Dirett mill-Parlament: "Gonzi Gonzi... Ħames snin oħra"

  • Diċ 10, 2012 17:41
  • Miktub minn
"

    21.35: Joħroġ il-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Issa tgħajjat il-parti l-oħra tal-folla. "Nazzjonalisti", "Gonzi, Gonzi" u "Ħames snin oħra" hija l-għajta tal-partitarji nazzjonalisti. Il-Prim Ministru jsellem lill-folla preżenti għall-għajta "Nazzjonalisti, Nazzjonalisti."

    21.19: Muscat jintlaqa' bl-għajjat "Joseph, Joseph" filwaqt li hu jibqa' miexi fid-direzzjoni tiegħu. Nifhmu li Joseph Muscat se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Lawrence Gonzi f'Kastilja.

    21.16: Fuq in-naħa ta' barra żdiedu n-nies. Mill-Parlament jidher ħiereġ il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat.

    21:13 Ħafna nies mill-istrangers gallery dehru jitilqu minn posthom.

    21.12: Iqumu dawk kontra. Mal-membri tal-Oppożizzjoni jqum Franco Debono, jidher nervuż u jilgħab bil-mowbajl.

    21.11: Skiet taqtgħu b'sikkina fil-kamra tar-rappreżentanti.

    21.10: Iqumu dawk li huma favur il-baġit. Debono jibqa' bilqiegħda kif mistenni. Pullicino Orlando l-aħħar li jqum min-naħa tal-gvern.

    21.06: "Illum qegħdin inpoġġu l-ewwel ġebla tad-demokrazija moderna fejn qegħdin nuru li ħadd m'hu fuq mill-liġi," qal Debono. L-ispiker jibqa' jitlob lil Franco Debono biex jikkonkludi. Debono jtemm: "Jiena għandi l-privileġġ u l-unur li nwaqqaf l-oligarkija u nivvota kontra dan il-baġit."

    21.05: Hekk kif bdiet traxxax ix-xita, il-persuni li bdew jinġabru fi pjazza San Ġorġ fittxew post fejn jistkennu.

    21:00 Il-Minsitru Francis Zammit Dimech deher iqum minn postu u jmur ikellem lill-Prim Ministru. Id-deputati Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett qegħdin ħdejn xulxin, fit-tarf tal-bankijiet tan-naħa tal-gvern. Hemm jifirduhom madwar sitt siġġijiet mill-kumplament tad-deputati Nazzjonalisti.

    20.57: Id-deputat Nazzjonalista reġa' ddikjara vot kontra. Ovvjament, reazzjoni negattiva fost il-membri tal-gvern b'mod partikolari mill-bank ta' quddiem.

    20.55: Filwaqt li Franco Debono jinsab għaddej bid-diskors tiegħu bdew jiżdiedu xi ftit in-nies fi Pjazza San Ġorġ. Kif tistgħu ssegwu dirett fil-homepage ta' inewsmalta.com, Debono qiegħed jagħti rendikont kronoloġiku tal-aħħar xhur.

    20.44: "Kif nista' nivvota favur dan il-baġit wara tant fjaski," qal Franco Debono filwaqt li beda jsemmi lista ta' nuqqasijiet li responsabbli tagħhom kien il-Ministeru ta' Austin Gatt. Isejjaħ ħafna deċiżjonijiet bħala "skandli." Austin Gatt iħares lejn is-saqaf.

    Debono jirreferi wkoll għar-rapport tal-Awditur Ġenerali. Jistaqsi: "Kif nista' nivvota favur baġit li jintaxxa lil min qiegħed fuq il-paga minima? L-iktar miżura anti-soċjai tas-seklu. Kif nista' nivvota favur baġit meta l-Ministru kien sfiduċjat il-Ministru tal-Finanzi?"

    20:43 Franco Debono talab biex jitkellem, l-ispiker tah il-permess jindirizza l-Kamra.

    20:42 Instemgħet id-doqq il-qanpiena u se jittieħed il-vot.

