Baġit li jgħin lil min mhux qiegħed ħażin

  • Nov 29, 2012 08:21
  • Miktub minn

    L-aħħar baġit għal din il-leġiżlatura jimmira lejn il-klassi tan-nofs; dik il-faxxa tal-elettorat li hija l-aktar ikkontestata bejn il-partiti ewlenin. Il-baġit għall-2013, imressaq mill-ministru tal-finanzi Tonio Fenech, jaġevola l-aktar lil dawk il-familji bi dħul ‘il fuq mill-medju u lin-negozji żgħar.

    Ippreżentat bħala ċertifikat għall-għaqal ekonomiku muri mill-gvern nazzjonalista, il-baġit huwa wieħed ottimist f’diversi oqsma, minkejja li fid-diskors tiegħu l-ministru tal-finanzi kellu jammetti li ċ-ċirkostanzi li aħna mdawrin bihom mhumiex mill-isbaħ. M’hemmx dubju li l-baġit huwa mmirat lejn l-elezzjoni ġenerali ta’ ftit xhur oħra: ebda baġit ippreżentat tul dawn l-aħħar erba’ snin ma kien daqstant imżejjen b’retorika partiġġjana li teżalta dak li qed jitwassal bħala is-suċċess ta’ dan il-gvern.

    Madankollu, iċ-ċifri preżentati mill-ministru nnifsu joffru stampa anqas ikkulurita minn dik li ta x’jifhem il-ministru Fenech, l-aktar meta wieħed iqabbel ma’ dak li kien qed ibassar sena ilu. Il-gvern jidher, fost oħrajn, li ma laħaqx il-mira tiegħu li jżomm id-defiċit sa 2.3%, u anke jekk għas-sena d-dieħla qed ibassar li d-defiċit jitla’ sa 1.74%, din is-sena d-defiċit annwali kien ta’ 2.7%. L-istess ġara fejn jidħol id-dejn pubbliku: is-sena li għaddiet stima li dan se jlaħħaq 68.9% tal-Prodott Gross Domestiku, u mbagħad kellu jirrevedi ċ-ċifra biex din telgħet għal 71.55%, mingħajr ma wieħed jieħu kont tad-djun tal-korporazzjonijiet pubbliċi. Filwaqt għall-2013, is-sena li għaddiet kien stima li d-dejn pubbliku jlaħħaq 66.95%, l-estimi li qed jippreżenta din is-sena huma ta’ 70.43%. L-imgħax fuq id-dejn pubbliku, għalhekk, mistenni jkun ta’ 762.6 miljun ewro – ċifra ferm konsiderevoli, l-aktar meta wieħed iqis li din toqrob id-doppju tal-akbar spiża rikorrenti li għandu l-gvern, jiġifieri s-saħħa, li fl-2013 mistenni li jonfoq fuqha 465 miljun.

    Stimi li żgarraw

    Is-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija mistennija li tikber b’1.2%, wara li s-sena li għaddiet il-gvern kien stima tkabbir ta’ 2.3%, liema tkabbir waqaf sa 1% - anke jekk iċ-ċifri mogħtija mill-ministru fid-diskors tiegħu u dawk fl-istimi finanzjarji ma jaqblux bejniethom. Fl-2013 il-gvern mistenni li jdaħħal 200 miljun aktar minn taxxi diretti, filwaqt li l-ispiża tiegħu mistennija li tonqos b’441 miljun. Minkejja dan, il-gvern xorta se jkun ħareġ kważi 100 miljun aktar milli daħħal. Se tiżdied b’39 miljun l-ispiża fuq is-saħħa, b’37 miljun dik fuq benefiċċji soċjali u l-ispiża fuq l-edukazzjoni se titla’ minn 152.9 miljun għal 161.2 miljun – bl-Universita’ tara l-ispiża rikorrenti tagħha tonqsilha b’1.2 miljuni u l-iskejjel tal-Knisja jieħdu 6.5 miljuni aktar mingħand il-gvern. Jibqa’ bejn wieħed u ieħor stabbli l-baġit għall-gżira Għawdxija.

