"Il-PN fi kriżi serja ta' kredibilità" - Dr Franco Debono

  • Ott 08, 2016 20:44
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono ddeskriva lill-PN bħala partit li jinsab fi kriżi serja ta’ kredibilità fid-dawl tal-fatt li kien hu l-Partit fil-Gvern li naqas milli jimplimenta proposti li kellu quddiemu fl-2011. Dan fid-dawl tal-fatt li wħud minn dawn il-proposti jinsabu fl-abbozzi ta’ liġijiet li għada se jiġu ppreżentati fil-Parlament mill-Ministeru tal-Ġustizzja inkluż fosthom it-tneħħija tal-libell kriminali kif ukoll dwar id-dritt tal-preżenza tal-avukat waqt l-interrogazzjoni, bl-Oppożizzjoni qed tgħid li b’dawn il-liġijiet, il-Gvern qed jieħu l-ideat tal-istess Oppożizzjoni.

    L-Avukat Franco Debono f’kummenti lil Inewsmalta, sostna li dawn l-istess proposti li kien tkellem dwarhom fil-Parlament fit-8 ta’ Ottubru 2011, mhux talli ma ntlaqgħux, iżda ġew għalkollox injorati mill-amministrazzjoni preċedenti. 

    Qal li meta jisma dikjarazzjonijiet bħalma għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, lanqas ikun jista’ jemmen, għax jekk xi waħda minn dawn il-proposti saret mill-Oppożizzjoni sena ilu, dawn il-proposti kien għamilhom hu stess ħames snin ilu meta l-partit kien fil-Gvern. Għaldaqstant sostna li tali proposti setgħu jiġu implimentati dak iż-żmien.

    Żied jistaqsi, “Kif tista’ taparsi tagħmel proposti mill-Oppożizzjoni, li inti stess tkun injorant meta sarulek u meta kont fil-Gvern u allura stajt implimentajthom? Xi kredibilità jista’ jkollok? Għaliex ma implimentawhomx meta kienu fil-Gvern meta jien kont għamilt kampanji sħaħ biex jitwettqu?”.

    L-Avukat Franco Debono qal ukoll li jekk l-Oppożizzjoni qed tilmenta f’dan ir-rigward, huwa għandu għax jilmenta aktar li dawn il-proposti li għamilhom ħames snin ilu, ma kinux implimentati mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Carm Mifsud Bonnici, u li kellu jivvota kontrih fil-Parlament għax fi kliem stess, “kien qed jimblukkahom.” “Ikkundannawni flok ikkundannaw lilu u ma tħallejtx nikkontesta l-elezzjoni! Dik l-ironija u l-ipokrezija f’dawn id-dikjarazzjonijiet.” 

    Il-Kummissarju tal-Liġijiet qal li dwar dawn ir-riformi importanti, huwa mhux biss kien ipproponihom fil-Parlament, iżda wkoll sar dibattitu dettaljat fil-Kumitat ta’ Konsiderazzjoni ta’ Liġijiet li huwa kien jippresjedi. Qal li għaldaqstant dawn kienu proposti ċari u dettaljati li faċilment setgħu ġew implimentati. 

    “Minflok, min illum qed jgħid li pproponiehom sena ilu, kien l-istess li kkundanna lil min għamilhom ħames snin ilu, mhux talli ma implimentahomx,” żied jgħid Dr Debono. 

    Tenna li grazzi għar-rieda politika tal-Gvern Laburista preżenti, jieħu gost li proposti bħal dawn u oħrajn, inkluż il-liġi dwar il-finanzjament tal-Partiti li hu stess kien kiteb u ppreżenta fil-Parlament u fil-leġislatura li għaddiet u li riċentament għaddiet mill-Parlament bi qbil unanimu, kif ukoll il-bidla fil-metodu tal-ħatriet tal-Maġistrati u Imħallfin u bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li kien ippropona lura f’Novembru tal-2011, issa ġew implimentati. 

    “Il-poplu m’għandux il-memorja qasira li qed jaħsbu xi wħud. Il-poplu ivvota kontra l-PN meta injora proposti validi li għamilt jien u oħrajn, u l-poplu fl-elezzjoni li ġejja se jivvota favur min wettaq dawn il-proposti. Meta partit jagħmel proposti mill-Oppożizzjoni li ma implimentax meta l-istess proposti saru lilu meta kien fil-Gvern, dak il-Partit jidħol fi kriżi serja ta’ kredibilità,” temm jgħid l-Avukat Franco Debono.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    2