    20:37 Bħalissa l-Parlament jinsab bi brejk ta' ħames minuti, wara mistenni jittieħed il-vot. F'dan il-ħin ħafna Deputati fuq iż-żewġ naħat tal-kamra qegħdin jitkellmu.

    20:32 Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu.

    20:28 Fid-diskors tiegħu Gonzi qal ukoll li l-gvern kien konxju tal-problemi li qegħdin jiffaċċjaw il-bdiewa minħabba żieda fil-prezz tal-għalf, u qal li kien qiegħed jagħmel proviżjonijiet dwar dan fil-baġit.

    Il-Prim Ministru tkellem dwar inizjattivi favur il-familji bit-tfal, qal li huma mibnija fuq miżuri ‘family friendly,’ u semma’ n-nefqa fuq il-familji u fuq l-istudenti.

    Gonzi qal ukoll li qed nikbru f’diversi oqsma ekonomiċi u qed naraw tkabbir isbaħ għas-snin li ġejjin.

    Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qasam tas-saħħa u qal li 100,000 persuna jieħdu mediċini b’xejn u l-Gvern qed iqassam 1,300 mediċina b’xejn u l-‘allowances’ għall-anzjani li nfirxu anke fost dawk li għandhom 78 sena.

    20.27: Wasal issa l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Il-Prim Ministru beda jersaq lejn tmiem id-diskors tiegħu.

    20:18 Debono reġa' qam minn postu bosta drabi. Fost oħraj tkellem mall-Ministru Chris Said u ħa b'idejn Jeffrey Pullicino Orlando.

    20:11 Daħlu flimkien id-deputati Jesmond Mugliett u Jeffrey Pullicino Orlando.

    20:10 Intant fid-diskors tiegħu dwar l-edukazzjoni Gonzi qal li din il-leġislatura kienet iddominata minn investiment kbir f'dan is-settur. F'ħames snin l-iskejjel tal-knisja ħadu €196 miljun, filwaqt li l-Università ħadet €212 miljun.

    Kif jixhed il-filmat ta' hawn taħt, l-atmosfera fi Pjazza San Ġorġ hija waħda pjuttost kalma.

    20.03: Seduta impenjattiva għal David Agius li reġa' mar ikellem lil Franco Debono. Din id-darba telaq minn ħdejh b'nofs tbissima.

    19:55 David Agius għal darb'oħra deher iqum minn postu u jkellem diversi deputati tan-naħa tal-gvern fosthom lill-Ministru Francis Zammit Dimech u Charlo Bonnici. Wara l-whip Nazzjonalista mar ikellem lill-iskrivani tal-Kamra.

    19:34 Aktar ma qiegħed jgħaddi l-ħin, l-istrangers gallery aktar qed timtela bin-nies.

    19:25 Il-whip tal-Partit Nazzjonalista, David Agius għal darb'oħra qam minn postu u qiegħed ikellem lill-ispiker. Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat jitbissem għal ħafna mir-rimarki tal-Prim Ministru.

    Franco Debono qiegħed jikteb xi noti.

    19.18: Franco Debono jgħaddi minn quddiem il-Prim Minstru. Saħansitra, deher jagħmel dan fuq it-televiżjoni. Bħalissa l-whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, David Agius, qiegħed jitkellem miegħu. Debono jidher xi ftit nervuż. Qam u poġġa iktar minn darba.

    19:08 Il-Prim Ministru qal li fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti kien hemm ftehim mal-Partit Laburista biex fi żmien il-Milied ma jkunx hemm kampanja elettorali u li din tibda fis-7 ta' Jannar. Huwa qal ukoll li minn informazzjoni li għandu anke jekk ma jgħaddix il-baġit iż-żieda għall-għoli tal-ħajja tkun tista' tibda tingħata mill-1 ta' Jannar, għalkemm ċertu miżuri oħra ma jkunux jistgħu jidħlu fis-seħħ.

    19.04: Franco Debono jidħol fil-Parlament. Qiegħed jitkellem mal-ispiker. Ma rajnihx dieħel mid-daħla ewlenija.

