Il-kesħa twassal għal rekord ta’ domanda għall-elettriku

  • Jan 11, 2017 12:39
  • Miktub minn iNews

    Enemalta laħqet l-ogħla livell ta’ domanda għall-elettriku għall-istaġun tax-xitwa it-Tnejn filgħaxija, hekk kif aktar klijenti xegħlu l-air conditioners u apparat ieħor tal-elettriku biex itaffu ftit mill-kesħa ta’ dawn l-aħħar jiem.

    Dan il-peak electricity grid load staġjonali ġdid, jiġifieri l-aktar ammont ta’ elettriku mqassam fis-sistema tad-distribuzzjoni u kkunsmat mill-klijenti, laħaq livell ġdid ta’ 410 MW għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija nhar it-Tnejn 9 ta’ Jannar. Qatt qabel ma kien ikkunsmat ammont daqstant kbir ta’ elettriku fl-ixtiewi Maltin ta’ qabel. L-eqreb ammont intlaħaq fi Frar tal-2005 meta ġew imqassma 402 MW ta’ enerġija elettrika. L-ogħla livell tax-xitwa qiegħed bil-mod joqrob lejn ir-rekord ta’ kull żmien; 438 MW f’Lulju 2015. 

    It-Tnejn, fil-mument li ntlaħaq dan l-ammont, il-parti l-kbira tad-domanda għall-elettriku kienet qed tintlaħaq mill-power stations lokali, id-Delimara 1 u Delimara 3 li joperaw bl-HFO u d-Delimara 2 bid-diesel. Il-kumplament kien qed jiġi mill-Malta-Italy Interconnector, li jiflaħ iwassal fis-sistema tad-distribuzzjoni Maltija sa 192 MW minn Sqallija. Fl-istess ħinijet, ma kien hemm l-ebda elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, bħal pereżempju l-pannelli tax-xemx. 

    Il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif beda jitbassar it-temp kieseħ, Enemalta plc ħadet għadd ta’ miżuri biex tiżgura li l-infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u s-sistema tad-distribuzzjoni jkunu mħejjija għaż-żieda fid-domanda. Hekk kif il-konsum żdied, il-Kumpnaija lestiet ukoll għal żieda fit-talbiet għall-għajnuna mill-klijenti li jsofru minn xi qtugħ fil-provvista, bħal ħsarat bl-irjiħat u l-maltemp, overloading u diffikultajiet tekniċi individwali jew tas-sistema oħrajn.

    Enemalta għandha timijiet tekniċi li jkunu lesti biex jgħinu klijenti fil-bżonn lejl u nhar, mit-Tnejn sal-Ħadd. Dawn il-ħaddiema, fosthom inġiniera, tekniċi u impjegati li jirċievu t-talbiet ta’ għajnuna mingħand il-klijenti, joffru aktar għajnuna biex jgħinu lill-klijenti fl-inqas ħin possibbli. Tingħata priorità fost oħrajn lil klijenti vulnerabbli, bħal persuni xjuħ. Dawn l-impjegati jkunu wkoll lesti biex iwettqu t-tiswijiet meħtieġa f’każ ta’ ħsarat tal-maltemp jew diffikultajiet oħra fis-sistema tad-distrbuzzjoni, li jista’ jkollhom effett fuq is-servizz lill-klijenti jekk ma jingħatawx widen mill-ewwel. 

    Kull talba għall-għajnuna tal-klijenti tkun ukoll segwita mill-inġiniera tal-Kumpanija, li jaraw dawk l-inħawi fejn ikun hemm tibdil fid-domanda ripetuti biex iwettqu t-tisħiħ li jkun hemm bżonn fis-sistema tad-distribuzzjoni ħalli jonqos ir-riskju li l-klijenti jiġu fl-istess diffikultajiet hekk kif id-domanda tal-elettriku tkompli tiżdied.  

    Inġ. Fredrick Azzopardi, Executive Chairman ta’ Enemalta plc, irringrazzja lill-ħaddiema għas-sehem importanti tagħhom biex jilqgħu għal din iż-żieda fid-domanda u biex jgħinu klijenti li jsibu xi diffikultà. “Nifhmu li f’mumenti bħal dawn, il-provvista tal-elettriku ssir ferm aktar bżonnjuża għall-klijenti tagħna. Il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku u ħsarat fis-sistema tal-elettriku jistgħu jitnaqqsu iżda qatt ma jistgħu jiġu eliminati. Madankollu, dan mhu ta’ ebda konsolazzjoni għalina u għall-klijenti tagħna. Aħna dejjem nirsistu lejn il-mira li ma jkun hemm l-ebda klijent b’diffikultajiet fis-servizz tal-elettriku. Għalhekk għaddejjin b’investiment kontinwu biex intejbu l-kwalità tas-servizzi tagħna permezz ta’ tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, taħriġ tal-ħaddiema u proċeduri ta’ għajnuna ġodda u aktar komdi. Nixtiequ nsellmu wkoll lil dawk il-klijenti li appoġġjaw lill-klijenti tagħna waqt il-ħidma tagħhom f’dawn l-aħar jiem.” 

    Għajnuna lill-klijenti

    Klijenti ta’ Enemalta plc li jkollhom bżonn għajnuna urġenti minħabba xi diffikultà fis-servizzi tal-elettriku jistgħu jitkellmu mal-ħaddiema ta’ Enemalta billi jċemplu fuq is-servizz bit-telefon miftuħ 24 siegħa kuljum bin-numru 8007 2224. Għal talbiet ta’ għajnuna mhux urġenti, jistgħu wkoll jibagħtu imejl fuq customercare.em@enemalta.com.mt. 

    Individwi li jkollhom xi qtugħ fil-provvista tal-elettriku għandhom l-ewwel u qabel xejn jiċċekkjaw li l-main switch li hemm fuq l-ismart meter, u l-main circuit breakers (MCBs) u s-salvavita fid-distribution board tal-propjetà tagħhom huma mixgħulin. Jekk id-display diġitali li hemm fuq l-ismart meter tkun qed taħdem (turi tagħrif u l-qari tal-konsum), il-probabilità kbira hi li l-ħsara hija fis-sistema interna tal-klijenti u mhux fil-provvista tas-servizz ta’ Enemalta. F’dawn il-każi, il-klijenti jeħtieġ li jikkuntattjaw l-electrician awtorizzat tagħhom. 

    Qabel ma jċemplu lil Enemalta plc għall-għajnuna, il-klijenti għandhom isibu n-numru tal-kont tagħhom (jinstab fin-naħa ta’ fuq tal-kont tad-dawl u l-ilma), biex ikun eħfef għall-ħaddiema ta’ Enemalta li jidentifikawhom u jagħrfu mill-ewwel il-post fejn hemm il-propjetà. Jekk in-numru tal-kont ma jkunx disponibbli, il-klijenti jistgħu jagħtu wkoll in-numru li jidher fuq il-meter. 

    Aktar tagħrif dwar Enemalta plc jinsab fis-sit www.enemalta.com.mt.   

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook