun hemm ukoll stands li jbigħu ikel li jikkumplimenta.

    Dan il-festival hu wieħed sewgit ħafna wkoll minħabba l-fatt li waqt l-għaxart ijiem ikun hemm bosta bands popolari u anke ġodda li jagħtu wirjiet eċċezzjonali waqt dawn l-iljieli.

    Din is-sena hemm aktar minn 40 artist li se jagħtu l-wirja tagħhom f’dan il-festival li hu kkonsidrat bħala l-akbar festa ta’ mużika f’Malta.

    Filletti spjega li f’dan il-festival tingħata promozzjoni lill-artisti Maltin ġodda flimkien ma’ dawk li huma diġà stabbiliti. Fil-fatt, qabel ma ġie mniedi dan il-festival saret kompetizzjoni magħrufa bħala “Rock the Fest” fejn minn 12-il band ġew magħżulin tlieta biex idoqqu proprju f’dan il-festival.

    Barra mill-bands lokali se jkun hemm ukoll żewġ bands mill-Ingilterra u anke artist mill-Jamaica.

    Għal din is-sena, Farsons ħasbu wkoll fil-kampanja biex wieħed jixrob b’mod responsabbli u għalhekk laħqu ftehim speċjali ma’ Arriva, fejn dawn se joffru ‘shuttle service’ mill-Belt dirett lejn il-Beer Festival u ‘shuttle service’ ieħor li jieħu lil dawk li jkunu attendew il-Beer Festival lejn San Ġiljan jew Buġibba. Dawn huma ż-żewġ postijiet li minnhom jistgħu jintleħqu r-rotot ta’ Malta kollha u għalhekk in-nies jistgħu jevitaw li jużaw il-karozzi tagħhom u jkunu jistgħu jixorbu.

    Dan is-servizz se jiġi offrut għall-prezz ta’ €2.50 u diġà ġie użat f’attivitajiet oħrajn. Arriva qalet li b’dan il-mod jiġu inċentivati biex jużaw is-servizz pubbliku hekk kif l-istess servizz jiswa ħafna iżjed lin-nies.

    Intant, dan il-festival li hu kkonsidrat ukoll bħala maratona ta’ mużika qed isir bis-saħħa ta’ diversi sponsors, fosthom Vodafone, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Arriva. Vodafone qalu li wara li kienu preżenti f’ħafna mill-akbar avvenimenti li saru diġà f’dan is-sajf ma setax jonqos li jkunu hemm f’dan l-avveniment li jiġi segwit min-nies u li huma ilhom fi sħab magħhom għal tant żmien. Vodafone qalu wkoll li se jkun hemm diversi sorpriżi waqt dawn l-għaxart ijiem u ħeġġew lin-nies biex jattendu għal dan il-festival u jżuru l-istand tagħhom li din is-sena se tkun waħda akbar.

    L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li dan il-festival mhux biss hu magħruf sew mal-Maltin iżda anke mat-turisti li jiġu f’pajjiżna u jistaqsu apposta għalih. Dan ifisser li dan il-festival leħaq livell għoli u qegħdin noffru attivitajiet ta’ livell għoli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0