    Intant, Jesmond Mugliett għadda minn quddiem il-Parlament u baqa' għaddej. Nifhmu li se jidħol iktar tard.

    19:01: “Wara l-lejla se ssir elezzjoni ġenerali, jgħaddi jew ma jgħaddix il-baġit. Ħafna aħjar jekk nersqu lejn l-elezzjoni bil-baġit approvat minn dan il-parlament. J'Alla jirbaħ is-sens komun. Illejla se nerfgħu fuqna l-piż tal-għemil tagħna. Vot kontra jfisser li l-baġit ma jkunx għadda u dan ifisser li għada mmur għand il-President u nagħtih data meta jxolji l-Parlament u meta għandha ssir elezzjoni,” qal il-Prim Ministru.

    18:57 Dwar l-edukazzjoni l-Prim Ministru qal li frott tal-investiment li pajjiżna għamel f'dawn l-aħħar ħames snin qed jassigura li f'pajjiżna ħadd m'hu qed jaqa' lura. Il-Prim Ministru żied jgħid li l-iskejjel kollha jridu jkunu l-aqwa u l-aħjar biex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet li huma għall-ġid ta' uliedhom.

    18:43 Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi enfasiza l-kliem ħames snin ilu. Il-Prim Ministru qal li ħames snin ilu l-poplu afda l-pajjiż f'idejn il-Partit Nazzjonalista. “Partit li huwa sinonimu mal-bidliet kbar tal-pajjiż bħad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.”

    “Għaddew ħames snin saru affarijiet kbar u storiċi, ħames snin li għexnihom flimkien intom magħna u aħna magħkom kull deċiżjoni missitkom fil-laħam il-ħaj. Kultant inkwetajna u kultant fraħna,” qal il-Prim Ministru.

    18.42: Sa issa għadhom ma daħlux lanqas Jesmond Mugliett u Jeffrey Pullicino Orlando, id-deputat indipendenti f'koalizzjoni mal-gvern ta' Lawrence Gonzi.

    18.37: Sa issa d-deputat Franco Debono għadu mhux fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Sakemm ilna hawn aħna ma rajnihx dieħel lanqas.

    18.32: Beda d-diskors tal-Prim Ministru Gonzi. Tista' tarah dirett fil-homepage ta' inewsmalta.com.

    18.31: Ftit minuti oħra u jibda d-diskors tal-Prim Ministru, li se jixxandar dirett fil-homepage ta' inewsmalta.com. Wasal issa l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat.

    18.16: Fost id-diversi deputati li daħlu sa issa hemm Marie Louis Coleiro Preca, li fl-aħħar jiem għamlet operazzjoni u li l-ispekulazzjoni dwarha kienet waħda ma taqta' xejn. Coleiro Preca daħlet bil-pass, kif tagħmel dejjem. Jidher li għal darb'oħra l-għidut kienu bogħod mir-realtà.

    Intant, wasal ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier. Xi ftit individwi bdew ukoll jinġabru fi Pjazza San Ġorġ.

    18:08 Fil-Kamra tad-Deputati bħalissa, kif normalment jiġri, qegħdin jinqraw il-mistoqsijiet parlamentari.

    18.01: Wasal issa l-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Daħal warajh il-Ministru Austin Gatt.

    17.41: Madwar siegħa oħra jibda d-diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Quddiem il-Parlament u mad-dawra tiegħu numru kbir ta’ pulizija. L-atmosfera hija waħda kalma, tant li bħalissa l-uniku ħoss huwa ta’ ċafċif tal-ilma fi Pjazza San Ġorġ.

    Bdew jaslu wkoll l-ewwel deputati miż-żewġ naħat tal-kamra, filwaqt li jistennew biex jidħlu fil-Parlament hawn numru ta’ ġurnalisti u fotografi. Kif mistenni s-sigurtà biex wieħed jidħol fil-Parlament ukoll hija iktar stretta mis-soltu. Fost dawk li diġà waslu l-whips taż-żewġ partiti.

    Ritratti: Ray Attard / Charles Marsh

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    21