Nervi kbar u qalb tgħaġġel kawża ta' energy drinks

  • Lul 11, 2016 06:17
  • Miktub minn Victor Vella

    Spiss nisimgħu fuq l-effetti negattivi ta' abbuż mill-alkohol miż-żgħażagħ tagħna. Forsi diskussjoni li ftit li xejn issir f'pajjiżna hi dik ta' x'effett qed ikun hemm fuq iż-żgħażagħ tagħna b'xarbiet oħrajn, dawk magħrufa bħala 'energy drinks', li huma popolari maż-żgħażagħ. Professjonisti fl-aħħar jiem iddikjaraw pubblikament li spiss jiltaqgħu ma' żgħażagħ u persuni oħra li qed jispiċċaw ibatu mill-effetti li dawn l-energy drinks qed iħallu fuqhom. Prinċipalment nervi, nuqqas ta' rqad, u taħbit mgħaġġel tal-qalb.

    It-tabib tal-familja u Deputat Laburista Ettienne Grech, meta kkummenta ma' inewsmalta.com,tkellem dwar dak li qed jiltaqgħu miegħu. Iddikjara b'mod ċar li, "Xbajt nara nies jieħdu energy drinks u jaqbadhom nervi kbar, ma jorqdux u tgħaġġel il-qalb."

    It-terapista tal-familja, Charles Azzopardi ukoll esprima ruħu dwarhom u ddikjara li, “Xbajt nara nies ibatu bl-ansjetà, bin-nervi u bl-insomnia minħabba dawn ix-xarbiet. Speċjalment żgħażagħ li imbagħad ma jkunux jistgħu jikkonċentraw l-iskola. Jalla ma jagħmluhomx aktar."

    Ta' min jgħid li fl-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li se tkun qed tiċċensura kumpaniji li jipproduċu energy drinks, li jinkludu ammont ta’ zokkor u kaffeina, milli jirriklamaw li x-xarba żżid il-konċentrazzjoni u l-attenzjoni. Għadd ta’ Ewroparlamentari ħadu din id-deċiżjoni bil-għan li jnaqqsu l-konsum ta’ xorb li fih ħafna zokkor.

    It-tabib Etienne Grech meta kkuntattjat qalilna li, "L-energy drinks saru popolari ħafna maż-żgħażagħ u clubbers minħabba l-fatt li ż-żgħażagħ huma attivi ħafna fiżikament u jieħdu pjaċir b'attivitajiet fejn ikun hemm moviment fiżiku. Dawn dejjem ikunu jridu soluzzjoni sempliċi sabiex ikollhom iktar enerġija u sabiex jikkumbattu l-għejja. M'għandniex xi ngħidu li ċertu żgħażagħ u anke persuni akbar fl-età iduru għal drogi stimulanti inkluż dawk sintetiċi. Dan biex jakkwistaw aktar enerġija."

    Kompla jgħid li, "B'mod legali kumpaniji kbar irnexxielhom jagħmlu kampanji ta' reklamar sabiex ibigħu dawn l-energy drinks li prinċipalment fihom iz-zokkor li l-ġisem ikun irid għall-kaloriji kif ukoll sustanzi stimolanti legali bħall-kaffejina jew it-taurine. Meta tkun qegħed tikkunsma bott energy drink tkun qegħed tieħu kwantità ta' kaffeina li ssibha ġo erba' tazzi kafe' f'daqqa. Minħabba l-mod kif jirreklamaw ġabu ħafna popolarità ta' dawn ix-xarbiet fost ħafna persuni żgħar fl-età li legalment jistgħu jixorbu kemm iridu bottijiet ta' l-energy drinks."

    It-tabib Grech saħaq li, "Ftit huma dawk li jindunaw li minħabba konsum qawwi ta' energy drinks jistgħu ibatu konsekwenzi tas-saħħa kemm waqt il-konsum, kif ukoll wara li jgħaddi l-effett tal-istimolanti li jkun fihom. Il-kaffeina f'dożi qawwija tintuża wkoll fi prodotti biex inaqqsu l-aptit sabiex dak li jkun jitlef il-piż b'mod effettiv. Iżda dawn ukoll waslu persuni għand it-tobba jew l-isptar minħabba l-effetti tal-istimolanti li fihom. Persuni li jikkunsmaw dawn kemm il-darba spiċċaw jieħdu kura medika minħabba li togħla l-pressjoni, taħbit mgħaġġel tal-qalb xi drabi anke irregolari speċjalment f'persuni li jkollhom difetti tal-qalb li ma jafux bihom, tibdil fil-burdata speċjalment nervi jew aġitazzjoni jew anke dipressjoni.

    Dawn iridu ovvjament li jwaqqfu dawn l-energy drinks iżda jekk il-konsum ta' l-energy drinks kien fuq medda ta' żmien dawn il-persuni maħkuma minn dawn l-effetti ħżiena ikunu jridu żmien twil ta' rkupru sakemm il-ġisem inkluż il-moħħ jidra jiffunzjona mingħajr stimulazzjoni kontinwa li tkun ġiet minħabba konsum prolongat ta' dawn l-energy drinks. Fatalitajiet huma rari iżda huma possibbli minn attakki tal-qalb u minn dawn kien hemm numru sinjifikanti li ġew rappurtati f'pajjiżi żviluppati oħra."

    Fl-aħħar jiem spikkat dikjarazzjoni tal-Ewroparlamentari Chrisel Schaldemose. Hi qalet li l-Kummissjoni Ewropea mhux qed tgħid lill-adulti u liż-żgħażagħ biex ma jikkunsmawx dan ix-xorb, imma mhux se tħalli kumpaniji jaqilgħu l-flus billi jirriklamaw li xorb simili jista’ jgħinhom jikkonċentraw aktar u li għandu benefiċċju fuq saħħithom.

    Fir-riżoluzzjoni tagħhom, l-MEPs qalu li dikjarazzjonijiet bħal li l-kaffeina żżid il-konċentrazzjoni ma għandhomx jintużaw biex jattiraw żgħażagħ u adolexxenti. Xarba ta’ 250ml ġieli jkun fiha madwar 27g zokkor u ammont akbar ta' kaffeina. Id-Deputati Parlamentari Ewropej ikkwotaw ukoll studji li juru li l-konsum tal-energy drinks hu marbut ma’ nuqqas ta’ rqad, problemi ta’ mġiba u anke wġigħ ta' ras.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0