Suldati tan-NATO għal fuq il-fruntieri Russi

  • Ott 27, 2016 17:53
  • Miktub minn iNews
"

    L-Ingilterra ddikjarat li s-sena d-dieħla se tibgħat ajruplani tal-ġlied lejn ir-Rumanija waqt li l-Istati Uniti wegħet li tibgħat suldati, tankijiet tal-gwerra u artillerija lejn il-Polonja fl-akbar tħejjija militari tal-alleanza tan-NATO fuq il-fruntieri mar-Russja sa minn żmien il-Gwerra Bierda.

    Min-naħa tagħhom il-Ġermanja, il-Kanada u stati oħra membri tal-alleanza Atlantika wkoll wegħdu li jipprovdu qawwiet militari waqt laqgħa għolja tal-Ministri tad-Difiża li qiegħda ssir fil-kwartieri tan-NATO fi Brussell fl-istess jum meta żewġ vapuri tal-gwerra Russi armati b’missili Cruise daħlu fil-Baħar Baltiku bejn l-Iżvezja u d-Danimarka biex b’hekk kompliet teskala t-tensjoni bejn il-pajjiżi tal-Punent u l-Kremlin.

    Fi żvilupp ieħor fi Spanja, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ħabbar li r-Russja rtirat talba biex tliet vapuri tal-gwerra tagħha fl-ibħra ta’ Cueta, lil hinn mill-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, jingħataw il-fjuwil wara li l-alleati tan-NATO qalu li r-Russja għandha mnejn tuża dawn il-vapuri biex tibbumbardja nies ċivili fil-konflitt tas-Sirja. 

    Diplomatiċi qalu li dawn it-tliet vapuri jifformaw parti minn flotilla ta’ tmien vapuri, inkluż l-aircraft carrier “Admiral Kutznetsov” li mistennija tingħaqad ma’ għadd ta’ vapuri oħra Russi li diġà jinsabu ’l barra mill-kosta Sirjana.

    Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li dawn is-suldati mwegħdin mill-alleati jifformaw qawwa ġdida ta’ 4,000 suldat fil-Baltiku u l-Ewropa tal-Lvant bħala miżura kkalkulata b’risposta għal dak li hu maħsub hi qawwa militari Russa ta’ 330,000 suldat stazzjonati fuq territorju lejn il-Punent ta’ Moskow.

    Stoltenberg żied jgħid li f’dan ix-xahar stess ir-Russja bagħtet missili nukleari Iskander lejn Kaliningrad, bejn il-Polonja u l-Litwanja, u ssospendiet ftehim mal-Istati Uniti dwar armi bil-plutonju. Huwa akkuża wkoll lill-Kremlin li qiegħed ikompli jgħin lir-ribelli fl-Ukrajna. Dawn il-missili Iskander jistgħu jilħqu miri fil-Polonja kollha u l-pajjiżi tal-Baltiku għalkemm uffiċjali tan-NATO ma ridux jgħidu jekk humiex armati b’bombi nukleari jew le.

    L-għan tan-NATO hu li żżomm mal-wegħda li kienet għamlet f’Lulju li għadda li tbiegħed il-preżenza Russa mill-istati eks-Sovjetiċi wara li Moskow orkestrat l-annessjoni tal-Krimea fl-2014. Il-pjan hu li jitwaqqfu erba’ formazzjonijiet b’total ta’ madwar 4,000 suldat kmieni s-sena d-dieħla li se jkunu megħjunin minn qawwa ta’ 40,000 suldat ieħor speċjalizzati u jekk ikun hemm bżonn jintbagħtu aktar.

    Bħala parti minn din l-istrateġija, is-Segretarju tad-Difiża Ash Carter ħabbar task force b’madwar 900 suldat lesti għall-ġlied li se jintbagħtu lejn il-Polonja kif ukoll qawwa separata oħra armata b’tankijiet tal-gwerra u apparat tqil ieħor li titlaq lejn l-Ewropa tal-Lvant.  Is-Segretarju tad-Difiża Ingliż Michael Fallon qal li l-Ingilterra se tibgħat battaljun ta’ 800 suldat lejn l-Estonja f’Mejju u li dawn se jkunu appoġġjati minn suldati Franċiżi u Daniżi, kif ukoll ajruplani tal-ġlied Typhoon lejn ir-Rumanija biex jgħassu fuq  il-Baħar l-Iswed.

    Ritratt: REUTERS

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0