F'Buġibba karozzi barranin jipparkjaw bl-addoċċ u ma jeħdux ċitazzjoni

  • Ġun 20, 2016 06:24
  • Miktub minn Charlo Lautier
"

     Wara li rċevejna bosta lmenti mir-residenti ta’ Buġibba dwar il-problema tal-parkeġġ, morna ninvestigaw. Kull min joqgħod f’dawn l-inħawi żgur li l-aktar problema li jkollu f’moħħu wara ġurnata xogħol tkun fejn se jipparkja. Madankollu jekk ikollok vettura bi pjanċi barranin tista’ tipparkja fejn trid għax ma taqlax ċitazzjoni.

    Fil-jiem li għaddew dorna dawra fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra fil-ħinijiet meta l-maġġoranza tan-nies ikunu reqdin. Ma stajniex ma ninnutawx li kieku ridna nipparkjaw il-karozza, żgur li ma kienx jirnexxilna, għax tista’ tgħid li l-postijiet tal-parkeġġi fit-toroq kienu kollha meħuda. Dan jixhed il-problemi kbar li qed jgħaddu minnhom ir-residenti tal-madwar, li saħansitra bosta minnhom jgħaddu wkoll minn martirju sħiħ biex forsi jsibu xi post vojt fejn jipparkjaw il-vettura tagħhom.

    Wara diversi lmenti li daħlu fil-kamra tal-aħbarijiet dorna dawra ma Buġibba, u fi Triq il-Gandoffli ma stajniex ma ninnutawx ammont kbir ta’ muturi ta’ kumpanija partikolari jokkupaw il-postijiet ta’ parkeġġ tal-karozzi fit-triq kollha. Residenti ta' dik it-triq spjegawlna li huwa impossibbli li xi darba jsibu jipparkjaw fit-triq tagħhom, għax dawn tal-muturi jipparkjaw xi erba’ jew ħamsa f’kaxxa waħda, u jekk jitlaq xi ħadd minnhom, jirranġaw il-muturi b’tali mod li ma jħallux spazju fejn tidħol karozza.

    Il-kbira hi li meta karozza tipparkja f’parkeġġ ta’ mutur, din tlaqqat ċitazzjoni iżda meta mutur jipparkja f’post ta’ karozza dan ma jlaqqat xejn, għajr xi erba’ kelmiet bil-Malti minn xi persuna li taħrat it-toroq kollha biex forsi xi darba ssib post vojt fejn tħalli l-karozza. Resident ieħor minn din it-triq qalilna li jinsabu urtati b’din is-sitwazzjoni, u meta  ċemplu l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra ġew imwieġba li l-Pulizija ma tista’ tagħmel xejn għax dawn tal-muturi jħallsu l-liċenzja bħal ħaddieħor.

    Waqt id-dawra tagħna f'Buġibba, komplejna ninvestigaw il-problema kbira ta’ parkeġġ li teżisti, u ma stajniex ma ninnutawx l-ammont kbir ta’ karozzi bi pjanċi barranin. L-aktar li rajna pparkjati ħażin kienu vetturi b’numru tar-reġistrazzjoni Rumena, Bulgara, Taljana, Russa u Serba fost l-oħrajn. Il-biċċa xogħol li qed turta lir-residenti hija li jekk ikollok karozza bi pjanċi barranin, ma taqlax ċitazzjoni jekk tipparkja ħażin, jew tipparkja f'xi kantuniera, iżda jekk ikollok karozza bi pjanċi Maltin u tipparkja anke ftit ċentimetri fuq il-linji s-sofor, tlaqqatha mill-ewwel. 

    Din il-problema diġà kienet indirizzata xhur ilu u l-awtoritajiet kienu saqħu li l-problema tal-vetturi bi pjanċi barranin hija li dawn ma jinstabux fis-sistema Maltija. Allura wieħed jistaqsi jekk is-sistema Maltija ma ssibx in-numru tar-reġistrazzjoni barrani, ma tistax tiġi introdotta sistema ta’ 'clamping' bl-istess multi li jħallsu l-Maltin?

    Resident stqarr magħna li jaf persuni ta’ nazzjonalità barranija li għandhom vettura bi pjanċi barranin. Spjegalna li jekk il-barrani jkun ipparkjat f’post tajjeb u jiġi sieħbu li għandu karozza bi pjanċi Maltin, allura jipparkja floku, u l-barrani jitfa l-karozza fil-kantuniera għax żgur ma jaqlax ċitazzjoni.

    Persuna oħra qaltilna li hemm min lanqas jażżarda jċaqlaq il-karozza tiegħu minħabba l-problemi ta’ parkeġġ u jispiċċa jmur ix-xogħol bil-mixi jew b’tal-linja. Qalilna wkoll li hemm min jiġi għall-villeġġatura u jipparkja l-karozza għal tliet xhur sħaħ mingħajr qatt ma jużaha minħabba l-problema ta' parkeġġ.

    Resident ieħor stqarr magħna wkoll li hemm min jagħmel xi arranġament ma xi sid ta’ garaxx, li dan bi ftit ħlas fix-xahar iħallih jipparkja quddiem il-garaxx tiegħu, basta jagħtih kopja taċ-ċavetta. 

    Meta għamilna kuntatt mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Graziella Galea, din ikkonfermat li l-kunsill jirċievi bosta lmenti fuq din il-kwistjoni. Saħqet li l-Kunsill Lokali ma jistax jagħti ċitazzjonijiet, u l-'wardens' ma jaqgħux taħthom. Bħala Kunsill huma fid-dmir li meta jirċievu xi lmenti dwar vetturi pparkjati ħażin, dawn jinfurmaw lill-Pulizija biex tintervjeni hi. Is-Sindku appellat għal azzjoni immedjata għax mhux sew li jkun hemm resident jaqla' ċitazzjoni, imbagħad vetturi bi pjanċi barranin jipparkjaw bl-addoċċ mingħajr ma jkunu mmultati.

    Tkellimna wkoll fuq il-problema maċ-Ċermen tal-kumpanija tal-gwardjani lokali Guard and Warden Services, Kenneth De Martino, li spjegalna li bħalissa għadu għaddej il-proċess biex dawn il-vetturi bi pjanċi barranin jidħlu fuq is-sistema ta' Malta. De Martino qal li ma tingħatax ċitazzjoni għax meta l-warden idaħħal in-numru tal-vettura barranija, ma tinstabx fis-sistema Maltija, u mhux minħabba xi preferenzi.

    Fil-ġranet li ġejjin se tittieħed azzjoni diretta- Joe Mizzi

    Tlabna wkoll il-kummenti tal-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, Joe Mizzi, li qal li fil-ġranet li ġejjin se tittieħed azzjoni diretta. Spjegalna li d-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità bħalissa għaddej bi proċess u inħarġet sejħa għall-offerti biex jakkwista sit fejn ipoġġi karozzi li jittieħdu lil sidien wara li jinstab li jkunu qegħdin jinstaqu b’mod illegali fit-toroq.

    Qal li se jkun hemm gruppi ta’ Uffiċjali tal-Infurzar f’diversi lokalitajiet inkluż Buġibba, il-Qawra u l-madwar, li se jispezzjonaw vetturi bi pjanċi barranin biex jivverifikaw kemm l-identita’ kif ukoll ir-regolarità biex dawn jinstaqu fit-toroq. Saħaq li vetturi li jinstabu irregolari se jittieħdu f’sit tal-Awtorità biex jiġu penalizzati kif meħtieġ.

    Semma wkoll li se jsiru emendi fl-Avviż Legali biex vetturi jiġu wkoll ‘clamped on the spot’ jekk ikunu qed jiksru l-liġi jew abbandunati.

    Il-Ministru Mizzi qal ukoll li se jiġu kuntrattati diversi kumpaniji ta’ 'towing' biex tittieħed il-vettura jekk is-sid jibqa' ma jirrispondiex għall-avviż tal-Awtorità biex jirregola ruħu.

    Il-Ministru kkonkluda li s-sidien li jingħataw iċ-ċans kollu skont il-liġi biex jottempraw ruħhom u jekk jibqgħu ma jidhrux, jitilfu d-dritt fuq il-vettura u din tiġi rkantata.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    3