L-alleanza militari tal-Punent, in-NATO, qiegħda tħeġġeġ lill-membri alleati tagħha biex jikkontribwixxu għall-ikbar tkabbir militari tagħha mal-fruntieri tar-Russja sa minn tmiem il-Gwerra Bierda, hekk kif l-alleanza qiegħda tipprepara għal tilwima mġebbda ma’ Moskow.
B’aircraftcarrier dejjem riesqa lejn is-Sirja bħala turija ta’ saħħa militari matul ix-xtajtiet tal-Ewropa, il-ministri tad-difiża tan-NATO qegħdin jaħdmu fuq wegħda li l-mexxejja tal-istati alleati kienu għamlu f’Lulju li għadda li jibagħtu qawwiet militari lejn l-istati Baltiċi u lejn il-Lvant tal-Polonja mill-bidu tas-sena d-dieħla.
L-Istati Uniti tal-Amerika qiegħda tittama li l-pajjiżi Ewropej membri fl-alleanza Atlantika jikkommettu ruħhom li jorganizzaw erba’ formazzjonijiet ta’ truppi b’4,000 suldat kull waħda, bħala parti mir-risposta għall-annessjoni tal-Krimea mar-Russja fl-2014 f’każ li l-Kremlin jerġa’ jagħmel l-istess rigward l-eks stati Sovjetiċi fl-Ewropa.
Franza, id-Danimarka, l-Italja u alleati oħra huma mistennija li jingħaqdu ma’ dawn il-formazzjonijiet immexxija mill-Istati Uniti, il-Ġermanja, l-Ingilterra u l-Kanada biex jintbagħtu lejn il-Polonja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja b’qawwiet militari li jvarjaw minn infanterija sa drones.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li l-impenn tagħhom ikun prova ċara tal-għaqda transantlantika tal-alleanza. Diplomatiċi qalu li dan ukoll jibgħat messaġġ lill-kandidat presidenzjali Repubblikan Donald Trump li kien ilmenta li l-pajjiżi Ewropej mhumiex jilħqu l-miri tal-obbigazzjonijiet tagħhom fl-alleanza militari.
Dawn l-erba’ formazzjonijiet se jkunu appoġġjati minn qawwa ta’ suldati speċjali li tikkonsisti f’madwar 40,000 persuna u jekk ikun hemm bżonn truppi oħrajn f’każ li jseħħ xi konflitt armat, li kollha jkunu jistgħu jintbagħtu fl-istati Baltiċi u l-Polonja skont kif ikun imisshom.
Din l-istrateġija militari hija parti minn detterrent ġdid li qiegħed jissawwar u li jista’ wkoll ikun megħjun minn sistema ta’ difiża missilistika, rondi bl-ajruplani tal-ġlied u sistemi ta’ difiża għal kontra attakki cyber.
Madankollu, il-mexxejja tan-NATO għadhom qegħdin jitħabtu għall-implimentazzjoni ta’ strateġija simili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed li l-President Tork Tayyip Erdogan qal li sar “għadira Russa” minħabba l-preżenza ta’ qawwiet militari tal-Kremlin.
Ir-Rumanija, il-Bulgarja u t-Turkija mistennijin ma jdumux li jressqu pjan biex iżidu r-rondi militari kemm bil-baħar kif ukoll bl-ajru fl-inħawi kif ukoll bil-formazzjoni ta’ brigata multi-nazzjonali ta’ suldati tan-NATO fir-Rumanija.
Għall-Kremlin, il-pjani tal-alleanza militari mmexxija mill-Istati Uniti diġà huma ħafna meta wieħed jikkonsidra l-fatt li qiegħda tħossha mhedda mill-espansjoni tan-NATO fil-Lvant tal-Ewropa. Stotenberg qal lill-ġurnalisti li l-pjani tan-NATO huma deterrent kredibbli u mhux biex jipprovokaw konflitt iżda biex jevitawh.
Dawn l-azzjonijiet militari li se jsiru s-sena d-dieħla nisslu aktar simboliżmu peress li f’dawn l-aħħar xahrejn ir-Russja rtirat minn diversi ftehim dwar id-diżarm nukleari filwaqt li bagħtet missili li kapaċi jġorru bombi nukleari lejn il-bażi ta’ Kaliningrad fuq il-Baħar Baltiku.
Dawn il-missili cruise tat-tip Iskander-M kapaċi jolqtu miri preċiżi fil-Polonja u l-Baltiku għalkemm uffiċjali tan-NATO ma ridux jgħidu jekk ir-Russja bagħtietx ukoll bombi nukleari biex jintramaw fuq dawn il-missili.
It-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent ilha tinġema’ mill-annessjoni tal-Krimea u d-deċiżjoni mill-alleati li jiġu imposti sanzjonijiet ritaljatorji fuq Moskow, iżda l-ksur tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied fis-Sirja fit-3 ta‘ Ottubru kif ukoll l-akkużi tal-Istati Uniti li r-Russja qiegħda tipprova tfixklilha l-elezzjoni presidenzjali wasslu għal aktar deterjorament fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat.
Mexxejja tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu l-ġimgħa l-oħra biex jikkonsidraw sanzjonijiet oħra minħabba l-attakki mill-qawwiet Russi fuq inħawi ċivili fil-belt Sirjana ta’ Aleppo fil-waqt li Stoltenberg qal li qiegħed jibża’ li l-vapuri tal-gwerra Russi li ntbagħtu fil-Mediterran jistgħu jwettqu attakki ġodda fuq il-belt Sirjana.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.