Eluf jorqdu barra wara t-terremot fl-Italja

  • Ott 31, 2016 14:20
  • Miktub minn iNews
"

    Eluf ta’ persuni fl-Italja ċentrali qattgħu l-lejl li għadda f’karozzi, f’tined u f’postijiet ta’ emerġenza wara r-raba’ terremot li laqat iż-żona f’dawn l-aħħar tliet xhur.

    It-theżżiża ta’ saħħa ta’ 6.6 grad fuq l-iskala Richter – l-aktar qawwija fl-Italja għal għexieren ta’ snin – seħħet qrib ir-reġjun fejn madwar 300 persuna nqatlu f’terremot qawwi li seħħ f’Awissu li għadda. Madankollu jidher li ħadd ma tilef ħajtu fit-theżżiża tal-Ħadd qrib ir-raħal ta’ Norcia iżda rapporti qalu li xi 20 persuna ngħataw kura għal xi ġrieħi li ġarrbu.

    Uffiċjali qalu li reppliki għadhom qegħdin iġarrfu bini milqut tant li sbieħ it-Tnejn inħasset skossatura ta’ 4.2 grad.

    Madankollu, f’Norcia, fir-reġjun ta’ Umbria, uħud mir-residenti ddeċidew li jqattgħu l-lejl f’darhom iżda oħrajn raqdu f’tined li twaqqfu apposta qrib ir-raħal jew aċċettaw l-offerta tal-awtoritajiet li jieħdu kenn f’postijiet ipprovduti apposta fuq il-kosta Adrijatika.

    Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi l-bieraħ ippresieda laqgħa tal-Kabinett fejn idduskutew miżuri ta’ kostruzzjoni ta’ emerġenza wara l-għadd ta’ bini antik li waqa’ u ħsarat oħra lill-infrastruttura.

    Wieħed mir-residenti ta’ Norcia, Stefano Boldrini, li fil-preżent qiegħed jabita f’vann flimkien ma’ bintu ta’ tmin snin, meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jibqa’ jgħix fir-raħal wieġeb li ma jistax ikun għax kemm l-iskola, il-knisja m’għadhomx jeżistu, ma fadal xejn sħiħ.

    Il-bażilika medjevali ta’ San Benedittu f’Norcia kienet waħda mill-bosta bini li ġġarrfu. L-awtoritajiet qalu li l-programm ta’ evakwazzjoni minn bini vulnerabbli fiċ-ċentru tal-pajjiż, li niedew wara t-terremot ta’ Awissu li għadda, seta’ kienet ir-raġuni li ma ntelfitx ħajja. Huma qalu li tliet persuni nħarġu ħajjin minn taħt it-tifrik fir-raħal ta’ Tolentino l-Ħadd li għadda. Is-Sindku Giuseppe Pezzanesi qal li l-ġurnata tal-Ħadd kienet l-agħar waħda fl-istorja – il-ħsara hija rreparabbli, eluf ta’ nies jinsabu mifxulin fit-toroq, jibku t-telfa ta’ dak li kienu jipposiedu.

    It-terremot tal-Ħadd, b’qawwa ta’ 6.6 grad seħħ b’aktar qawwa minn dak ta’ Awwissu u tnejn oħra l-ġimgħa l-oħra li kellhom qawwa ta’ 5.5 u 6.1 grad rispettivament.

    Irħula u villaġġi li ġarrbu ħsarat estensivi jikludu Castelsantangelo, Preci, Ussita u Arquata bit-theżżiż jinħass anke minn Ruma fejn is-sistema tal-metro għamlet xi ħin magħluqa għal kollox.

    Iċ-ċentru tal-Italja ntlaqat minn għadd ta’ terremoti f’dawn l-aħħar snin, tant li fl-2009 il-belt ta’ Aquila ġarrbet ħsarat estensivi u f’Awissu li għadda r-raħal ta’ Amatarice nqered kważi għal kollox. Fiż-żewġ terremoti nqatlu b’kollox madwar 600 persuna.

    Madankollu iż-żewġ terremoti kienu tkejlu 6.2 gradi u seħħew f’fond aktar mit-terremot li għamel il-Ħadd li għadda.

    F’Novembru 1980 madwar 5,000 persuna nqatlu f’Campania lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż meta terremot ta’ qawwa ta’ 6.9 grad laqat l-inħawi ta’ Napli. F’Lulju 1930 terremot ta’ qawwa 6.6 grad kien qatel 1,400 f’Irpina, fl-istess reġjun fil-waqt li f’Jannar 1915 aktar minn 30,000 inqatlu f’terremot ta’ 6.7 grad.

    Hu mifhum li l-aktar wieħed qattiel kien dak li seħħ fl-Istrett ta’ Messina  f’Diċembru 1908 meta terremot ta’ qawwa 7.1 u tsunami li seħħ wara ħallew aktar minn 200,000 mejta fil-waqt li tliet snin qabel, f’Settembru, terremot b’qawwa ta’ 7.2 grad ħalla 2,500 persuna mejta bit-tsunami li nħoloq wara.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0