Kumpens ta' €1 miljun jinżel għal €25,000

  • Ġun 27, 2016 05:40
  • Miktub minn iNews

    Is-somma ta' €1,000,000 li l-Avukat Ġenerali kien ordnat iħallas lill-eredi tal-Markiż John Scicluna bħala kumpens, fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fuq dewmien żejjed tal-proċeduri fil-Qrati, tniżżlet għal €25,000. 

    Dan il-każ, li huwa dwar it-trasferiment tal-proprjetà tal-Markiż Scicluna lill-Bank of Valletta li sar fis-snin sebgħin, spiċċa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara żewġ appelli li saru mis-sentenza tal-Ewwel Qorti li ngħatat fi Frar li għadda. 

    L-appelli saru min-naħa tal-eredi tal-Markiż Scicluna li argumentaw li l-kumpens kien baxx u min-naħa tal-Avukat Ġenerali li argumenta li l-kumpens kien eċċessiv. 

    Fl-istess waqt, l-eredi tal-Markiż Scicluna talbu wkoll li l-Bank of Valletta jiġi żgumbrat mill-postijiet inkwistjoni, li jinsabu fil-Belt Valletta, proprjament fi Pjazza San Ġorġ u fi Strada Stretta. Hawnhekk, il-Qorti qalet li mhux kompitu tagħha li tiddeċiedi fuq dan il-punt, għalkemm saħqet li l-Bank ma jistax jibqa jistrieħ fuq l-Atti tat-trasferiment li saru fl-1973 u l-1974. 

    Dan il-każ kellu l-bidu tiegħu meta nhar it-30 ta' Lulju tal-1958, il-Markiż John Scicluna kien daħal fi ftehim li permezz tiegħu kera dan post li jinsab fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt lil Scicluna's Bank. Skont il-ftehim li kien sar, il-kirja ta' £800 fis-sena baqgħet valida għal perjodu ta' għaxar snin.

    F'Marzu tal-1968 l-istess kirja ġiet estiża biex tinkorpora erba' postijiet li jinsabu fi Strada Stretta. Eventwalment, Scicluna's Bank ġie amalgamat ma' The National Bank of Malta Limited, bl-istess kirja tibqa' tiġġedded skont il-liġi.

    Ġara iżda li fl-1973 twaqqaf il-Bank of Valletta. Li segwa wara kien li l-binja inkwistjoni, permezz tal-Att XLV tal-1973 u l-Att IX fl-1974, għaddiet għand il-Bank of Valletta. 

    Kien fl-1989, meta l-eredi tal-Markiż John Scicluna, Cristiane Ramsay Pergola u Mignon Marshall, fetħu kawża biex jieħdu lura l-pussess tal-proprjetà. Iżda din it-talba ma kinitx intlaqgħet f'sentenza li ngħatat fl-2010.

    Li segwa wara kien li Pergola u Marshall fetħu l-kawża nkwistjoni fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċvili. F'dik il-kawża huma talbu lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċvili tiddikjara li sofrew ksur tad-dritt fundamentali tal-proprjetà tagħhom u li fil-kawża preċedenti inkisrilhom id-dritt għall-smiegħ xieraq.

    Fis-sentenza tagħha, il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili qalet li nkiser id-dritt fundamentali ta' Pergola u Marshall għat-tgawdija tal-proprjetà u nkiser ukoll id-dritt għall-smiegħ xieraq. Għaldaqstant il-Qorti ordnat lill-Avukat Ġenerali biex jagħti kumpens ta' €1,000,000 lil Pergola u lil Marshall. Min-naħa tiegħu, il-Bank of Valletta ma nstabx responsabbli għal dan. 

    Wara li ngħatat is-sentenza tal-Ewwel Qorti saru l-appelli. Fost l-oħrajn, l-Avukat Ġenerali tenna li r-rimedju mogħti mill-Qorti huwa eċċessiv. 

    Fuq in-naħa l-oħra, fl-appell li ressqu Pergola u Marshall qalu li mhux talli l-Bank għandu jiġi żgumbrat, imma li l-ammont ta' kumpens għandu jkun ferm akbar. 

    Dwar dan il-punt, Pergola u Marshall sostnew li l-kumpens mogħti huwa baxx, għaliex skont stimi, il-proprjetajiet għandhom valur fis-suq ta' £159,000. Apparti hekk, saħqu li r-rimedju montetarju ma jipprovdi l-ebda soluzzjoni għall-futur. Għalhekk talbu li l-post vakanti jingħata lilhom. 

    Xħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, qieset diversi fatturi.

    Min-naħa tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet fost l-oħrajn l-argument tal-Avukat Ġenerali, li f'dan il-każ l-eredi tal-Markiż Scicluna ma sofrewx minn ksur tad-dritt fundamentali tal-proprjetà tagħhom. 

    Wara l-Qorti Kostituzzjonali għaddiet biex tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta' smigħ xieraq minħabba d-dewmin fil-kawża. Wara li qieset kollox, il-Qorti qalet li huwa ċar li l-kawżi maġġuri għad-dewmien fil-proċeduri kienu d-dewmien min-naħa ta' Pergola u Marshall biex iressqu l-provi tagħhom. Il-Qorti qalet ukoll iżda li l-istat ma jistax jiġi eżonerat mir-responsabilità għad-dewmien ta' 21 sena. 

    Għaldaqstant wara li qieset ukoll iż-żmien li l-familjari tal-Markiż Scicluna ħallew jgħaddi biex jiftħu l-kawża, il-Qorti niżżlet l-ammont minn €1,000,000 Ewro għal €25,000, liema ammont għandu jitħallas mill-Avukat Ġenerali.

    Fl-istess waqt, il-Qorti qalet li mhux kompitu tagħha tiddeċiedi jekk bini tal-BOV fil-Belt jingħatax lura lill-eredi tal-Markiż, għaliex fi kliemha din hija kompetenza ta' Qorti oħra jew tal-Bord jirregola l-kera. Madankollu saħqet li l-BOV ma jistax jistrieħ fuq l-Atti tat-trasferiment li saru fl-1973 u l-1974. 

    Mill-bqija, iż-żewġ appelli ġew kompletament miċħudin.  

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0