Pass pass mad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni

  • Diċ 05, 2012 18:28
  • Miktub minn

    L-iktar aġġornament riċenti huwa dak ta' fuq

    Bidla fid-direzzjoni: Joseph Muscat temm jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ bidla fid-direzzjoni. “Il-bidla ma tistax tkun biss fl-uċuh, fejn imbagħad jibqgħu l-istess nies li jikkmandaw fuq wara. Hemm bżonn ta’ bidla ta’ sistema u ideat,” sostna Muscat.

    Qal li l-Partit Laburista jrid iżomm it-tajjeb u jbiddel l-affarijiet li mhux jaħdmu.

    “Poplu bil-għaqal jixraqlu Gvern bil-għaqal. L-għan tagħna huwa li nassiguraw livell ta’ għixien ogħla biex il-familja timxi ‘il quddiem,” stqarr Muscat filwaqt li temm jappella kontra l-firda. "Se noffru ċ-ċertezza, se noffru l-istabilità u se noffru l-għaqda f'pajjiżna," temm jgħid Muscat.

    Nuqqas ta’ fiduċja: Joseph Muscat qal li wieħed ma jistax jafda lil dan il-gvern minħabba diversi raġunijiet, fosthom l-kontijiet tal-enerġija, il-BWSC, l-ARMS, għax daħak bil-ħaddiema tat-tarzna u l-GO u s-€70 miljun ewro mitlufa fuq il-fairmount, il-waiting lists, l-għażla ta’ konsulenti fil-qasam tas-saħħa qgħax huma qrib ta’ ministri u t-tmexxija tal-Air Malta, fost ħafna oħrajn.

    Saħħa: Dwar il-qasam tas-saħħa, Joseph Muscat qal li l-għan tal-Partit Laburista hu li jkun hemm sptar fejn wieħed jinqeda aħjar u fil-ħin. Tkellem kif f’daqqa waħda spiċċat l-urġenza dwar l-isptar St Philips u fil-baġit ma kien hemm ebda referenza. Qal li dan hu eżempju ieħor ta' nuqqas ta' ippjanar bħal ma jeżisti fil-qasam tal-listi ta' stennija “Issa naqqas bin-nofs in-nefqa fuq fuq il-Breast Screening Programme u National Cancer Plan, filwaqt li jidher li qata qalbu mir-riforma tal-kura primarja għaliex il-budget ta’ €900,000 sparixxa,” qal Muscat.

    WasteServ: Joseph Muscat qal li l-Ministru George Pullicino rnexxielu jitfa’ lill-WasteServ fl-istess ilma li fih kien tefa’ lill-MEPA. Fisser kif jispikkaw il-kwistjonijiet ta’ tmexxija ħażina u nuqqas ta’ trasparenza. Tkellem dwar affarijiet li tkellem dwarhom l-Awditur Ġenerali. Fosthom kuntratt li minn €1 miljun sar jiswa €29 miljun. “Mela sewwa. Biex nagħtu €20 miljun oħra lil Air Malta din is-sena għaddew lill-ħaddiema minn martirju filwaqt li Ministru iħalli kuntratt ta’ €1 miljun jiżdied għal €29 miljun mingħajr lanqas daqqa ta’ pinna,” qal Muscat.

    MEPA: Joseph Muscat qal li l-MEPA saret iktar dipendenti fuq is-sussidji hekk kif it-telf irdoppja f’sena waħda u l-awtorità qiegħda tipprova tagħmel tajjeb għal dan it-telf billi twaħħal multi bl-addoċċ u żżomm lura minn ħlasijiet lill-kredituri.

    “Tajjeb li l-Prim Ministru jgħidilna x’ beħsiebu jagħmel dwar dawn it-€28 miljun telf tal-MEPA li suppost qatt ma kellhom isiru,” qal Muscat.

    Trasport Pubbliku: Joseph Muscat iddeskriva r-riforma fit-trasport pubbliku bħala waħda mill-akbar bużulloti li qatt saru f’pajjiżna. Qal li minflok il-gvern iffranka flus f’sussidji ġara bil-maqlub u fl-2011 tħallsu €4.5 miljuni minflok €4.1 miljun. Fl-2012 se jkunu tħallsu €10.9 miljuni. Dan huwa €2.7 miljuni iktar milli stmat u dan minħabba l-iżbalji li ħadu Transport Malta fl-ippjanar tar-rotot. Żvela kif tliet miljuni żejda kull sena ma semmew imkien għax laħqu ftehim li dawn il-flus jibdew jitħallsu fl-2014.

    Edukazzjoni: Dwar l-edukazzjoni Muscat qal li saru passi ‘il quddiem u hemm bżonn kontinwita’. “Ma nistghux noqgħodu inpinġu kollox tajjeb jew kollox ħażin,” sostna Muscat li qal kif mir-rapporti internazzjonali joħroġ it-tajjeb u il-ħażin. Fost oħrajn enfasizza l-ħtieġa ta’ iktar ħidma mal-għalliema bla ma tkun imposta konfużjoni. Qal ukoll li l-fatt li kważi erbgħa mikk kull għaxar t’itfal li ma jkomplu l-iskola huwa wisq. “Minflok azzjonijiet 'disjointed', qed nipproponu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ ta’ Tagħlim, Taħriġ u Xogħol, li issa qed tiġi proposta mill-Unjoni Ewropea ukoll,” sostna Muscat.

    Għawdex: Joseph Muscat sostna li l-problema kbira f’Għawdex huwa nuqqas ta’ investiment. “Lanqas il-Gvern stess ma jrid jinvesti. Min-nefqa kapitali jinvesti biss medja ta’ 3 fil-mija fis-sena.Tant kemm ftit isiru affarijiet u jieħdu fit-tul, li kienet festa meta wara tant snin tlestiet Villa Rundle, jew iridu jġibu lil tat-televizjoni għaliex infetaħ ġnien,” qal Muscat.

    Dwar id-dikjarazzjonijiet li se jitkompla l-eżerċizzju biex iktar ħaddiema Għawdxin fis-servizz pubbliku jmorru jaħdmu Għawdex, kienu inqas minn 20 li kienu trasferiti għal Għawdex fuq xogħol ta’ back-office. Dan meta hemm 1,200 impjegat. Dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, Muscat qal li ma ngħatat ebda indikazzjoni x’se jkun il-pass li jmiss min-naħa tal-Gvern u kulħadd tħalla fl-għama.

    Air Malta: Meta kien qiegħed jitkellem dwar is-settur tat-turiżmu Joseph Muscat tkellem dwar l-importanza tal-Air Malta. Qal li kien jistenna li wara li ċ-ċermen tal-kumpanija għamel stqarrija li l-kumpanija għandha tkun privatizzata l-gvern kellu jgħid x’inhuma l-intenzjonijiet tiegħu.

    “Min-naħa tagħna nemmnu li l-Air Malta għandha futur u tista’ tikber għaliex għandha potenzjal. Għandha potenzjal Ewropew daqs kemm Mediterranju u lil hinn minnu,” qal Muscat.

    Investiment: Joseph Muscat akkuża lill-Prim Ministru li jinkludi fl-istimi tiegħu proġetti li kienu irtirati bħal dak tal-estensjoni tal-SR Technics u proġetti ta’ enerġija alternattiva.

    Self Employed: Dwar dan is-settur il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li se jinżammu inizjattivi tajbin li diġa jeżistu. Iżda, żied Muscat, hemm bżonn li tkun miġġielda l-burokrazija. Hawn reġa’ tkellem dwar il-ħtieġa li tinħoloq sistema ta’ ġustizzja iktar ġusta għal dawk li ma jħallsux il-VAT u mhux jispiċċaw il-ħabs.

    €500 żieda: Bħal ma se jiżdiedu l-kontijiet, il-Prim Ministru u l-Ministi jerġgħu jieħdu ż-żieda ta’ €500 fil-ġimgħa wara l-elezzjoni, sostna Muscat. Fakkar kif din iż-żieda kienet deskritta mill-Awditur Ġenerali bħala eżempju tajjeb ta’ prattiċi ħżiena.

    Fjuwil: Anke hawn Joseph Muscat qabbel il-mod kif żdied il-prezz medju f’Malta mal-kumplament tal-Ewropa. Hawn ukoll, spjega Muscat, il-prezz f’Malta żdied ferm iktar minn kemm żdied fil-pajjiżi l-oħra Ewropej. Muscat tkellem dwar il-ħtieġa li l-Awtorità tar-Riżorsi turi iktar rieda biex ikun hemm trasparenza.

    Traħħis tal-kontijiet: Tenna l-wegħda li l-Partit Laburista jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u qal li l-Partit Laburista se jkun qiegħed jgħid kif, kemm u meta se jkunu qegħdin jorħsu l-kontijiet. “Konxju li jekk ningħataw il-fiduċja, din se tkun waħda mit-testijiet tagħna. Qed inwegħdha għax naf li se nwettaqha. Għaliex nista’ nwettaqha. U għax hemm bżonn li nwettaqha,” sostna Muscat.

    Politika tal-Enerġija: Joseph Muscat qal li l-politika dwar l-Enerġija trid tkun ibbażata fuq tlett kolonni: sigurtà ta’ provvistà, sostenibilita’ u enerġija bi prezz affordabbli.Hawn għamel numru ta’ mistoqsijiet dwar l-interconnecter ma’ Sqallija u sostna li l-Prim Ministru dejjem jgħid li dalwaqt joħorġu l-permessi iżda qatt ma jagħti dettalji. Tkellem dwar kif fallew il-pjani dwar enerġija tar-riħ.

    Żied li l-familji Maltin qegħdin iħallsu t-tieni l-ogħla kontijiet, b’periklu għall-postijiet tax-xogħol. Muscat tkellem dwar kif il-gvern għandu l-ħsieb li jerġa’ jżied il-kontijiet wara l-elezzjoni.

    Dwar il-power station tal-BWSC qal li mhux biss inbidlu r-regoli biex setgħet tikkwalifika, iżda tħallsu mill-ewwel biex issa hemm ħsarat fit-turbini u hemm kwistjoni dwar rapport u responsabbiltà. “Issa meta għandna power station tal-heavy fuel oil, li diġa’ ħallasniha iżda għadha ma taħdimx, il-Gvern ħareġ tender għal studju biex jgħidulu x’ irid jagħmel biex idawwarha taħdem bil-gass. Minnu nnifsu l-Prim Ministru qed jammetti li d-deċiżjonijiet li ħa kienu ħżiena. Kieku għamel kif għidnilu aħna mal-ewwel, kien jiffranka lil pajjiżna l-ħin, u lil familji u n-negozji l-flus,” qal Muscat.

    Wegħdi miksura: Bħalissa Joseph Muscat qiegħed ikompli d-diskors tiegħu billi jsemmi numru ta’ wegħdi miksura mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.

    Flus moħlija: Joseph Muscat tkellem dwar dawk li huwa sejjaħ flus moħlija u hawn ta lista ta’ proġetti fejn intefqu diversi miljuni iktar milli kien stmat. Fost il-proġetti li jsemmi hem mil-Mater Dei, toroq, il-moll tal-Imġarr u ż-żewġ vapuri tal-Fairmount. Fuq il-proġetti li semma fil-parlament, qal Muscat, il-ħela kienet ta’ €688 miljun. Fakkar kif il-pajjiż għandu €5,000 miljun dejn u sostna li iktar minn terz dan sar taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi.

    Defiċit: Joseph Muscat tkellem kif minflok naqqas id-defiċit il-Prim Ministru splodih b’erba’ darbiet. Fakkar ukoll fil-wegħda li minn sentejn ilu l-pajjiż kellu jkollu surplus fl-2010 u kif lanqas din il-wegħda ma nżammet.

    “Tajjeb li nirrimarkaw li l-Kummissjoni qed tistenna li d-defiċit għas-sena d-dieħla se jkun 2.9 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku, iżda l-Gvern fil-baġit qalilna li dan se jkun 1.74 fil-mija. Din hija diskrepanza li l-Prim Ministru jrid jispegaha.

    “Għal din is-sena, il-Gvern irreveda ‘il fuq id-defiċit għal 2.7% tal-GDP, jiġifieri €179 miljun. Iżda, sa’ Ottubru, id-defiċit diġa’ tela’ ghal €322 miljun. Dan ifisser li fl-aħħar xaharejn tas-sena il-Gvern irid idaħħal €142 miljun aktar milli se jonfoq,” kompla Muscat.

    It-taxxa fuq il-paga minima: Joseph Muscat qal li Partit Laburista fil-gvern ineħħi t-taxxa minn fuq min jaqla’ l-paga minima. Qal li l-viżjoni tiegħu hi li dawn in-nies ikunu mgħejuna jżiedu l-ħiliet biex isibu xogħol aħjar.

