2,500 għarqa fil-Mediterran f'ħames xhur

  • Ġun 02, 2016 00:00
  • Miktub minn iNews

    Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-għadd ta’ nies li mietu jew għebu f’katina ta’ traġedji fil-Mediterran fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju jaqbeż l-elf ruħ. Dan ifisser li s’issa, din is-sena biss, mietu jew għebu fuq 2,500 ruħ fil-Mediterran. Il-bażi tal-kalkoli hija r-rakkonti ta’ migranti li kienu salvati huma u jaqsmu bil-baħar mil-Libja lejn l-Ewropa jew li rnexxielhom jaslu l-Italja.

    Quddiem din ir-realtà daqstant kerha, it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti ingħaqdet mal-appell ħerqan li għamel lill-Ewropa l-Kardinal Rainer Maria Woelki ta’ Koln, il-Ġrmanja, fil-Quddiesa ta’ Corpus Christi: “Min iħalli n-nies jegħrqu fil-Mediterran ikun jgħerreq ukoll lil Alla – kuljum, eluf ta’ drabi…Il-karba tagħhom għall-ġustizzja, id-dinjità u l-paċi hija wkoll il-karba ta’ Alla.”

    Ferm sinifikattiv huwa l-fatt li l-artal li minnu l-Kardinal Woelki għamel din it-twiddiba, fil-pjazza ta’ quddiem il-katidral, kienet lanċa ta’ seba’ metri ta’ migranti tal-Mediterran, li kienet irkuprata mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt waħda mill-missjonijiet tagħhom ta’ salvataġġ.

    Il-Kummissjoni Emigranti rrimarkat li l-għeruq tat-tħassib li wera l-Kardinal ta’ Koln huma fl-istess sentimenti murija tant drabi mill-Isqfijiet Maltin matul is-snin fil-preokkupazzjoni profonda tagħhom dwar l-imwiet fil-Mediterran. L-iktar pronunzjament riċenti f’dan ir-rigward kien dak ta' Mons. Arċisqof Charles J Scicluna waqt żjara li għamel ftit tal-jiem ilu, fuq il-vapur Phoenix tal-Migrant Offshore Aid Station  (MOAS). Dakinhar, l-Arċisqof Scicluna saħaq fuq l-importanza li l-ħniena tkun konkreta.

    Filwaqt li tenniet l-inkuraġġiment tagħha lill-awtoritajiet u l-Forzi Armati ta’ Malta biex ma jehdew qatt jagħmlu kulma jkun possibbli biex isalvaw lil min isib ruħu f’riskju fil-vjaġġ ta’ tama tiegħu lejn ħajja aħjar, il-Kummissjoni Emigranti qalet li tittama li l-komunità internazzjonali  twieġeb aħjar għad-daqs u l-kwalità tal-fenomenu.

    L-għadd ta’ migranti li qasmu l-Mediterran fl-ewwel ħames xhur tas-sena diġà laħaq 204,000 u l-għadd fosthom li waslu għax kienu salvati kien kbir. Biss it-telf ta’ 2,500 ruħ fl-istess numru ta’ xhur din is-sena juri li l-isfida tas-salvataġġ hija akbar minn dik tal-2015 meta fl-istess żmien mietu 1,855, u ferm akbar minn tal-2014 meta tilfu ħajjithom 57 persuna.

    “L-ogħla prijorità tibqa’ l-ħarsien tal-ħajja u li min ikollu bżonn l-għajnuna jsibha. Fl-istess ħin, il-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ tittituba quddiem il-bżonn li tingħaqad f’azzjoni ġenwina u konkreta biex jinħallu l-problemi li qed iġegħlu n-nies jinqatgħu minn għeruqhom u jissugraw ħajjithom fi vjaġġi ta’ tama, spiss maniġjati minn kuntrabandisti u traffikanti tal-bnedmin li ma jafux x’inhu skruplu,” saħqet il-Kummissjoni Emigranti.

    Ftit inqas wasliet ta' immigranti... ħafna aktar imwiet

    Fl-aħħar sigħat immigranti irrakkontaw kif f'waħda mill-aħħar għarqiet li seħħu għamlu sigħat jippruvaw iżommu l-ilma baħar milli jidħol fid-dgħajsa li kienu fiha u dan bdew jagħmluh b'idejhom jew b'bottijiet li kellhom, oħrajn irrakkontaw kif l-għajat tat-tfal hekk kif id-dgħajsa bdiet tegħreq jibqa' stampat f'moħħhom. Jirrakkontaw kif dawk abbord bdew iżommu ma' xulxin bl-għan li ma jegħrqux.  Quddiem dawn l-esperjenzi bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena kien hemm prattikament l-istess ammont ta' persuni li qasmu mil-Libja għall-Italja fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. L-ammont ta' din is-sena hu ftit aktar minn 700 immigrant inqas.  L-imwiet imma żdiedu b'35 fil-mija jew aktar minn 600 persuna.  Żdiedu sew ukoll l-ammont t ta' nisa tqal li għamlu l-vjaġġ. 

    Tkellem b'mod ċar dwar dan William Spindler, kelliem tal-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR). Hu spjega li matul din is-sena l-imwiet fil-Mediterran żdiedu b'35 fil-mija.  Jekk wieħed iqabbel ma' kemm mietu immigranti fil-ħames xhur tas-sena 2014 isib li hemm differenza kbira u dan hekk kif f'dak il-perjodu kienu mietu 60 persuna.

    Hu spjega li l-immigranti li ġew salvati fl-aħħar jiem kienu mis-Somalja, Eritrea u mis-Sudan. Spindler iddeskriva ir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran - jiġifieri mil-Libja lejn l-Italja bħala rotta ferm aktar perikoluża minn dik ta' bejn it-Turkija u l-Greċja. Fir-rotta ċentrali tal-Mediterran wieħed minn kull 23 immigrant li jagħmel il-vjaġġ jispiċċa mgħarraq.

    Minn analiżi li qed issir dwar l-immigranti li qasmu, jirriżulta li din is-sena ma kienx hemm żieda imma l-ammont baqa' fl-istess livell tas-sena li għaddiet. Filfatt meta wieħed iqabbel xahar b'xahar mas-sena ta' qabel isib li kien f'Jannar u Marzu biss li kien hemm aktar immigranti li qasmu lejn l-Italja.  Waqt li fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015 waslu fl-Italja 47,463 persuna fl-istess perjodu din is-sena waslu 46,714 persuna.

    In-nazzjonalità ta' dawk li waslu l-Italja, hi ta' 15 fil-mija minn Niġerja, 10 fil-mija mill-Gambja, 9 fil-mija mis-Somalja, 8 fil-mija mill-Eritrea, 8 fil-mija mill-Guinea u l-Kosta tal-Ivorju, 7 fil-mija mis-Senegal, 7 fil-mija mill-Mali, 5 fil-mija mis-Sudan u 23 minn pajjiżi oħra. 

    Ritratt: Ian Noel Pace

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0