    Filwaqt illi ta 4.08 ewro fil-ġimgħa bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja, il-gvern qed ibassar li l-inflazzjoni se tkun ta’ 2.3%, jiġifieri 0.2% aktar milli kien bassar is-sena li għaddiet. Fost il-ħwejjeġ li għolew bil-preżentazzjoni tal-baġit kien hemm il-fjuwil, li għola b’żewġ ċenteżmi, is-sigaretti u t-tabakk, kif ukoll is-siment. Fl-istess waqt, il-leave tal-maternita’ tela’ issa għal 18-il ġimgħa mħallsa, għoliet ir-rata minima taċ-children’s allowance u tneħħa l-ħlas tal-boll fuq proprjeta’ mogħtija f’wirt minn ġenituri lill-ulied.

    Jekk kien hemm settur li bbenefika l-aktar minn skemi konkreti kien il-qasam tan-negozju żgħir. L-industrija l-kbira ftit li xejn rat għajnuna, minkejja l-appelli li saru fl-aħħar xhur mill-industrijalisti, u fil-qasam tat-turiżmu l-aktar żewġ miżuri li kienu qed jisħqu fuqhom il-lukandiera, b’mod speċjali dwar tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq is-settur, ma daħlux f’dan il-baġit. It-tibdil fit-taxxa tad-dħul jaġevola l-aktar lill-familji bi dħul ‘il fuq mill-medju u ftit li xejn lill-familji tal-ħaddiema. Inċentivi li tħabbru għal min qiegħed fuq il-paga minima jħeġġu lil dak li jkun biex ikompli jitħarreġ, imma ma joffru ebda konfort ekonomiku sostanzjali. Mhux ta’ b’xejn li l-GWU ħarġet diżappuntata mill-aħħar laqgħa tal-MCESD meta l-ministru ppreżenta l-proposti tal-baġit lill-imsieħba soċjali.

    Programm elettorali?

    Qabel ma tressaq il-baġit kien hemm min qed jikkummenta li dan se jkun il-programm elettorali li se jressaq quddiem il-poplu l-Partit Nazzjonalista. Kemm dan hu minnu wieħed irid jara x’se jiġri fil-ġimgħat li ġejjin. Anke għax il-kuntest ta’ dan il-baġit huwa wieħed partikolari, u mhux biss għax huwa l-aħħar baġit ta’ qabel l-elezzjoni.

    Il-baġit qed jitressaq f’kuntest ta’ instabilita’ politika, hekk kif id-deputat min-naħa tal-gvern, Franco Debono, ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jgħid li mhuwiex se jkun qed jivvota favur dan il-baġit. It-tħassib li dan il-baġit jista’ ma jgħaddix saħansitra wassal biex il-prim ministru Lawrence Gonzi jistqarr mat-Times of Malta li dan huwa ‘make or break budget’, u li jekk ma jgħaddix il-gvern imur għall-elezzjoni ġenerali. Matul l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-MCESD, nhar it-Tlieta, l-imsieħba soċjali esprimew it-tħassib tagħhom li, jekk il-baġit ma jgħaddix, il-pajjiż se jidħol fis-sena d-dieħla mingħajr ma jkollu baġit approvat u dan iqanqal inċertezza kemm fost il-familji u wkoll fost in-negozji. Fid-dawl ta’ dan, hekk kif jista’ jkun il-każ li l-baġit ikollu jiġi approvat minn gvern ġdid, il-kap tal-oppożizzjoni Joseph Muscat qal li gvern ġdid laburista jżomm mal-qafas tal-baġit imressaq minn Tonio Fenech filwaqt li jkompli jtejjeb fuqu.

    Ritratt: Ray Attard

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 3

  •  
    anonimu
    Nov 28, 2012

    Bhal kaxxa ta' Pandora - Budget 2012 fih it-Tama fl-ahhar Joseph Muscat!

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Nov 29, 2012

    Bhal li kieku iz-zieda fic-childre

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Nov 29, 2012

    Dan huwa bagit li jkompli jitfa' l-isfel lill-pensjonant u ipaxxi lill-kbarat b'pagi ta' eluf ta' euros. Nghid ghalija, jiena pensjonant, u minkejja l-ftahir tat-tnaqqis tat-taxxa, jiena bil-pensjoni ta' elf euro fix-xahar sejjer inhallas aktar t

    Irrispondi
  •  

Facebook