    Żied li gvern ġdid issa jrid jara wkoll li min ikun fuq il-paga minima m’għandux iħallas din it-taxxa. “Se nagħmlu dan permezz ta’ proviżjoni. B’ hekk inżommu mal-prinċipju li ma nieħdu xejn lil min ingħatalu, filwaqt li nibdew nieħdu ħsieb min intesa,” qal Muscat.

    Ħaddiema fiċ-ċivil: Żvela kif lill-ħaddiema fiċ-ċivili intbagħtulhom ittri bil-għan li jbeżżugħhom minn possibbiltà ta Gvern Laburista. “Lil ħaddiema fis-Settru Pubbliku inserrħilhom rashom li aħna naħdmu ma’ kulħadd,” qal Muscat.

    Pensjonijiet: Muscat għamel l-akkuża li da nil-baġit ma jindirizzax l-isfida tal-pensjonijiet. Qal li wara l-elezzjoni l-gvern għandu l-pjan li jżied l-età tal-irtirar. “Aħna le,” qal Muscat li sostna li l-pjan tiegħu huwa bbażat fuq it-tkabbir ekonomiku u parteċipazzjoni ta’ iktar nisa fid-dinja tax-xogħol.

    Iż-żidiet: Dwar x’jiġri miż-żieda għall-għoli tal-ħajja jekk il-baġit ma jgħaddix, Joseph Muscat qal li fis-settur pubbliku m’għandux ikun hemm problema għax iż-żieda tal-għoli tal-ħajja hija inkluża f’dik tal-ftehim kollettiv.

    “Anki lis-settur privat, nappellalu biex jimxi b’ responsabilta’ għaliex m’ hemmx raġuni għaliex iż-żieda ma tingħatax mall-ewwel,” qal Muscat li stqarr li f’każ li l-gvern “jipprova jilgħab bl-għixien tagħhom” gvern ġdid jagħti “ż-żidiet mill-ewwel u b’lura.”

    Vot ta' fiduċja: Joseph Muscat qal li t-taxxa fuq il-paga minima hija raġuni biżejjed biex l-Oppożizzjoni tivvota kontra dan il-baġit. “Iżda hemm raġunijiet oħra, ewlenija fosthom li l-Prim Ministru, korrettament, qal li dan huwa vot ta’ fiduċja fih u fil-Gvern tiegħu. Anki kieku ma qalhiex, hekk hi,” qal Muscat.

    Qal li jekk tibda s-sena mingħajr baġit ikun kollu tort tal-Prim Ministru, peró reġa’ tenna li Gvern Laburista jżomm il-qafas ta’ dan il-baġit. “Il-pożizzjoni tagħna dwar baġit biex naċċertaw ċertezza u stabbilità hija ta’ movement responsabbli,” qal Muscat.

    Irrimarka kif l-Oppożizzjoni hija disponibbli biex jekk ma jgħaddiex il-baġit tiftiehem mal-gvern biex il-kampanja elettorali tibda wara l-festi tal-Milied. “Nemmnu wkoll li m’ hemmx ghalfejn intawwlu għalxejn għax kull ġurnata li tgħaddi hija ġurnata moħlija għal pajjiżna,” qal Muscat.

    Taxxa tad-dħul: Dwar iċ-ċaqliq fit-taxxa tad-dħul Joseph Muscat qal li l-Prim Ministru jiddeċiedi fuq konvenjenza u mhux konvenzjoni. Iktar minn hekk, żied Muscat, dak li għamel il-gvern fl-aħħar baġit ma jirriflettix dak imwiegħed fl-2008. Filwaqt li wara l-wegħda qal: “F’żewġ sentenzi biss ma żammx kelmtu seba’ darbiet. Naħseb rekord dinji.” Iddeskriva l-fatt li min għandu paga minima se jibda jħallas it-taxxa bħala iktar xokkanti. “Minn fuq, il-mod kif struttura ċ-ċaqliq fl-Income Tax il-Prim Ministru, ifisser li filwaqt li min qed bil-Minimum Wage se jkun intaxxat, min jaqla aktar minn €60,000 se jiffranka t-taxxa,” sostna Muscat.

