Bżonn ta’ trasparenza u responsabbiltà – Muscat

  • Diċ 06, 2012 14:27
  • Miktub minn

    Meta kien qiegħed jitkellem waqt intervista fuq l-RTK, l-għada li ta r-risposta tiegħu għall-baġit 2012 il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li fil-manifest elettorali, li se jkun ippublikat meta jkun il-waqt, se jkun hemm imniżżel b’kemm se jonqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, meta u kif.

    Muscat fakkar li kien hemm żmien meta l-Korporazzjoni Enemalta kienet qiegħda tagħmel qligħ u għalhekk qal li filwaqt li se jkun qiegħed jissalvagwardja l-interess tal-ħaddiem se jitlob li jkun hemm trasparenza u responsabbiltà li jgawdu minnha l-konsumaturi. “Il-prezz tad-dijżil bejn Marzu u Novembru ta’ din is-sena fis-suq internazzjonali raħas b’3ċ filwaqt li f’Malta żdied b’2ċ. Huma fuq dawn l-affarijiet li se nkunu qegħdin nitolbu spjegazzjoni. Jista’ jkun li hemm raġuni għaliex jiġri dan imma xi ħadd għandu jispjega,” kompla Muscat.

    Huwa qal li barra l-prezz tal-kontijiet, li ddejjaq in-nies hija l-inċertezza dwarhom, li ħadd ma jkun jaf kemm se jkunu. Mistoqsi dwar kif jista’ jagħti ċertezza fuq dawn il-kontijiet, Muscat qal li sa erba’ snin ilu l-prezzijiet tal-fjuwil kienu jkunu stabbiliti darba fis-sena. “Pajjizi fejn il-prezz jinbidel ta’ spiss huma pajjiżi fejn fis-settur hemm kompetizzjoni. Ma tistax tieħu sistema li taħdem fejn hemm kompetizzjoni u ma tiħux miżuri li ma jipproteġux lill-konsumatur,” żied il-Mexxej Laburista.

    Fuq il-pensjonanti, Muscat qal li rridu naraw sistema fejn ikunu vantaġġati, huwa qal li dan il-Baġit li ma semma kważi xejn dwar il-pensjonijiet. Dan jindika, qal Muscat, li gvern Nazzjonalista ġdid, jekk ikun elett, se jgħolli l-età tal-pensjoni għal 67 sena.

    Dwar l-anzjani, Muscat qal li l-persuni vulnerabbli għandhom ikunu protetti aħjar, “għandu jkun hemm standards ċari għall-anzjani fi djar tal-anzjani. L-anzjani għandhom ikunu jafu eżatt x’inhuma d-drittijiet tagħhom u x’servizzi għandhom jieħdu. L-anzjani għandna narawhom bħala klijenti fid-djar tal-anzjani,” kompla Muscat.

    Dwar il-qasam tal-biedja u s-sajd, Muscat qal li waħda mill-problemi li qiegħed jiffaċċja dan is-settur huwa li m’hemmx Ministeru għalihom. “M'hemmx persuna politika responsabbli, illum huwa settur mitluf f’Ministeru dwar ir-Riżorsi, hemm bżonn ta’ iżjed ministeri. Aħna se nimxu b’sistema oħra ta’ gvern li mhux se nkunu qegħdin nivvintawha aħna, imma li kienet tintuża minn gvernijiet Laburisti u Nazzjonalisti tal-passat, li hu żgur hu li s-sistema ta’ dan il-Prim Ministru falliet b’mod spettakolari u mhux se nerġgħu nirrepetuha,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

    Muscat qal li l-ammont ta’ nies jaħdmu għandu jiżdied billi aktar nisa jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol. “Malta tinsab lejn l-aħħar fil-klassifika tal-Unjoni Ewropea f’dik li għandha x’taqsam ma’ parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. L-inċentivi biex in-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol mhumiex biss iċ-‘child care centers’, imma numru ta’ inċentivi. Is-sitwazzjoni tal-lum hi li l-programm preżenti ta’ ‘family friendly measures’ skada,” qal Muscat.

    Muscat qal li l-poplu għandu alternattiva quddiemu bi gvern ġdid, iffokat fuq l-implimentazzjoni.

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll fuq it-turiżmu fejn qal li hemm nuqqas qawwi ta’ viżjoni fit-tul u ppjanar. “Ma tistax tagħmel baġit għat-turiżmu u ma semmiex li waħda mill-akbar ‘cruise liners’ li kienet tidħol f'Malta matul is-sena d-dieħla mhux se tibqa’ tidħol Malta fis-sena li ġejja. Il-baġit ma jfissirx li tgħid biss l-affarijiet sbieħ imma anke l-problemi u tgħid x’se tagħmel fuqhom,” kompla Muscat.

    Il-Mexxej Laburista qal li fil-Baġit il-Partit Laburista se jkunu qiegħed jivvota kontra, “ma naffdawx dan il-Gvern, il-Prim Ministru qal li dan huwa vot ta’ fiduċja fih, kif għandu jkun, aħna ma nistgħux nafdawh politikament kif naħseb ma jistgħux jafdawh il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema, studenti, anzjani u familja.”

    Madankollu qal Muscat, il-Partit Laburista jrid idaħħal iċ-ċertezza u l-istabbiltà li nżommu l-qafas tal-Baġit li għadu kemm kien preżentat. “Dan il-Baġit kien diġà diskuss fl-Unjoni Ewropea u ma tagħmilx sens li f’April, Mejju tas-sena d-dieħla nkunu qegħdin ninnegozjaw il-Baġit li suppost ikun beda,” temm jgħid Muscat.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook