Imwieġba l-ħtieġa li l-ħwienet jiftħu l-Ħadd

  • Jan 11, 2017 14:19
  • Miktub minn Jake Azzopardi

    Riforma li ġġib ugwaljanza bejn in-negozji u tħares il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema 

    Fi stħarriġ tal-opinjoni pubblika l-maġġoranza assoluta (70%) tal-membri tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (GRTU) esprimew xewqa li jkollhom aktar diskrezzjoni fit-tmexxija tan-negozji tagħhom, tal-ħinijiet u tal-ġranet li jiftħu. Il-ħtieġa ta' aktar flessibilità fil-ħinijiet ta-negozju nħasset ukoll mill-konsumaturi hekk kif l-ammont ta' nies fid-dinja tax-xogħol qiegħed dejjem jiżdied. 

    Kien għalhekk li l-Gvern permezz ta' liġi sussidjarja introduċa riforma li qed tagħmilha aktar faċli għas-sidien tal-ħwienet jiftħu nhar ta' Ħadd u li jibqgħu miftuħin għal aktar sigħat fil-bqija tal-ġranet tal-ġimgħa. 

    Dan jista' jsir mingħajr ħlas żejjed għalkemm ħanut li jiftaħ il-Ħadd irid jagħżel jum ieħor fil-ġimgħa li fih jibqa' magħluq. Jekk sid il-ħanut jagħżel li ma jagħlaqx ġurnata fil-ġimgħa u jiftaħ ukoll il-Ħadd ikun mitlub iħallas €700. 

    Bit-tibdil propost, dawk il-ħwienet li riedu jiftħu l-Ħadd u minħabba kif kienet il-liġi, ma setgħux, issa se jkunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ħtieġa ta’ ħlas addizzjoni. Il-ħwienet kollha li bħalissa mhumiex permessi li jiftħu nhar ta’ Ħadd ser ikunu jistgħu jagħmlu dan bejn is-06:00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ wara nofsinhar, sakemm jibqgħu magħluqa f'jum ieħor magħżul minnhom, u li jiġi kkomunikat lid-Dipartiment tal-Kummerċ. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din ir-riforma, il-ħwienet setgħu biss jiftħu l-Ħadd jekk jingħataw permess speċjali  għal ħlas ta' kważi €700, liema ħlas issa jista’ jkun ffrankat sakemm jagħlqu f’ġurnata oħra matul il-bqija tal-ġimgħa.

    Il-ħwienet tal-Belt Valletta se jibqgħu jistgħu jiftħu nhar ta' Ħadd meta jkun hemm vapur tal-passiġġieri fil-port. Ir-riforma qed testendi din l-istess eżenzjoni lill-ħwienet fil-Cottonera u fil-Kalkara. 

    Il-ħwienet kollha se jingħataw il-possibilità li jestendu l-ħin tan-negozju tagħhom nhar ta' Ħamis, Ġimgħa u Sibt mingħajr intervent dirett tal-ministru responsabbli. Se jkunu jistgħu jiftħu wkoll nhar Ħadd il-karnival u Ħadd il-Għid. Il-Ġimgħa l-Kbira se jibqa' jum li fih ma jistgħux jiftħu l-ħwienet u jum il-Milied għandu regoli stabbiliti għalih li baqgħu ma nbidlux. 

    Filwaqt li qed toffri aktar diskrezzjoni lis-sidien fit-tħaddim tan-negozju tagħhom, ir-riforma tassigura li d-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu intatti. Fil-fatt anke b'intervent tal-General Workers' Union fil-laqgħat li saru bejn l-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-liġi, ġie assigurat li l-ħaddiema li għandhom kuntratt tax-xogħol li ma jinkludix li jidħlu xogħol nhar ta' Ħadd, jistgħu jirrifjutaw li jidġlu jaħdmu nhar ta' Ħadd. Madanakollu min se jingħata kuntratt tax-xogħol ġdid issa wara li daħlet fis-seħħ din il-liġi mhux se jkollu l-għażla. Il-kundizzjonijiet ta' ħlas abbinati ma' xogħol nhar ta' Ħadd se jibqgħu dawk li huma. 

    Il-Ministru għall-Ekonomija u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona qal li l-Gvern kien innota li l-qafas regolatorju ma kienx qed jirrifletti l-esiġenzi tas-soċjetà. Għaldaqstant il-bidliet li saru se jkunu ta' benefiċju kemm għas-sidien tal-ħwienet u kif ukoll għall-konsumatur. 

    Qal li bit-tibdil li sar intlaħqet ugwaljanza bejn ħwienet f'lokalitajiet u żoni differenti filwaqt li se tonqos ħafna l-burokrazija issa li spiċċa l-bżonn li wieħed jikseb il-liċenzja mill-Unit tal-Kummerċ biex jopera l-Ħadd jew għal aktar sigħat. 

    "Nemmen li n-negozjant għandu jkollu aktar diskrezzjoni fil-ġestazzjoni tal-intrapriża tiegħu filwaqt li d-drittijiet tal-ħaddiema jiqbgħu mħarsa, "qal. 

    Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli, iddeskriviet ir-riforma bħala tweġiba leġislattiva għal bżonn li kien ilu jinħass bil-mod kif inbidlet is-soċjetà Maltija. 

    F'kumment lil dan il-ġurnal is-Segretarju Ġenerali tal-GWu Josef Bugeja qal li filwaqt li nnutat it-tendenzi tal-konsumatur jinbidlu fl-aħħar snin, il-GWU ma setgħetx taċċetta li jkun hemm tibdil fid-drittijiet tal-ħaddiema. Stqarr li ma kienx hemm oppożizzjoni għall-fehmiet tagħha mill-bqija tal-imsieħba soċjali. 

    L-union innutat ukoll li bir-riforma l-ħaddiem se jkollu iktar flessibiltà ta' ħinijiet.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0