    Xogħol: Tkellem dwar kif fis-setturi tas-servizzi finanzjarji u d-'digital gaming' qiegħed jinħoloq xogħol ta’ kwalità u dan irid ikun sostnut. Iżda, fl-istess ħin tkellem dwar ir-realtà ta’ ħafna ħaddiema li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja. Iddeskriva l-20,000 impjieg li jsemmi l-Prim Ministru bħala invenzjoni hekk kif din hija statistika li wieħed ma jsibha imkien.

    “M’ ilux iltqajt ma’ erba’ ħaddiema li kien ilhom sentejn bil-kuntratt tagħhom jiġġedded kull tlett xhur. Għalija u għal kull min jaf jgħodd, erba’ persuni kien hemm b’ erba’ postijiet tax-xogħol, iżda għall-Prim Ministru kien hemm erba’ persuni għal erba’ kuntratti fis-sena, sittax, għal sentejn, tnejn u tletin post tax-xogħol. Imbagħad tjskanta li dan il-Prim Ministru m'għadu jemmnu ħadd,” qal Muscat li tkellem dwar kif il-baġit ma jindirizzax il-fatt li għat-tmien xahar konsekuttiv żdied il-qagħad.

    Sostna li filwaqt li r-riċessjoni internazzjonali seta’ kellha kontribut għan-nuqqas ta’ xogħol u nuqqas ta’ kwalità fix-xogħol, l-ikbar problemi huma riżultat ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-gvern. Għamel referenza lejn il-famuża kumpanija Brażiljana u qal li kull darba li l-Prim Ministru jħabbar xi investiment in-nies se jiftakru fiha.

    Pagi: Joseph Muscat tkellem dwar kif il-pagi qegħdin iservu inqas u fisser kif f’termini reali l-paga medja naqset bi €8.46 fil-ġimgħa. Dan meta fiż-Żona Ewro żdiedet bi 13.46 fil-ġimgħa. “Matul dawn l-ahhar erba’ snin, il-prezzijiet fiż-Żona Ewro żdiedu b’ 10 fil-mija, filwaqt li f’ Malta zdiedu ferm aktar b’ 16.2 fil-mija.

    Ekonomija: Dwar l-ekonomija Joseph Muscat qal li matul din is-sena l-ekonomija kibret in-nofs ta’ dak li kien qiegħed ibassar il-gvern. Sostna li l-gvern webbes rasu fuq stima ħażina minkejja t-twissijiet tal-Oppożizzjoni, l-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monterju Internazzjonali.

    “L-ekonomija ma kibritx mhux minħabba l-qagħda internazzjonali, għaliex fil-verita’ l-esportazzjoni marret aħjar. Il-problema kien is-suq lokali. Fi kliem ieħor, għaliex il-familji mhux qed jibqagħlhom flus fil-but,” qla Muscat li akkuża lill-Prim Ministru li jaqta’ qalb in-nies.

    Spjega kif fl-istess ġurnata li l-Gvern kien qed iħabbar il-baġit, minn Brussel għall-ewwel darba inkludew lil Malta bħala wieħed minn erbatax –il pajjiż li għandhom bżonn li tkun eżaminata l-ekonomija taghhom b’ mod urġenti.

    Bidla: Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu bħala risposta għall-baġit billi tkellem dwar il-Gvern. Qal li dan hu gvern li tilef l-enerġija u l-ħeġġa u spiċċa mifrud u mehdi fih innifsu.

    “Din il-bidla ma jistax joffrihilhom dan il-Gvern u min hu marbut mas-sistema tiegħu, għaliex min ħoloq il-problemi, jew baqa ċass waqt li qed jarahom jinħolqu, jew m’ għandux l-ideat u l-kapaċita’ li jsolvihom,” qal Muscat li sostna li l-bidla ssir biss jekk jinbidel il-gvern.

    RITRATT: CHARLES MARSH

    Aġġornamenti diretti bil-punti ewlenin tad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat, li jista' jkun segwit ukoll b'mod dirett fil-home page ta' inewsmalta.com. Ikkummenta b'mod dirett dwar dan id-diskors.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Diċ 05, 2012

    Il- PN gab hafna sikkatura bla bzonn fuq hajjitna, gholi tal hajja ma tintlahaq b,xejn.JM tama wahda biss qad fadal ,li natuk ir ridni tal- pajjiz f'idejk.

    Irrispondi